-
-
L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Bażilika Kolleġġjata ta’ Marija Bambina, l-Isla
7 ta’ Settembru 2017
Qegħdin infakkru t-twelid ta’ mara. Ħadt pjaċir nisma’ r-rapport tad-diskors li l-Pro-Rettur tal-Università, Carmen Sammut, għamlet fl-okkażjoni ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet tat-8 ta’ Settembru, ta’ Jum il-Vitorja, tal-Bambina, fejn appellat biex is-soċjetà tagħna tiżviluppa u tikber fl-għarfien ta’ rwol importanti tal-mara, u bħalma hija wkoll ix-xewqa tal-Gvern tar-Repubblika, in-nisa jkollhom sehem akbar fil-ħajja tal-pajjiż u fit-tmexxija tal-istituzzjonijiet tagħna. Tgħiduli, naqra wiċċek tost Sur Isqof, għax inti tirrrapreżenta Knisja li fit-tmexxija tagħha, almenu fis-saċerdożju ġerarkiku, m’għandiex post għan-nisa. Imma nassigurakom li fil-Knisja ħafna nisa għandhom rwol importanti u anke ta’ tmexxija. Ippruvaw morru f’xi monasteru tal-klawsura jew tas-sorijiet u tindunaw min jikkmanda: jekk hux l-isqof jew il-madre.
Aħna qegħdin niċċelebraw ukoll it-twelid ta’ mara, it-twelid ta’ Bambina; din għalina hija ta’ ferħ kbir. Aħna, lil omm Ġesù, fil-fidi tagħna dejjem tajnieha rwol importanti, qawwi u kbir. Bħala pajjiż qegħdin niċċelebraw l-interċessjoni ta’ Sidtna Marija fl-istorja ta’ pajjiżna, u b’xi mod dan ir-rikonoxximent li nagħmlu ta’ kull sena, li kull sena għandu perspettiva ġdida u sinifikat ġdid għaliex aħna niżviluppaw bħala soċjetà u niżviluppaw ukoll fl-istorja tagħna u fl-iżvilupp soċjali tagħna. Imma dejjem tibqa’ din il-mara li niċċelebraw it-twelid tagħha f’dawn il-jiem sinjal ta’ ferħ, bħalma hemm miktub fl-art trijonfali ta’ din il-bażilika sabiħa: It-twelid tiegħek, O Marija, ġab ferħ kbir fid-dinja kollha. Aħna, lil Marija nsellmulha bħala l-kawża tal-ferħ tagħna, Causa Nostrae Laetitiae. Mhux ta’ b’xejn fit-8 ta’ Settembru tal-1565 u fit-8 ta’ Settembru tal-1943, il-Maltin għamlu l-esperjenza tal-interċessjoni qawwija ta’ Sidtna Marija.
Fil-Katidral tal-Imdina hemm artal iddedikat lill-Madonna, patruna ta’ Malta, kwadru sabiħ tal-Gagliardi, u Sidtna Marija qiegħda tħares lejn il-Port il-Kbir u bil-Bambin f’idejha tbierek lill-gżejjer tagħna. Jiena nixtieq li din l-immaġini sabiħa li hemm fil-knisja prinċipali tad-djoċesi tagħna, dejjem tkun attwali.
M’hemm l-ebda aspett rikreattiv f’sustanza li tagħmlek skjav. Hemm bżonn nirrikonoxxu li jekk se nitkellmu fuq rikreazzjoni, allura t-triq trid tkun xi ħaġa li tibni l-bniedem u mhux tfarrku.
Aħna nifirħu għaliex fl-istorja tagħna rnexxielna nirbħu assedji kbar imma ma nistgħux ninsew l-assedji li qegħdin iħabbtuna llum. Jiena nixtieq nifraħ lill-pulizija tagħna li f’dawn l-aħħar sigħat kellhom rebħa oħra kontra d-droga li qiegħda tassedjana. Nixtieq li l-poplu Malti u Għawdxi jirrikonoxxi l-ħidma tal-forzi tal-ordni u l-ħidma tal-Istat hu u jikkumbatti dan l-assedju kiefer. M’hemm l-ebda aspett rikreattiv f’sustanza li tagħmlek skjav. Aħna u nibdew dibattitu importanti hemm bżonn nirrikonoxxu li jekk se nitkellmu fuq rikreazzjoni, allura t-triq trid tkun xi ħaġa li tibni l-bniedem u mhux tfarrku. Aħna għandna l-assedji li jirrendu skjavi bnedmin innoċenti, l-iżjed nisa, u jekk qed infakkru t-twelid ta’ Bambina, ta’ tfajla ċkejkna, wild ta’ Anna u Ġwakkin, irridu wkoll naħsbu f’tant nisa li daħlu fiċ-ċiklu tal-prostituzzjoni u għaliex qegħdin joffru rikreazzjoni lil ħaddieħor, huma skjavi dipendenti u huma mkasbra fid-dinjità tagħhom.
Irridu wkoll naħsbu f’tant nisa li daħlu fiċ-ċiklu tal-prostituzzjoni u għaliex qegħdin joffru rikreazzjoni lil ħaddieħor, huma skjavi dipendenti u huma mkasbra fid-dinjità tagħhom.
Jien naħseb li hemm bżonn nifhmu li jekk qed nitkellmu fuq atteġġjamenti ta’ rikreazzjoni, qatt ma jista’ jkollhom bħala prezz it-tkasbir tad-dinjità ta’ persuna oħra. U għalhekk jiena nħeġġeġ lill-Istat irrepreżentat minnek, Aġent President, u minnek, Onorevoli Prim Ministru, biex aħna u naħdmu flimkien kontra dak li qiegħed jassedjana biex illum jisraqilna l-libertà, illum jisraqilna d-dinjità, illum ikasbar il-ġieħ tar-raġel u tal-mara, aħna naħdmu flimkien bħalma għamilna fis-seklu sittax u għamilna fis-seklu l-ieħor, biex ir-rebħa tkun tagħna.
Imma ma ninsewx l-interċessjoni ta’ Marija. Jiena nafda ż-żgħażagħ tagħna, in-nisa tagħna, il-familji tagħna, f’idejn l-interċessjoni tagħha. Illum għandna bżonn ukoll il-protezzjoni tagħha, il-protezzjoni fuq il-forzi tal-ordni, fuq l-armata, fuq min jiggvernana, fuq is-soċjetà ċivili kollha. Għandna bżonn il-protezzjoni ta’ Sidtna Marija biex aħna wkoll fi żminjietna ma nkunux telliefa fit-taqbida essenzjali u neċessarja, li aħna nirrispettaw lil xulxin għax f’xulxin naraw ix-xbieha ta’ binha Ġesù li meta se jiġġudikana se jgħidilna, “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont bla dar u għamiltu xi ħaġa biex tgħinuni” (ara Mt 25, 35). Dak huwa Iben Marija.
Jekk qed nitkellmu fuq atteġġjamenti ta’ rikreazzjoni, qatt ma jista’ jkollhom bħala prezz it-tkasbir tad-dinjità ta’ persuna oħra.
Aħna llum nifirħu fit-twelid tagħha għaliex fit-twelid tagħha naraw iż-żerniq li se jlaqqagħna “max-xemx tal-ġustizzja” (Mal 3, 20) li huwa binha. Fl-Evanġelju smajna lista twila ta’ ismijiet Ebrajċi (Mt 1, 1-14b. 18-23) li nqaraw mid-djaknu. Uħud minnhom midinbin illustri, fil-Bibbja magħrufin tant kemm kienu mill-agħar. Imma Marija tidħol f’din il-familja tal-bnedmin. Hemm oħrajn li kienu kwiekeb fil-konstellazzjoni tal-poplu Lhudi, Abraham, imma anke David kien midneb. Imma Ġesù mnissel minn Salamun, it-tifel ta’ mart Urija, għaliex il-Mulej ma jiddejjaqx, ħa nuża’ kelma iebsa, ma jitqażżiżx, għax hekk ngħidu fit-Te Deum. Ma sabiex bi tqila jsir wieħed minna, Alla magħna.
F’dan il-jum solenni tat-twelid tal-Bambina u tal-Vitorja, jiena nafda lil pajjiżna f’idejn l-interċessjoni ta’ Marija.
Din il-ħaġa għandha tqawwina, li jekk aħna nilqgħuh bħala l-Mulej kif dejjem għamlu missirijietna, jekk aħna nilqgħu lil Ommu bħala dik li tweżinna, wara kollox l-aħħar kelma li smajna fl-Evanġelju hija sempliċi: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 5). Jekk aħna nkunu mwieżna minn Ommu u minn Binha, l-assedji li għandna quddiemna nirbħuhom. F’dan il-jum solenni tat-twelid tal-Bambina u tal-Vitorja, jiena nafda lil pajjiżna f’idejn l-interċessjoni ta’ Marija.
O Marija, kun int li ddawwal lil min imexxina. O Marija, kun int li ddawwal liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. O Marija, kun int li tagħtina r-rebħa aħna u nissieltu biex pajjiżna jkun eżempju sabiħ taċ-ċiviltà, tal-imħabba, tas-solidarjetà, tal-kompassjoni fejn kulħadd huwa meħlus mill-jasar u mill-iskjavitù.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-