Mil-lum, it-Tlieta 10 ta’ Jannar 2012, il-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta bdew Live-in ta’ tlett ijiem flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Din is-sena, it-tema tal-Live-in hija ‘Id-Diaspora Maltija u r-rwol tal-Knisja li tindika t-triq’.
Il-kelma Diaspora ġejja mid-Diaspora tal-Lhud meta għaddew mill-esperjenza tal-Eżilju u tilfu l-art u dak kollu li kien jagħtihom identità bħala poplu t’Alla. Minn poplu magħqud b’kultura reliġjuża ċara u b’saħħitha, spiċċaw poplu mferrex u konfuż saħansitra fit-twemmin tiegħu.
Id-Diaspora Lhudija qed tiġi applikata bħala metafora għar-realtà tal-lum. Għal żmien twil, kulħadd kien jaħsibha bħal xulxin, jemmen l-istess affarijiet, u l-kultura Maltija kienet primarjament reliġjuża. Illum dan ix-xenarju qed jinbidel. Il-kultura li qed tispira l-istil ta’ ħajja u l-valuri tal-Maltin m’għadiex neċessarjament dik Nisranija. Għalhekk huwa faċli li l-Insara kattoliċi jħossuhom konfużi u jħossu l-identità tagħhom mhedda.
Matul din il-ġimgħa il-Kappillani se jkunu qed jippruvaw jifhmu x’inhu jiġri u kif f’dan ix-xenarju li jista’ jidher konfuż, il-Knisja jeħtieġ tkompli tagħmel dixxerniment fid-dawl tal-Kelma t’Alla. Dan biex tifhem u tara aħjar Alla x’inhu jgħid llum u x’inhi t-triq li l-Knisja għandha quddiemha.
Matul il-Live-in, se jiġu ppreżentati għad-diskussjoni linji gwida dwar il-ħajja, l-attitudni u l-missjoni tal-kappillan. Il-media qed tiġi mistiedna tattendi għal din il-preżentazzjoni nhar il-Ħamis, 12 ta’ Jannar 2012, fl-10:45 a.m. fis-Seminarju tal-Virtù.
Għal dan il-Live-In ġie mistieden Massimo Introvigne, li hu soċjologu, fundatur u direttur taċ-CENSUR (Centro Studi sulle Nuove Religioni) u direttur ta’ Alleanza Cattolica. Hu l-awtur u l-editur ta’ diversi kotba fil-qasam tas-soċjoloġija u r-reliġjon.