L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu” (Mk 5:18). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Mark illum fuq dan ir-raġel li kien maħkum mill-ispirti ħżiena – minn xitan, anzi mhux wieħed imma ħafna – u li kellu din l-esperjenza kerha, imma Ġesù ħelsu. Dar-raġel, li kien fil-pajjiż tal-Ġerasin, kien bniedem ta’ periklu għan-nies, imma kien qed jagħmel ħsara lilu nnifsu wkoll. In-nies ippruvaw iżommuh bil-ktajjen u bix-xkiel, imma kien għalxejn. Ma rnexxilhomx jikkontrollawh.
Kif dar-raġel ġie faċċata ta’ Ġesù, mal-ewwel Ġesù, bil-kelma qawwija tiegħu, qal lil dawn l-ispirti biex joħorġu, biex lil dan ir-raġel jagħtih il-ħelsien. Dan huwa Ġesù li dejjem jinteressah il-ġid tal-bniedem sħiħ u li, bil-kelma qawwija tiegħu, iġib il-ħelsien lil dal-bniedem. Mhux biss jeħilsu mill-ispirti ħżiena, imma jerġa’ jagħtih lura d-dinjità u s-serenità – fil-fatt naqraw li lil dar-raġel in-nies rawh “bilqiegħda, liebes, u moħħu f’siktu” (Mk 5:15). Kien minħabba din l-esperjenza li dan ir-raġel imbagħad lil Ġesù beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu.
Din interessanti, għax fl-Evanġelju skont San Mark, ftit qabel, meta Ġesù sejjaħ lejh id-dixxipli u għażel tnax, u hemm isimhom, l-ewwel ħaġa li naqraw hu li għażilhom “biex jibqgħu miegħu” (Mk 3:14). Imbagħad biex jibgħathom b’missjoni. Dan staqsieh biex jibqa’ miegħu, imma Ġesù kellu skop differenti għalih. Jgħidlu: “Mur, inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej u kif ħenn għalik” (Mk 5:19). Bagħtu bħala appostlu mal-ewwel, biex jagħti xhieda ta’ dak li kien għamel miegħu Ġesù.
Jolqotna ħafna l-kuntrast bejn dan ir-raġel, li għadda minn din l-esperjenza ta’ bidla, u n-nies. Dar-raġel lil Ġesù talbu ħafna biex jibqa’ miegħu. U n-nies “bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom” (Mk 5:17) Għaliex? Għax in-nies baqgħu fuq l-esperjenza sensazzjonali u spettakolari – dak li raw minn barra, meta Ġesu keċċa lix-xjaten u daħlu fil-qżieqeż, u dawn il-qżieqeż qabżu fil-baħar u għerqu. Kienet xi ħaġa ta’ sensazzjoni, hekk hi għal kulħadd jekk tara xi ħaġa hekk. In-nies baqgħu fuq dan. Iktar ikkonċentraw fuq din l-esperjenza milli fuq il-bidla li għamel Ġesù f’dar-raġel, u kif ħelsu u tah ħajja ġdida. Għalhekk, ir-raġel kellu din l-esperjenza personali ta’ Ġesu minn ġewwa, trasformazzjoni sħiħa, imma n-nies baqgħu fuq dak li raw minn barra, u għalhekk qalulu li aħjar jitlaq minn hemm.
Għalina dan hu messaġġ importanti. Lil Ġesù nafuh aktar mill-qrib bħala l-Feddej tagħna – mhux b’xi ħaġa sensazzjonali, xi miraklu – li lilna wkoll irid jeħlisna. Jeħlisna mill-esperjenza negattiva tax-xitan li jqarraq bina. Aħna nafu li l-preżenza tax-xitan hi preżenza ta’ ingann, ta’ qerq, qabel xejn – li dak li hu ħażin ipinġihulek sabiħ. Għalhekk Ġesù jeħlisna minn din l-esperjenza tax-xitan, ukoll mill-ispirti ħżiena li jista’ jkollna fina, fil-qalb tagħna, bħall-egoiżmu, bħall-mibegħda u bħall-vendetta. Lilna wkoll Ġesù jagħtina dan il-ħelsien.
It-talba tagħna llum tkun it-talba li għamlu lil Ġesù ż-żewġ dixxipli meta, wara l-qawmien tiegħu mill-mewt, iltaqgħu miegħu fit-triq lejn Għemmaw, meta qalulu: “ibqa’ magħna, Mulej”. Ibqa’ magħna, twarrabx minn pajjiżna, twarrabx minn ħajjitna. Imma ibqa’ magħna biex lilna teħlisna wkoll mill-ispirti ħżiena, u biex lilna wkoll tgħinna ħalli ngħixu fil-ħelsien tiegħek b’dinjità, b’serenità, u nkunu wkoll fis-soċjetà xhieda ta’ dak li inti tagħmel magħna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju