-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi, il-Belt Valletta16 ta’ April 2018
L-Evanġelju li għadna kemm smajna jibda b’riferiment ta’ xi ħaġa li għamel Ġesù u li fiha sinifikat profond: Ġesù mexa fuq il-baħar. Il-baħar fl-Iskrittura huwa ħafna drabi element negattiv u ta’ periklu. Il-mixja ta’ Ġesù fuq il-baħar hija din il-kapaċità li tegħleb dak kollu li huwa negattiv u kaotiku; hija din il-qawwa li ġġib ordni u paċi.
Il-poplu kien għadda minn esperjenza oħra li laqtitu profondament — aħna ngħidu ‘fil-laħam il-ħaj’ — għaliex in-nies kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr u din l-idea li jkollhom leader li jipprovdilhom kollox għoġbithom. Ġesù nduna li riedu jagħmluh sultan ta’ din id-dinja imma din l-idea ma għoġbitux għaliex il-perspettiva tal-messaġġ tiegħu kienet iżjed profonda, iżjed qawwija, u l-polemika dwar is-saltna tiegħu x’inhi, tibqa’ sejra sal-aħħar mumenti ta’ ħajtu meta avolja qiegħed quddiemu akkużat u ttorturat, Pilatu jistaqsih: “Imma inti sultan?” (Ġw 18, 33). U Ġesù jantiċipa mhux biss il-kontenut imma l-metodu tas-saltna tiegħu. “Tassew, tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfixxuni mhux għax rajtu s-sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 26-27).
U hawnhekk nixtieq inħalli l-Papa Franġisku jitkellem. F’messaġġ sabiħ li ta lill-Knisja kollha u li ġie ppublikat bħal-lum ġimgħa hija l-Eżortazzjoni Appostolika dwar il-qdusija.
Mhuwiex qiegħed jiddisprezza l-ħobż ta’ din l-art, u l-Mulej mhuwiex qiegħed jiddisprezza l-isforzi kollha tas-soċjetà ċivili u tal-Istat li jipprovdi l-ħobżna ta’ kuljum. Wara kollox fit-talba tal-Missierna għallimna nitolbu: “Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum” (Mt 6, 11). Imma qiegħed jgħidilna li dan mhux biżżejjed, li l-perspettiva li tfittex biss il-progress materjali hija short-term u mhuwiex risposta adegwata għall-ġuħ u l-għatx veru tal-umanità.
U hawnhekk nixtieq inħalli l-Papa Franġisku jitkellem. Messaġġ sabiħ li ta lill-Knisja kollha u li ġie ppublikat bħal-lum ġimgħa huwa l-Eżortazzjoni Appostolika dwar il-qdusija. Il-Papa Franġisku jagħmel kummentarju dwar il-Beatitudnijiet ta’ Ġesù, it-tmien kontro-valuri li jisfidaw il-loġika tad-dinja.
Ħin minnhom fl-Evanġelju ta’ San Mattew Ġesù jgħid: “Ħenjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja għax huma jkunu mxebbgħin” (Mt 5, 6). U l-Papa jgħid: “Il-‘ġuħ u l-għatx’ huma esperjenzi qawwija ħafna, għax iwieġbu għal ħtiġijiet primarji u huma marbuta mal-istint li hemm fil-bniedem li jsib mod kif jibqa’ ħaj” (Gaudete et Exsultate par. 77). Meta jien għandi l-għatx u għandi l-ġuħ, il-ġisem tiegħi qiegħed jgħidli li qiegħed fi kriżi, li għandu bżonn primittiv u radikali.
Li jkollok il-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja tifhem li l-ġustizzja hija bżonn fondamentali u radikali li mingħajrha l-ħajja mhijiex denja tal-ħajja tal-bniedem u lanqas tas-soċjetà. Il-Papa jgħid: “Hemm persuni li b’din l-istess qawwa tal-ġuħ u l-għatx,” jgħid il-Papa, “jixxenqu għall-ġustizzja u jfittxuha b’xewqa kbira ħafna. Ġesù jgħid li dawn ikunu mxebbgħin, għax illum jew għada l-ġustizzja tasal, u aħna nistgħu,” anzi jiena nżid ‘għandna’ “nikkollaboraw biex dan ikun possibbli, anki jekk mhux dejjem naraw il-frott ta’ dan it-tħabrik” (Gaudete et Exsultate par. 77).
U jien, illum, mal-kliem tal-Papa nżid: it-tfittxija tal-ġustizzja għal min jisfa’ vittma ta’ poteri okkulti li jridu joħonqu l-libertà tal-espressjoni.
“Imma l-ġustizzja li jipproponi Ġesù mhijiex bħal dik li tfittex id-dinja. Ħafna drabi,” jgħid il-Papa, din il-ġustizzja tkun “imtappna b’interessi msejkna, immanipulata minn naħa u minn oħra. Ir-realtà turina kemm hu ħafif li nsibu ruħna fix-xbieki tal-korruzzjoni, insiru parti minn dik il-politika ta’ kuljum ta’ ‘nagħti biex jagħtuni’, fejn kollox hu kummerċ. U kemm nies ibatu minħabba l-inġustizzji, kemm hemm li josservaw, bla ma jistgħu jagħmlu xejn, kif l-oħrajn, wieħed wara l-ieħor, jaqsmu bejniethom il-kejk tal-ħajja. Xi wħud ma jridux jitqabdu għall-vera ġustizzja u jagħżlu li jirkbu l-karru tar-rebbieħa. Dan xejn m’għandu x’jaqsam mal-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja mfaħħar minn Ġesù” (Gaudete et Exsultate par. 78).
“Din il-ġustizzja tibda titwettaq fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna meta nkunu ġusti fid-deċiżjonijiet tagħna, u mbagħad tesprimi ruħha fit-tfittxija tal-ġustizzja għall-foqra u d-dgħajfa”. U jien, illum, mal-kliem tal-Papa nżid: it-tfittxija tal-ġustizzja għal min jisfa’ vittma ta’ poteri okkulti li jridu joħonqu l-libertà tal-espressjoni. “Bla dubju,” il-Papa jgħid, “il-kelma ‘ġustizzja’ tista’ tkun sinonima mal-fedeltà li b’ħajjitna kollha nuru lejn ir-rieda ta’ Alla, imma jekk nagħtuha sens wisq ġenerali, ninsew li tidher b’mod speċjali fil-ġustizzja ma’ min m’għandux min jaqbeż għalih: “Fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla (Is 1, 17).” U l-Papa jikkonkludi: “Li nfittxu l-ġustizzja b’ġuħ u għatx, din hi l-qdusija” (Gaudete et Exsultate par. 79).
Jiena nixtieq ukoll nikkwota l-kummentarju li l-Papa Franġisku għamel għall-aħħar beatitudni li Ġesù jsemmi fl-Evanġelju ta’ San Mattew: “Ħenjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 5, 10).
U l-Papa jgħid hekk: “Ġesù nnifsu jisħaq li din il-mixja hi kontra l-kurrent sal-punt li tagħmel minna persuni li b’ħajjithom stess” b’ħajjithom stess,” jgħid il-Papa, “jisfidaw lis-soċjetà, persuni li jagħtu fastidju. Ġesù jfakkar kemm nies huma ppersegwitati u ġew ippersegwitati sempliċiment għax issieltu għall-ġustizzja, għax għexu l-impenji li ħadu ma’ Alla u mal-oħrajn. Jekk ma nixtiqux li nispiċċaw mgħarrqa f’medjokrità mudlama ejja ma nippretendux li jkollna ħajja komda, għax ‘min irid isalva ħajtu, jitlifha’ (Mt 16, 25)” (Gaudete et Exsultate par. 90).
“Biex ngħixu l-Evanġelju”, jgħid il-Papa Franġsiku, “ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwarna jkun favurina, għax ħafna drabi l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi tad-dinja jkunu qed jilagħbu kontrina. San Ġwanni Pawlu II qal li ‘soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum, jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nnfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli’. F’soċjetà aljenata bħal din, maqbuda f’orkestrazzjoni politika, medjatika, ekonomika, kulturali u saħansitra reliġjuża li xxekkel l-iżvilupp awtentiku umani u soċjali, il-ħajja tal-Beatitudnijiet issir diffiċli u tista’ wkoll tidher f’dawl ikrah, suspettuża, u tiġi rredikolata. (Gaudete et Exsultate par. 91).
“Is-salib, fuq kollox it-taħbit u t-tiġrib li ngħaddu minnhom biex nistgħu ngħixu l-kmandament tal-imħabba u l-mixja tal-ġustizzja, hu għajn ta’ maturazzjoni u ta’ tqaddis” (Gaudete et Exsultate par. 92).
Ħa nagħti parafrażi ta’ dan li qed jgħid il-Papa. Ma nistgħux naħdmu għall-ġustizzja f’kull ambjent u nippretendu li ma jkollniex it-taħbit u t-tiġrib, u dan m’għandux jaqtgħalna qalbna! Għall-Papa dan huwa għajn ta’ maturazzjoni u ta’ tqaddis bit-taħbit li ngħaddu minnu waqt li aħna niġġieldu, u nitħabtu għall-ġustizzja, nimmaturaw, u skont il-Papa Franġisku: “nitqaddsu”.
“Niftakru li meta t-Testment il-Ġdid jitkellem fuq tbatijiet li jeħtieġ inġarrbu minħabba l-Vanġelu, qed jirreferi preċiżament għall-persekuzzjonijiet (ara Atti 5:41; Fil 1:29; Kol 1:24; 2 Tim 1:12; 1 Piet 2:20; 4:14-16; Apok 2:10)” (Gaudete et Exsultate par. 92).
“Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz.
“Imma hawn qed nitkellmu fuq il-persekuzzjonijiet li ma nistgħux naħarbu, mhux dawk li nistgħu nġibu fuqna aħna stess b’mod żbaljat ta’ kif nittrattaw lill-oħrajn. Il-qaddis mhuwiex persuna eċċentrika, maqtugħa mill-oħrajn, li ma tħallix lil min jissaportiha minħabba l-vanità tagħha, in-negattività u l-korla tagħha. Ma kinux hekk l-Appostli ta’ Kristu. Il-ktieb tal-Atti jirrakkonta b’insistenza li huma kienu jgawdu s-simpatija tal-“poplu kollu” (2:47; ara 4:21,33; 5:13), waqt li xi awtoritajiet kienu qed ifittxuhom u jippersegwitawhom (ara 4:1-3; 5:17-18)” (Gaudete et Exsultate par. 93).
“Il-persekuzzjonijiet mhumiex realtà tal-imgħoddi, għax anki llum qed inbatu minnhom, kemm bit-tixrid tad-demm, bħal tant martri ta’ żminijietna, u kemm b’mod iżjed sottili, permezz ta’ kalunnji u qlajjiet foloz. Ġesù jgħid li jkun hemm il-ferħ meta ‘jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija’ (Mt 5:11). Drabi oħra jkun żebliħ li jipprova jisfigura l-fidi tagħna u jgħaddina ta’ nies boloh. Li nilqgħu ta’ kuljum it-triq tal-Vanġelu minkejja l-problemi li toħolqilna, din hi l-qdusija” (Gaudete et Exsultate par. 94).
Nixtieq nikkonkludi b’xi ħaġa li l-Papa Franġsiku jgħid minn Santa Tereża ta’ Kalkutta. Il-Papa jgħid: “Min jixtieq tassew isebbaħ lil Alla b’ħajtu, min tabilħaqq hu mxennaq biex jitqaddes sabiex ħajtu tigglorifika lill-Qaddis, hu msejjaħ ibati u jiddedika ħajtu sal-punt tal-għeja biex ifittex li jgħix l-opri tal-ħniena. Dan hu li fehmet tant tajjeb Santa Tereża ta’ Kalkutta. U dawn huma l-kliem ta’ Madre Tereża: ‘Iva, għandi ħafna dgħufijiet umani, ħafna miżerji ta’ bniedma li jien. […] Imma hu jitbaxxa u jinqeda bina, bik u bija, biex inkunu l-imħabba u l-ħniena tiegħu fid-dinja, minkejja dnubietna, minkejja l-faqar u d-difetti tagħna. Hu jiddependi minna biex iħobb id-dinja u juriha kemm iħobbha. Jekk inkunu ħsiebna wisq fina nfusna, ma jifdlilniex ħin għall-oħrajn’” (Gaudete et Exsultate par.107).
“Imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja għaliex huma jkunu mxebbgħin.”
Agħtiha, O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, tistrieħ fis-sliem. Ammen.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 6, 8-15
Salm: 118 (119), 23-24.26-27.29-30
Evanġelju: Ġw 6, 22-29
-
Ritratt: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace