L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Kien kważi mitejn sena ilu, fl-1 ta’ Novembru 1820, li Maria Tereża Spinelli rċeviet il-missjoni biex tibda l-ħidma tagħha edukattiva. Is-sena ta’ wara waqqfet l-ewwel skola fi Frosinone, l-Italja, u mill-bidu l-kummenti mill-awtoritajiet kienu tajbin ħafna. Kienu jgħidu kemm kienet skola tajba.

Ftit snin wara, hi waqqfet il-Kongregazzjoni tal-Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija. Illum, waqt li aħna nfakkru l-170 sena mill-mewt tagħha, nirringrazzjaw lil Alla ta’ din il-mara fundatriċi ta’ din il-kongregazzjoni, li bis-saħħa tagħha u tal-viżjoni tagħha qegħdin hawn. Bis-saħħa tagħha llum għandna din l-iskola sabiħa, u bħalha skejjel oħra li huma ispirati mill-viżjoni tagħha tal-edukazzjoni.

Nixtieq insemmi tliet affarijiet li naraw f’ħajjitha li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għal kull waħda u wieħed minna llum.

Fidi

L-ewwel nett, il-fidi kbira li Maria Tereża Spinelli kellha f’Alla. Kellha fiduċja sħiħa fil-kelma tiegħu. Nafu mill-istorja tagħha li kellha ħafna diffikultajiet fil-ħajja tagħha, imma dejjem qiegħdet il-fiduċja f’Alla li jgħinha.

Hi tgħallimna li meta aħna nemmnu f’Alla, ma jfissirx li kollox imurilna tajjeb, imma li hu jagħtina l-għajnuna wkoll meta jmorru ħażin. Hekk kien fil-każ tagħha. Kellha diffikultajiet anke fiż-żwieġ tagħha, minħabba r-raġel tagħha, u Alla għenha biex tkompli dejjem timxi ’l quddiem. Din il-fiduċja f’Alla mexxietha ’l quddiem biex setgħet tagħmel l-opra sabiħa tal-kongregazzjoni, u tagħmel tant ġid.

Qawwa

Magħquda ma’ din hi l-qawwa li ġejja mill-fiduċja f’Alla biex int qatt ma taqta’ qalbek. Nixtieq li jkun il-messaġġ importanti għalikom studenti u għall-edukaturi. Maria Tereża Spinelli kull diffikultà bidlitha f’opportunità. Meta sabet ħajt ma’ wiċċha li qisu kien jimblokka, rat kif għamlet biex toħloq xi ħaġa ġdida u sabiħa. Bis-saħħa ta’ hekk li ħolqot il-kongregazzjoni tal-Agostinjani u ħadmet bis-sħiħ f’din il-missjoni ta’ edukazzjoni.

Meta kellha d-diffikultajiet, ma qatgħetx qalbha. Dan hu messaġġ importanti għalina. Kultant aħna ngħidu ‘bad luck’, ‘m’hemm xejn x’tagħmel’, u jkollna t-tentazzjoni li naqtgħu qalbna fid-diffikultajiet. Importanti li aħna qatt ma naqtgħu qalbna. Nitolbu lil Alla biex jagħtina l-kuraġġ li kellha Maria Tereża Spinelli biex inkomplu mexjin ’il quddiem, u nibdlu d-diffikultajiet f’opportunitajiet tajbin għalina u għall-oħrajn.

Dedikazzjoni

Insemmi ħaġa oħra: id-dedikazzjoni sħiħa tagħha kollha mħabba lejn l-oħrajn. Alla għenha biex tiddedika ruħha għall-oħrajn. Hi għarfet dak li smajna fil-qari llum: li meta int ikollok qalb kbira hemm il-preżenza ta’ Alla. Publiju, li niċċelebraw il-festa tiegħu llum, ma kienx għadu Nisrani. Għax kellu qalb kbira, hu u l-Maltin laqgħu l-preżenza ta’ Pawlu li ġab l-Aħbar it-Tajba u għen lill-Maltin biex jagħrfu lil Alla, l-għajn tal-imħabba.

Maria Tereża Spinelli tgħallimna d-dedikazzjoni kbira lejn l-oħrajn. Hi kellha qalb kbira li taħseb fl-oħrajn, u tara kif tista’ tgħin lil kull min hu fil-bżonn. Għalhekk il-viżjoni tagħha għall-iskejjel, kif rajna fil-mima fil-bidu ta’ din il-laqgħa tagħna flimkien. Din il-viżjoni tgħinna nagħrfu li kull persuna għandha t-talenti tagħha, is-sabiħ tagħha, u l-edukazzjoni tgħin biex dan is-sabiħ joħroġ u jkun apprezzat. B’dan il-mod flimkien naqsmu t-talenti tagħna u nibnu l-ambjent ta’ familja.

Dan kien mill-bidu l-ispirtu ta’ Marija Tereża Spinelli li mbagħad żviluppa b’mod sabiħ fl-iskejjel bħalma naraw hawnhekk fl-iskola Santa Monika. Nixtieq li nitgħallmu minnha jkollna dejjem din il-qalb kbira ta’ mħabba lejn l-oħrajn. Dak li smajna lil Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “Dak kollu li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Din tistgħu tagħmluha l-ħin kollu fl-iskola. Altru taħseb għal rasek, u altru taħseb f’persuna li hi fil-bżonn – pereżempju xi waħda li tinsab waħedha, jew għaddejja minn tbatija, jew fi bżonn, u tipprova tgħinha. Hemm tkun qed tibni l-ambjent ta’ familja kif urietna Maria Tereża Spinelli. Nixtieq inħeġġiġkom biex tkomplu titolbuha ħalli tgħixu l-ispirtu tagħha fl-iskola.

Ispirazzjoni

Fi żmienha, Maria Tereża Spinelli kellha diffikultajiet kbar. Hi kienet mara, u dak iż-żmien in-nisa ma tantx kienu stmati. Il-kontribut tagħhom ma kienx apprezzat. Hi wriet x’sehem tista’ tagħti l-mara fis-soċjetà. Aħna u nfakkru l-170 sena mill-mewt tagħha, nitolbu lil Alla biex hi tkompli tkun ta’ ispirazzjoni għal din l-iskola, li hi skola tassew Kattolika, ispirata minn viżjoni sabiħa ta’ edukazzjoni. Nixtieq li kull waħda minnkom hawnhekk, kemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi, tkomplu tagħtu sehemkom bħala familja waħda ispirati mill-viżjoni ta’ Maria Tereża Spinelli.

Ċert li din il-Venerabbli, meta tħares lejna hawnhekk miġbura, tara kemm hi ħaġa sabiħa li hi ddedikat lilha nnifisha lil Alla b’tant imħabba, u tara b’ferħ il-frott tagħha fi skola bħal din.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti