L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw. Henjin widnejkom għax qegħdin jisimgħu” (Mt 13:16). Dan hu l-kliem li smajna fl-Evanġelju skont San Mattew, li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu. Jgħid dan il-kliem għax id-dixxipli tiegħu setgħu jarawh u jisimgħuh imma dawk li ġew qabel, il-profeti u nies ġusti ta’ qabel, ma kellhomx din ix-xorti li lilu jarawh u jisimgħuh personalment.

Qegħdin nagħmlu l-festa ta’ Sant’ Anna li flimkien ma’ żewġha San Ġwakkin, it-tnejn li huma, kellhom din ix-xorti li lil Ġesù jarawh u jisimgħuh, imma kelhom grazzja akbar, għax kienu n-nanniet tiegħu. Kienu tassew henjin!

Dwar Sant’Anna ma nafux dettalji fl-Evanġelju, hemm dokumenti oħrajn li jitkellmu fuq Sant’Anna, imma nixtieq li niftakru fil-kliem li qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu, li fil-fatt jgħodd ħafna għal Sant’Anna: “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom” (Mt 7:20). Nixtieq li nagħrfu l-frott sabiħ tal-ġuf tagħha, Marija, u minnha nistgħu nagħrfu ħafna min kienet ommha, in-nanna ta’ Ġesù.

Ħa nsemmi tliet messaġġi sbieħ li tagħti Sant’Anna lilna llum.

Alla l-ewwel

L-ewwel nett, dak li smajna mill-ktieb tal-Proverbji: “Mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha” (Prov 31:30). Hawn “tibża’” tfisser: li tħobb u tqim. L-ewwel messaġġ li tagħtina Sant’Anna hu proprju dan, u narawh ċar jekk inħarsu lejn din il-vara sabiħa fejn naraw lil Sant’Anna tindika lil Marija b’sebagħha ’l fuq. Qed tgħidilha: Alla jiġi l-ewwel. Lilu għandek tqim, lilu għandek tħobb. Hu għandu jiġi l-ewwel fil-ħajja tiegħek.

Dan il-messaġġ Marija tgħallmitu. Nafu li l-ewwel darba li niltaqgħu magħha fl-Evanġelju, meta dehrilha l-anġlu Gabrijel biex iwasslilha l-akbar Aħbar, u jistenna r-risposta tagħha, hi twieġeb: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:31) Qed tgħidlu: l-ewwel Alla u dak li jrid hu, dak għandu jiġi l-ewwel. Nafu li Marija mhux biss wieġbet hekk dik inhar, imma hekk għexet ħajjitha kollha, u żgur li hekk għexet frott tal-formazzjoni li rċeviet mingħand ommha stess.

Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina. Alla għandu jiġi l-ewwel, għalhekk infittxu r-rieda tiegħu. Inkunu magħqudin miegħu fit-talb, u nfaħħruh kontinwament f’ħajjitna bħalma għamlet Marija fl-innu sabiħ tal-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46).

Jekk Alla ma jiġix l-ewwel fil-ħajja tagħna u minfloku nqiegħdu affarijiet oħra, inkunu aħna li mmorru minn taħt, aħna li nbatu, għax hu Alla li jagħtina l-akbar ġid. Meta aħna nfittxu tassew ir-rieda tiegħu, bħalma Marija qalet fit-tieġ ta’ Kana lill-qaddejja “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5), il-ħajja tagħna tkun isbaħ hawn stess, fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem; hawnhekk stess inkunu qed ngħixu ħajja bis-sens u Alla jagħtina l-għajnuna kollha li neħtieġu.

Fis-skiet u fil-kwiet

It-tieni messaġġ qiegħed fis-salm li tlabna: “Mulej, ma tkabbritx qalbi, anqas ma ntrefgħu għajnejja; jien ma ġrejtx wara ħwejjeġ kbar, jew wara ħwejjeġ ogħla minna. Imma żammejt ruħi fis-skiet u fil-kwiet, bħal tarbija f’ħoġor ommha” (Salm 131:1-2). Hekk għexet Sant’Anna, u hekk għallmet lil bintha Marija. U hekk għexet Marija. Fil-fatt, fil-Magnificat tgħid: “Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq 1:48). Hi l-esperjenza tagħha, hi l-esperjenza ta’ommha.

Meta int ma titkabbarx, meta tagħraf tgħix b’dan l-ispirtu ta’ umiltà, hemm tkun qed tgħix tassew bl-ispirtu tal-Mulej. Niftakru: Alla jaħdem permezz tal-umli. Hemm jagħmel ħwejjeġ kbar.

Dan hu messaġġ sabiħ għalina. Aħna meta nitkellmu fuq Sant’Anna qed nitkellmu fuq mara ta’ ħajja ordinarja – li saret magħrufa żmien wara minħabba tifel ta’ bintha. Imma hi għarfet tgħix il-ħajja tagħha ta’ kuljum b’responsabbiltà u b’fedeltà, u hekk għallmet lil bintha Marija. Alla jrid li l-ħajja tagħna ta’ kuljum nagħrfu ngħixuha b’responsabbiltà u b’fedeltà – mhux nistennew xi okkażjoni li tista’ tiġi xi darba.

Araw il-mara msemmija fil-ktieb tal-Proverbji li tissejjaħ “Mara ta’ ħila” (Prov 31:10). Innutaw li l-ħila tagħha mhix qiegħda f’xi ħaġa ta’ barra minn hawn, imma qiegħda fil-mod kif hi għexet il-ħajja ordinarja b’responsabbiltà u b’fedeltà.

Nixtieq hawn insemmi s-sehem kbir tal-ommijiet u tan-nanniet fil-familji – Sant’Anna kienet omm u nanna – u l-kontribut importanti li għandhom f’li jgħaddu l-fidi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Għandna dejjem napprezzaw l-għerf ta’ dawk li ġew qabilna, nieħdu ħsieb l-għeruq tagħna! Il-Papa Franġisku dejjem isemmi din bħala esperjenza personali: li n-nanna tiegħu kienet dik li l-aktar għenitu fil-ħajja tiegħu ta’ fidi. B’liema mod? Bl-għażliet tal-ħajja ta’ kuljum, billi għarfet tgħix u tgħaddi l-fidi fil-ħajja ta’ kuljum.

Inħobbu bl-għemil u bis-sewwa

It-tielet messaġġ li Sant’Anna tagħtina jorbot ma’ dak li smajna fl-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu meta jgħid: “Ma nħobbux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u bis-sewwa” (1 Ġw 3:18). San Ġwann jenfasizza li hi l-imħabba li għandha tiddistingwi l-ħajja ta’ min hu dixxiplu ta’ Ġesù.

Sant’Anna hekk għexet u għallmet lil Marija: li l-ħajja tagħha għandha dejjem titmexxa mill-imħabba. Fil-fatt lil Marija hekk narawha tgħix: dejjem tħobb, taħseb fl-oħrajn. Tħobb b’imħabba kbira lil binha, sa taħt is-salib fl-iktar waqt ta’ tbatija, imma tħobb ukoll lill-oħrajn u tagħmlilhom il-ġid. Hemm kienet ukoll fil-bidu tal-Knisja: preżenza ta’ mħabba li tgħaqqad lid-dixxipli flimkien.

Dan hu messaġġ li tagħtina Sant’Anna: li nagħmlu minn ħajjitna ħajja ta’ mħabba. Kif jgħid San Ġwann: mhux bil-kliem u t-tpaċpiċ imma bl-għemil u bis-sewwa. Dan nagħmluh l-aktar fl-affarijiet iż-żgħar: b’kelma ta’ ġid, b’messaġġ ta’ kuraġġ, bil-preżenza li tittrasmetti l-imħabba – bħal min ikun marid, u int iżżuru, u kultant ma jkunx hemm wisq x’tgħid imma tkun preżenza li tfisser imħabba kbira.

Nitolbu llum għalina lkoll u għall-familji tagħna. Nitolbu għal din il-komunità parrokkjali ta’ Wied il-Għajn, nitolbu għall-kappillan u għas-saċerdoti li jaħdmu jew li ħadmu f’din il-parroċċa, jew li huma minn din il-parroċċa. Nitolbu ħalli aħna nieħdu dejjem l-ispirazzjoni tal-patruna Sant’Anna, u speċjalment: li Alla jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna, li ngħixu l-ħajja ordinarja tagħna b’fedeltà u responsabbiltà, u nagħrfu nagħmlu minn ħajjitna ħajja ta’ mħabba vera.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju