L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20). Hu dan il-kliem ta’ Ġesù li l-Papa Franġisku għażel bħala tema għall-messaġġ tiegħu fl-okkażjoni tal-ewwel Jum Dinji tan-Nanniet u l-Anzjani li se jiġi ċċelebrat għada b’rabta mal-festa ta’ Sant’Anna u San Ġwakkin li ssir kull sena fis-26 ta’ Lulju. Din hi l-wegħda li Ġesù għamel lid-dixxipli tiegħu qabel tela’ s-sema. Il-Papa ried li jerġa’ jtenni din il-wegħda lin-nanniet u l-anzjani kollha.
Nistħajjel li dan kien il-messaġġ li Marija semgħet mingħand Anna u Ġwakkin huma u jħarrġuha fil-fidi f’Alla: li Alla hu magħna dejjem sal-aħħar taż-żmien.
Esperjenzi tqal
Dan il-kliem ta’ Ġesù nerġgħu nisimgħuh fi żmien diffiċli li issa għexna għal aktar minn sena u erba’ xhur. L-esperjenza iebsa tal-pandemija kienet – u għadha għax għadna ma ħriġniex minnha – esperjenza ta’ tempesta qalila li filġet il-ħajja ta’ kulħadd u tal-anzjani b’mod partikulari. Hemm numru sew li mardu, jew li raw tintefa’ l-ħajja ta’ xi ħadd mill-għeżież tagħhom. Ħafna kienu għal żmien iżolati, kellhom iġarrbu s-solitudni, id-dwejjaq, maqtugħin minn mal-familja. Ħafna anzjani marru lura; li kien iżommhom qabel kien il-kuntatt man-neputijiet, mal-familja, u fil-pandemija għamlu żmien twil mingħajr dan il-kuntatt mill-qrib.
Kelma ta’ kuraġġ
Il-kelma ta’ Ġesù “Jiena magħkom dejjem” hi kelma li nerġgħu nisimgħuha qalb din l-esperjenza kiefra. Hu mhuwiex maqtugħ minna, hu jinsab qrib tagħna l-mumenti kollha ta’ ħajjitna. Hu mhux indifferenti għas-solitudni tagħna. Hu magħna wkoll fil-jiem mudlama, meta kultant ma nħossuhx magħna.
Il-preżenza tiegħu tagħmel id-differenza. Bir-raġun ma nixtiqux li ngħaddu minn żminijiet diffiċli, imma hu ma wegħidniex li ma jkollniex dan, imma li jkun magħna qalb l-iebes tal-ħajja.
B’liema mod il-Mulej hu magħna? Il-Mulej hu magħna bil-kelma tiegħu. Diversi nanniet u anzjani kellhom din l-esperjenza pożittiva meta fil-mumenti ta’ tbatija kienu jsegwu ta’ kuljum – u diversi għadhom – iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa fuq it-televixin jew fuq il-mezzi soċjali. Kienet, u hi, turija li l-Knisja trid twassal dan il-messaġġ b’mod konkret min-naħa tal-Mulej: “Jiena magħkom dejjem”. Ma nħallikomx weħidkom. Jimpurtani minnkom, u qed inwassal il-kelma li tista’ tkun ta’ sostenn u ta’ kuraġġ fil-mixja iebsa tal-ħajja.
Il-Mulej hu magħna wkoll permezz ta’ persuni li jagħtu kas. Matul dan iż-żmien kellna nżommu d-distanza fiżika, imma ħafna sabu mezz biex id-distanza fiżika ma tfissirx qtugħ mill-oħrajn. Ġieli b’messaġġ, jew b’qadja, kien hemm ħafna drabi turija ta’ appoġġ u solidarjetà lejn dawk l-anzjani waħedhom jew f’diffikultà, u dak hu s-sabiħ ta’ komunità Nisranija. Hu permezz ta’ dawn in-nies – li aħna ġieli nsejħulhom “anġli” minħabba li huma messaġġiera ta’ mħabba f’ħajjitna – li l-Mulej jurina li qiegħed preżenti magħna. Issa li nittama li l-ħajja bil-mod il-mod tiġi għall-aħjar “bil-pass ta’ nemla” – dan kliem il-Papa – dan l-anġlu jista’ jkollu l-wiċċ ta’ xi neputi jew neputija, ta’ xi ħadd mill-qraba, ta’ ħbieb antiki jew dawk il-persuni li sirna nafuhom proprju f’dan iż-żmien diffiċli.
Meta l-Mulej ikun magħna, hu jagħmlilna stediniet ġodda, bi kliem ġdid li jagħtina faraġ. U l-Papa jsemmi li ma’ dan il-kliem “Jien magħkom dejjem” Ġesù ta missjoni lid-dixxipli biex jagħmlu dixxipli ġodda u jgħallmuhom iħarsu dak kollu li semgħu mingħandu. Għalhekk lill-anzjani u n-nanniet jistedinhom biex jgħaddu l-fidi Nisranija lin-neputijiet u lill-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Il-Mulej hu magħna wkoll permezz ta’ persuni li jagħtu kas. Matul dan iż-żmien kellna nżommu d-distanza fiżika, imma ħafna sabu mezz biex id-distanza fiżika ma tfissirx qtugħ mill-oħrajn.
Ħolm, memorja, talb
F’din il-kelma ta’ Ġesù naraw sejħa importanti lin-nanniet u lill-anzjani, anke f’dan iż-żmien kruċjali li qegħdin fih, biex nitgħallmu minn din l-esperjenza tal-pandemija, u ma noħorġux agħar minnha imma aħjar. Il-Papa jistieden lilna lkoll biex inkunu parti attiva mit-tiġdid ta’ din is-soċjetà, u għall-anzjani u n-nanniet isemmi b’mod partikulari dawn it-tliet toroq: il-ħolm, il-memorja, it-talb.
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Kristu Jgħix, il-Papa jsemmi l-importanza tal-alleanza bejn l-anzjani u ż-żgħażagħ. Jgħid kemm hu importanti li l-anzjani joħolmu; huma għandhom ħolm minsuġ bit-tifkiriet u mmarkati mill-esperjenzi u mis-snin. Huma ż-żgħażagħ li jistgħu jwettqu l-ħolm tal-anzjani u jiżviluppawh – il-ħolm ta’ ħajja aħjar, il-ħolm tal-ġustizzja, tal-paċi, tas-solidarjetà. Il-Papa jgħid liż-żgħażagħ: agħmlu kuntatt mal-anzjani, isimgħu lilhom, għax hemmhekk tistgħu taraw dak li tistgħu twettqu intom f’ħajjitkom. Meta niftakar f’Sant’Anna u San Ġwakkin, nimmaġina kemm dawn, imrobbijin fil-fidi tal-poplu Lhudi, kellhom ħolm għal Marija binthom – ħolm li seħħ b’mod verament speċjali fiha.
Il-ħolm jintiseġ mal-memorja. Hu tant importanti li qatt ma ninsew l-għeruq tagħna, u f’dan l-anzjani u n-nanniet għandhom sehem hekk importanti. Jekk twarrab il-memorja, jekk tarmi l-għerf ta’ dawk li ġew qabilna, hemm ċans kbir li tirrepeti l-iżbalji tal-imgħoddi, jew li ma tapprezzax is-sabiħ tal-imgħoddi. Din il-memorja tgħin biex tinbena dinja aktar umana, dinja akkoljenti. Hi l-memorja ta’ tant nies li għarfu jgħixu ħajja magħquda ma’ Alla – kif isemmi l-ktieb ta’ Bin Sirak: “Ħa nfaħħru n-nies twajba, nies ta’ tjieba li l-opri tagħhom ma jintesewx”. L-anzjani msejħin biex ikunu ħarriesa tal-memorja.
Il-Papa Franġisku jsemmi wkoll l-importanza tat-talb. Jgħid li Papa Benedittu XVI, “qaddis anzjan li għadu jitlob u jaħdem għall-Knisja”, kien qal hekk lejn it-tmiem tal-Pontifikat tiegħu: “It-talb tal-anzjani jista’ jipproteġi lid-dinja u jgħin forsi b’mod iktar inċisiv mit-taħbit ta’ ħafna”. It-talb hu riżorsa prezzjuża, hu l-pulmun li la l-Knisja u lanqas id-dinja ma jistgħu jgħaddu mingħajru. Diversi nies li huma morda, jew anzjani ħafna, li jistgħu jagħmlu hu li jitolbu – jiġifieri jistgħu jagħmlu l-aqwa ħaġa! It-talb hu għajn ta’ qawwa. F’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija, fejn aħna fuq l-istess dgħajsa f’baħar imqalleb, l-interċessjoni tal-anzjani turi lil kulħadd il-fiduċja hienja tal-port fejn irridu naslu.
Aħna u niċċelebraw il-festa ta’ Sant’Anna hawnhekk f’din il-komunità, nitolbu lilha flimkien ma’ żewġha San Ġwakkin biex jgħinuna lkoll ħalli nżommu dejjem f’qalbna l-kliem ta’ faraġ u kuraġġ li l-Mulej jgħidilna: “Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju