• Il-missjoni ta’ Ġesù, li laħqet il-quċċata tagħha fid-don ta’ l-Ispirtu s-Santu, kellha dan l-għan essenzjali: terġa’ twaqqaf ir-relazzjoni tagħna mal-Missier, li sfat imfarrka mid-dnub;taqlagħna mill-qagħda ta’ ltiema u troddilna dik ta’ wlied.
    L-Appostlu Pawlu, meta jikteb lill-Insara ta’ Ruma, jgħid: “Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: ‘Abbà! Missier!’” (Rum 8:14-15). Araw ir-relazzjoni li reġgħet inħolqot: il-paternità ta’ Alla tiġġedded fina grazzi għall-opra ħallieqa ta’ Kristu u għad-don ta’ l-Ispirtu s-Santu.
    L-Ispirtu hu mibgħut mill-Missier u jwassalna għand il-Missier. L-opra kollha tas-salvazzjoni hi opra ta’ ri-ġenerazzjoni, li fiha l-paternità ta’ Alla, permezz tad-don ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, teħlisna mill-qagħda ta’ ltiema li fiha waqajna. Anki fi żmienna qed naraw bosta sinjali ta’ din il-qagħda tagħna ta’ ltiema: dik is-solitudni ġewwa fina li nħossu anki f’nofs il-folla u li xi drabi tista’ ssir diqa eżistenzjali; dik l-awtonomija li nippretendu minn Alla, li magħha mbagħad tiġi ċerta nostalġija tal-qrubija tiegħu; dak l-analfabetiżmu spiritwali mifrux sew li minħabba fih ma nibqgħux kapaċi nitolbu; dik id-diffikultà li nsibu biex inħossu vera u reali l-ħajja ta’ dejjem, bħala milja ta’ komunjoni miżrugħa hawn u li mbagħad twarrad wara mewtna; dik it-tbatija li nsibu biex nagħrfu fil-persuna l-oħra lill-istess ħuna, la hu iben l-istess Missier; u sinjali oħra simili.
    Kontra dan kollu hemm il-qagħda ta’ wlied, li hi l-vokazzjoni tagħna sa mill-bidu, hi dak li għalih inħlaqna, id-“DNA” l-aktar profond tagħna, li imma ġiet imħassra u biex terġa’ tieħu l-ħajja kellha bżonn tas-sagrifiċċju ta’ l-Iben il-Waħdieni. Mill-ogħla don ta’ mħabba li hi l-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib, gelgel għal fuq il-bnedmin kollha, bħal nixxiegħa kbira ta’ grazzja, it-tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu. Minn jinxteħet b’fidi f’dan il-misteru ta’ ħajja ġdida jerġa’ jitwieled għall-milja tal-ħajja ta’ iben.
    “Ma nħallikomx iltiema”. Il-lum, festa ta’ Għid il-Ħamsin, dan il-kliem ta’ Ġesù jġagħilna naħsbu wkoll fuq il-preżenza materna ta’ Marija fiċ-Ċenaklu. L-Omm ta’ Ġesù tinsab qalb il-komunità tad-dixxipli miġbura fit-talb: hi memorja ħajja ta’ l-Iben u invokazzjoni ħajja ta’ l-Ispirtu s-Santu. Hi Omm il-Knisja. Fl-interċessjoni tagħha nafdaw b’mod partikulari lill-Insara kollha, il-familji u l-komunitajiet li f’dan il-mument l-iktar li għandhom bżonn tal-qawwa ta’ l-Ispirtu Paraklitu, Difensur u Konsolatur, Spirtu ta’ verità, ta’ libertà u ta’ paċi.
    L-Ispirtu, kif jafferma mill-ġdid San Pawl, jagħmilna ta’ Kristu: “Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan m’huwiex tiegħu” (Rum 8:9). U waqt li jissoda r-relazzjoni tagħna ta’ appartenenza għall-Mulej Ġesù, l-Ispirtu jdaħħalna f’dinamika ġdida ta’ fraternità. Permezz ta’ Ħuna universali, li hu Ġesù, nistgħu nidħlu f’relazzjoni ma’ l-oħrajn b’mod ġdid, mhux iżjed bħala ltiema, imma bħala wlied l-istess Missier twajjeb u ħanin. U dan jibdel kollox! Nistgħu nħarsu lejn xulxin bħala aħwa, u d-differenzi tagħna jkattru l-ferħ u l-għoġba li nagħmlu parti minn din il-paternità u fraternità unika.
     
    Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard