-
-
Delegazzjoni Maltija magħmula minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, is-Sur Natalino Psaila li huwa persuna nieqes mis-smigħ u is-Sinjura Rita Portelli interpretu tal-Lingwa tas-Sinjali Maltija ħadu sehem fit-tieni laqgħa Ewropeja għall-Kattoliċi Nieqsin mis-Smigħ li saret fil-Belt ta’ Praga fir-Repubblika Ċeka.
Din il-laqgħa, li ssir kull sentejn, tlaqqa’ flimkien rappreżentanti tal-Knisja Kattolika mill-pajjiżi tal-Ewropa li huma involuti fil-pastorali mal-persuni nieqsa mis-smigħ sabiex jaqsmu flimkien esperjenzi, proġetti u anke d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.
Il-laqgħa kienet inawgurata mill-Kardinal ta’ Praga Mons. Dominik Jaroslav Duka O.P., li wara ċċelebra quddiesa għall-parteċipanti kollha fil-katidral ta’ San Vitu.
Waqt il-laqgħa, ir-rappreżentanti ta’ Malta kellhom l-opportunità jitkellmu dwar il-ħidma li qed issir fid-Djoċesi ta’ Malta mal-persuni nieqsa mis-smigħ fosthom: it-twaqqif tad-Deaf Ministry Team, il-quddiesa tas-Sibt filgħaxija fil-kappella tal-Università ta’ Malta interpretata bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija, servizz ta’ interpretazzjoni għall-preparazzjoni tas-Sagramenti, ħolqien ta’ riżorsi bħall-qari tal-Liturġija tal-Kelma tal-Ħdud u talb bil-Lingwa tas-Sinjali li wieħed jista’ jsibhom fuq YouTube jew fil-websajtbsite tal-Laikos.
Fost il-pajjiżi li ħadu sehem minbarra r-Repubblika Ċeka u Malta kien hemm il-Polonja, l-Italja, l-Olanda, l-Irlanda, l-Ukrajna, Spanja, Franza, il-Ġermanja, is-Slovenja u l-Ungerija.
Il-Polonja ntgħażlet biex tospita it-tielet laqgħa Ewropea li ser issir fl-2019.
-
-
Mix-xellug: Natalino Spiteri, Fr Martin Micallef, Il-Kardinal Dominik Jaroslav Duka OP u Rita Portelli.