Ta’ 84 sena, Sister Annie Catania qed tkompli bil-ħidma tagħha qalb il-foqra u l-morda fil-Filippini. Ma’ Newsbook.com.mt qasmet uħud mill-esperjenzi tagħha filwaqt li tgħid li ħajjitha hija l-missjoni.
Minn mindu kienet żgħira, Sister Annie Catania kienet tiġbor għall-Missjoni. Meta daħlet fil-ħajja reliġjuża kompliet tiġbor u saħansitra għamlet madwar 20 sena fil-Moviment Missjunarju fejn għal żmien twil kienet il-President ta’ din l-għaqda li kienet impenjata biex jinġabar ikel u bżonnijiet li kienu jitwasslu fl-artijiet tal-missjoni, fosthom l-Eġittu, fejn Sister Annie u l-voluntiera kienu jaħdmu mal-lebbrużi.
Sister Annie tammetti li għall-bidu li bdiet taħdem mal-lebbrużi kienet tibżà, iżda dan il-mument irnexxielha tissuperah ukoll.
L-età ma tbeżżagħhiex lil Sister Annie u tgħid li hija temmen li l-Bambin jagħtik l-għajnuna meta jkollu bżonnu. Titlob lill-Mulej itiha s-saħħa u l-kuraġġ sabiex tkompli b’din il-ħidma kontinwa.
“Meta naħdem mal-foqra mhux jien ngħallimhom imma jgħallmuni huma għax minkejja l-faqar huma kuntenti b’li għandhom,” tistqarr Sister Annie, li l-ewwel darba li marret il-Missjoni bkiet bil-miżerja li sabet quddiemha, fosthom nies li kienu jorqdu fl-oqbra.
L-esperjenzi ta’ Sister Annie huma varji, fosthom vjaġġi twal li kultant ma jkunux daqshekk faċli sabiex tilħaq il-familja fil-bżonn. Hemm ukoll mumenti fejn trid tieħu tfal fl-isptarijiet u tkun trid tħallsilhom hi għax mingħajr flus l-operazzjonijiet ma jsirux.
Sister Annie Catania tirrakkonta l-ġrajja ta’ tifel li ġie rrifjutat minn sptar għall-ieħor sakemm b’determinazzjoni rnexxielha tidħol fi sptar ieħor u nsistiet li tħallas għall-operazzjoni biex it-tifel jiġi salvat.
Minkejja n-nuqqasijiet, Sister Annie tirrakkonta l-ġenerożità tat-tfal, li xorta waħda, jaqsmu l-ftit tagħhom mal-ġenituri tagħhom, speċjalment meta jkollhom ġenitur ma jiflaħx.
L-edukazzjoni hija parti importanti għall-futur ta’ dawn it-tfal u għalhekk Sister Annie u l-ħames sorijiet l-oħra jkollhom jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu, minn filgħodu sa filgħaxija. Għandhom ukoll ftit tfal orfni li jrabbu.
Jibqgħu għaddejjin il-ħin kollu iżda Sr Annie Catania tgħid li ma daħlitx fil-ħajja reliġjuża biex tkun komda.
“Dħalt biex naħdem għall-Mulej. La l-Mulej tani ħajja twila, inkompli naħdem sakemm il-Mulej jippermettili,” tkompli tgħid Sister Annie li fil-Filippini qed taħdem ukoll fuq dak li jsejħu l-Feeding Programme.
Sister Annie Catania tispjega li permezz ta’ dan il-programm kull filgħodu jippreparaw il-kolazzjon għat-tfal u wara jippreparawhom għall-iskola. Żewġ ommijiet isajru wkoll sabiex it-tfal jieklu u fejn ikun hemm ċerti każijiet, it-tfal jingħataw iċ-ċans li jinħaslu.
Sister Annie Catania tgħid li hemm ukoll il-Livelihood Courses li għalih jattendu madwar 40 persuna, l-aktar ommijiet, li minbarra jingħataw it-taħriġ li jkollhom bżonn, ikollhom provdut ukoll l-ikel.
Kif tista’ tgħin:
Biex Sister Annie u s-sorijiet ikomplu bil-ħidma tagħhom għandhom l-għajnuna tal-benefatturi, iżda mhux biss. Fl-Imdina s-Sorijiet għandhom bażar fejn jilqgħu affarijiet mingħand in-nies u fl-istess waqt ibigħuhom.
Hemm min jagħżel li jgħin b’donazzjonijiet ta’ flus. Wieħed jista’ jagħmel id-donazzjonijiet billi jikkuntattja lil Sr Celia Agius-Vadalà, fil-kunvent tad-Dorotej fl-Imdina.
Jintlaqgħu wkoll donazzjonijiet fil-kont tal-Bank of Valletta: Sisters of St. Dorothy’s Mission, IBAN MT60VALL2213000000050021367303
Tista’ ċċempel fuq 2145 1008 għal aktar informazzjoni.
Sors: Newsbook Malta