-
-
Il-Fondazzjoni Life Network tinnota bi tħassib li fl-aħħar sigħat, jidher li organizzazzjoni barranija bl-isem “Abortion Support Network” bdiet tirreklama servizzi ta’ għajnuna finanzjarja lil nisa Maltin li jixtiequ jabortixxu t-tarbija tagħhom barra minn Malta.
Jidher li permezz tal-website tagħha, din l-organizzazzjoni tgħid li toffri pariri lil nisa Maltin sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja sabiex iwettqu abort u anki toffri pariri dwar kif għandhom jakkwistaw pilloli illegali li jtemmu t-tqala li skonthom, huma prodotti siguri.
B’dawn l-azzjonijiet, din l-organizzazzjoni barranija qed turi biċ-ċar li hija la jimpurtaha mill-ħajjiet tal-ommijiet u lanqas mill-ħajjiet tal-ulied tagħhom. Inoltre, huwa ċar dawn is-servizzi, jekk wieħed jista’ jsejħilhom servizzi, huma fqar u limitati għall-aħħar fis-sens li jfittxu biss li joffru għajnuna finanzjarja għall-proċedura tal-abort u ma tingħata ebda għajnuna għar-riperkussjonijiet fiżiċi u psikoloġiċi tal-abort.
Il-Fondazzjoni Life Network tesprimi sens ta’ xokk li fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu, din l-organizzazzjoni tgħid li xxerred “abortion-fund love” meta fil-fatt, l-abort joħloq vittmi mill-omm kif ukoll mit-tarbija li titlef ħajjitha.
Il-Fondazzjoni Life Network tuża l-fondi tagħha sabiex tipprovdi kull appoġġ lin-nisa tul it-tqala sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet għalihom u għat-tarbija tagħhom, kemm jekk din tkun it-trobbija kif ukoll li t-tarbija tingħata lil familja oħra li tkun tħobbu. Aħna nkomplu nipprovdu appoġġ anki wara t-twelid permezz ta’ counselling, appoġġ finanzjarju u anki l-possibilità ta’ kenn. Nemmnu li dan hu l-veru rigal ta’ mħabba li n-nisa jistħoqqilhom li jirċievu fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu.
Lil dawk l-ommijiet li aktarx kellhom ftit li xejn jew xejn appoġġ u għalhekk għażlu l-abort, noffru rigal ġenwin, li huwa programm ta’ fejqan minn din id-deċiżjoni. Dan nagħmluh għax għalina, kull ħajja hija prezzjuża – kemm il-ħajja tal-mara kif ukoll il-ħajja tat-tarbija li tkun intilfet.
Il-Fondazzjoni Life Network tappella lill-awtoritajiet konċernati biex qabel xejn, jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u opportuni sabiex jaraw li f’kull ċirkostanza, il-ħajjiet tal-ommijiet u tat-trabi mhux imwielda tagħhom jiġu mħarsa u protetti minn kull theddida tal-mewt, fosthom minn dawn is-servizzi. Oltre dan, il-Fondazzjoni tosserva wkoll li jixraq li l-awtoritajiet Maltin jagħmlu dawk l-investigazzjonijiet kollha li jidhrilhom neċessarji sabiex il-provvedimenti relattivi tal-liġijiet ta’ Malta jitħarsu, u dan bl-għan aħħari li l-ħajjiet vulnerabbli ta’ dawk kollha li jfittxu l-abort kif ukoll tal-vittmi tal-abort ikunu salvati.
Il-Fondazzjoni Life Network tħeġġeġ lil dawk kollha li għandhom tqala mhux mistennija jew li huma iffaċċjati bi problem fit-tqala sabiex jikkuntattjaw Life Line Malta fuq +356 2033 0023 jew jużaw is-servizz taċ-chat 24/7 permezz tal-website: lifelinemalta.eu.