Għaxar djakni ser jiġu ordnati saċerdoti mill-Arċisqof Charles Scicluna nhar it-Tnejn 29 ta’ Ġunju 2020, Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, fis-6:30pm. Il-Quddiesa se ssir fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid, u tixxandar live fuq TVM2, Newsbook.mt, u l-YouTube Channel u l-paġna ta’ Facebook tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

L-għaxar djakni li ser jiġu ordnati saċerdoti huma:

Iċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet tas-Seminarju qed jistieden lill-pubbliku, b’mod speċjali liż-żgħażagħ, biex isiru jafu aktar lis-saċerdoti l-ġodda. Għal dan il-għan tħejjew filmati qosra dwar l-esperjenzi differenti tagħhom qabel daħlu s-Seminarju, li juru kif Alla jinqeda b’toroq tal-ħajja differenti biex iwassal is-sejħa tiegħu. Fost dawn l-esperjenzi nsibu x-xjenza, l-arti, il-familja, il-parroċċi u l-gruppi ta’ żgħażagħ. Fuq il‑websajt www.seminaryvocationscentre.mt wieħed jista’ jsib ukoll l-esperjenzi tal-għaxar saċerdoti ġodda f’aktar dettall.


IL-QARI TAL-QUDDIESA PRESBITERALI

Qari I

Atti 12:1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien, is-sultan Erodi qatagħha li jaħbat għal xi wħud minn ħdan il-Knisja. Qatel ’il Ġakbu, ħu Ġwanni, bis-sejf. Imbagħad, billi ra li din il-ħaġa għoġbot lil-Lhud, qatagħha li jaqbad ’il Pietru wkoll. Dan kien f’jiem l-Ażżmi. Meta arrestah u tefgħu l-ħabs, qiegħed għassa miegħu erba’ għaqdiet ta’ suldati ta’ erbgħa kull waħda, bil-ħsieb li, wara l-Għid, iressqu quddiem il-poplu.

Pietru, mela, kien arrestat fil-ħabs, bil-għassa miegħu. Fl-istess ħin, il-Knisja kienet qiegħda titlob ’l Alla għalih bil-ħeġġa. Fil-lejl stess ta’ qabel ma Erodi kellu joħroġ ’il Pietru, dan kien rieqed bejn żewġ suldati, marbut b’żewġ ktajjen, waqt li xi għassiesa kienu għassa mal-bieb tal-ħabs. F’daqqa waħda ġie hemm anġlu tal-Mulej, u dawl idda mal-kamra. L-anġlu ta lil Pietru daqqa fuq ġenbu, qajmu u qallu: “Qum malajr.” Il-ktajjen waqgħu minn ma’ idejh. Imbagħad l-anġlu qallu: “Dawwar il-mantar miegħek u imxi warajja.” Pietru ħareġ u mexa warajh, bla ma ntebah li dak li kien qiegħed jiġri permezz tal-anġlu kien tassew; ħaseb li kienet xi ħolma.

Għaddew l-ewwel għassa, u t-tieni waħda wkoll, u waslu ħdejn il-bieb tal-ħadid li kien jagħti għall-belt; u dan infetah waħdu. Ħarġu, u mxew tul it-triq. F’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh. Imbagħad Pietru ġie f’tiegħu, u qal: “Issa qiegħed ninduna, tabilħaqq, li l-Mulej bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn id Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qegħdin jistennew li jsir.”

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.


Salm Responsorjali

Salm 33, 2-9
R/. Dawk li jibżgħu mill-Mulej, l-anġlu tiegħu jeħlishom!

Kull ħin inbierek ’il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi,
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru ’l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

L-anġlu tal-Mulej jgħammar madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom. Duqu u tarawkemm hu tajjeb il-Mulej,
hieni l-bniedem li jistkenn fih. R/.


Qari II

Tim 4:6-8. 17-18

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż: Jiena ngħid għalija, demmi ġa mxerred b’sagrifiċċju, u żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi.

Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-Imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu bix-xewqa tad-dehra tiegħu. Il-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex, bis-saħħa tiegħi, il-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha jisimgħuha. Hekk jien inħlist minn ħalq l-iljun. Il-Mulej jeħlisni minn kull deni u jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema. Glorja lilu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.


Hallelujah. Hallelujah

Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi,
u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex.

Hallelujah.


Evanġelju

Mt 16:13-19

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” qalilhom, “intom min tgħidu li jien?” U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.” U wieġbu Ġesù u qallu: “Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.


Talba għat-Tqarbina tax-Xewqa

Ġesù, jiena nemmen li Inti tinsab tabilħaqq fis-Sagrament tal-Ewkaristija. 
Irrid inħobbok fuq kollox u fuq kulħadd.
Inti taf li nixtieq nirċevik ġewwa fija.
Imma ġaladarba bħalissa ma nistax nilqgħek ġewwa fija sagramentalment,
nitolbok li tiġi fija spiritwalment.
Ejja għandi Ġesù tiegħi, biex jiena niġi għandek.
Ħeġġiġni bl-imħabba għalik biex f’ħajti u f’mewti jiena nemmen fik,
nitma’ fik u nibqa’ nħobbok għal dejjem.
Ammen