Bejn il-bieraħ, it-Tlieta 8 ta’ Jannar, u għada, il-Ħamis 10 ta’ Jannar 2013, il-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta jinsabu miġbura fis-Seminarju tal-Arċisqof għal-Live-in ta’ tlett ijiem. L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna qed jattendu wkoll għal dan il-live-in flimkien mal-kappillani. Din is-sena, il-kappillani qed jirriflettu fuq it-tema “Int imbagħad meta terġa lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek”, li hija silta mill-Vanġelu ta’ San Luqa, magħżula b’mod partikolari għal din is-Sena tal-Fidi.
Il-Live-In jinkludi mumenti ta’ riflessjoni personali fuq kif il-kappillan jista’ jikber fil-fidi tiegħu, kif ukoll mumenti ta’ riflessjoni dwar kif din il-fidi tista’ tiġi trasmessa lill-oħrajn. Biex jgħinu lill-Kappillani f’dan kollu, diversi lajċi u saċerdoti qed jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Fir-ritratti annessi ma’ din l-istqarrija jidhru Fr Joe Borg, espert fil-media, Fr Joe Buhagiar, kappillan tal-parroċċa ta’ Ħal Qormi (San Bastjan), Richard Galea u Salvu Sammut, moderaturi tal-Kunsill Parrokkjali Pastorali tal-Fgura u tal-Imtarfa rispettivament.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]