L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Bdejna l-2025, is-sena tal-Ġublew, u l-Papa Franġisku għażel bħala tema għal dan il-Ġublew “Pellegrini tat-Tama”. F’dan l-ewwel jum tas-sena niċċelebraw is-solennità ta’ Marija Omm Alla, u Marija hija dik li turina bl-aħjar mod kif inkunu pellegrini tat-tama.

Meta nħarsu lejn il-mixja ta’ ħajjitha, narawha dejjem miexja bit-tama – tama li hi mibnija fuq il-fiduċja sħiħa f’Alla qalb l-isfidi u d-diffikultajiet ta’ ħajjitha. Hija ta’ ispirazzjoni kbira għalilna biex nimxu dejjem ’il quddiem bit-tama.

Irridu nistaqsu l-ewwel nett: x’inhi t-tama Nisranija? Hi differenti minn kif normalment nużaw il-kelma “tama”. Meta ngħidu “nittama li jkun hawn il-paċi fil-pajjiżi li bħalissa hemm il-gwerra”, inkunu qed nuru xewqa ħerqana, imma fl-istess waqt hemm dubju jew inċertezza jekk din hijiex se sseħħ jew le. It-tama Nisranija hi differenti: fiha ma hemmx dubju jew inċertezza, imma hi mibnija fuq iċ-ċertezza tal-imħabba ta’ Alla li qatt ma tiġi nieqsa, u fuq il-kelma tiegħu li dejjem vera, qatt ma tqarraq bina.

Ħa nħarsu lejn il-vjaġġ ta’ Marija bħala pellegrina tat-tama.

Tama mibnija fuq il-fiduċja

L-ewwel darba li niltaqgħu ma’ Marija fl-Evanġelju, diġà għandha quddiemha sfida kbira għal ħajjitha, tista’ tgħid hu wieħed mill-iktar mumenti kruċjali għaliha. L-anġlu Gabriel juriha li hi magħżula minn Alla biex tkun omm Ibnu Ġesù. Hi ma tifhimx kollox b’mod ċar, ma tistax tara dak kollu li se tfisser għal ħajjitha, imma tqiegħed il-fiduċja fil-kelma ta’ Alla: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38). It-tama tagħha hi fil-kelma tal-Mulej li hi dejjem vera.

Marija tibda l-vjaġġ tagħha b’“iva” sempliċi, imma radikali. Minkejja l-inkwiet li setgħet iġġib id-deċiżjoni tagħha – il-perikli soċjali u personali – Marija tafda kompletament fil-pjan ta’ Alla. Dan hu l-messaġġ importanti li Marija tagħtina għal ħajjitna: il-bidu tal-pellegrinaġġ tat-tama jibda minn att ta’ fidi radikali. Xi drabi, il-pjanijiet ta’ Alla jistgħu jidhru mgħobbijin b’misteri jew sfidi, imma t-tama tħeġġna biex nafdaw f’Alla, anke meta ma nifhmuhx.

Tama li taqsamha ma’ ħaddieħor

Wara l-laqgħa mal-anġlu Gabriel, Marija tmur “tħaffef” (Lq 1:39) biex iżżur lil Eliżabetta. Il-vjaġġ tagħha li jeħodha għand Eliżabetta hu vjaġġ ta’ tama, u li jġib it-tama. Marija ma tingħalaqx fiha nnifisha, ma tiqafx fil-mument speċjali tagħha, imma tmur taqsam it-tama tagħha ma’ Eliżabetta, hi u tagħraf dak li Alla għamel f’ħajjitha kif ukoll dak li Alla kien qed jagħmel f’ħajjet Eliżabetta.

Hu għalhekk li Eliżabetta tgħid: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!” (Lq 1:45) Hija tama mibnija dejjem fuq il-kelma ta’ Alla li sseħħ. Hi tama espressa fit-tifħir lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46).

Il-prova suprema tat-tama

Wieħed mill-aktar mumenti iebsa fil-ħajja ta’ Marija – tista’ tgħid l-iktar mument diffiċli – kien meta rat lil binha Ġesù jsofri fuq is-salib, u hi kienet hemm “wieqfa ħdejn is-salib” (Ġw 19:25). Kif tista’ t-tama tibqa ħajja meta kollox jidher mitluf? Kif tista’ tibqa’ tittama meta quddiem għajnejha qed tara xena għal kollox differenti minn dak li kien qalilha l-anġlu Gabriel, meta fuq Ġesù qalilha: “Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ bin l-għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1:32-33). B’Ġesù fuq is-salib, fejn hu l-kobor? Fejn hi s-saltna għal dejjem? Meta qed tarah imut u jintemm, fejn hu l-kliem “ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”?

Marija, f’dak il-mument ta’ tbatija kbira u ta’ prova, baqgħet wieqfa, u fidila. Baqgħet tittama. Marija ma setgħetx tifhem il-misteru tal-passjoni f’dak il-mument, imma fdat fil-fedeltà ta’ Alla. Hija kienet pellegrina tat-tama għax kienet taf li Alla ma jiqafx mal-mewt, imma joħloq ħajja mill-mewt. U ż-żmien taha raġun, meta Ġesù rebaħ il-mewt u qam għal ħajja ġdida.

Din it-tama ta’ Marija hija eżempju għalina meta niffaċċjaw id-dlamijiet tal-ħajja. Anke meta kollox jidher mitluf, Marija turina kif nibqgħu fid-dawl tat-tama f’Alla.

Omm li takkumpanjana

Illum, fil-bidu ta’ din is-sena ġdida 2025, is-sena tal-Ġublew, Marija tistedinna biex fil-mixja ta’ ħajjitna nkunu pellegrini tat-tama. L-eżempju tagħha jfakkarna li hekk kif nibdew din is-sena, aħna wkoll imsejħin biex ngħidu “iva” għar-rieda ta’ Alla, bil-fiduċja li Hu jipprovdilna l-grazzja meħtieġa biex niffaċċjaw dak kollu li jiġi quddiemna.

Marija hija l-omm li timxi magħna f’din it-triq, għax Ġesù ried li tkun hi li takkumpanjana bħala ommna. L-eżempju tagħha żgur jgħinna niftakru li kull pellegrinaġġ għandu sfidi, u ġieli kbar, imma kull pass nistgħu nagħmluh bit-tama, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla.

Dan hu l-awgurju għal din is-sena: biex kull jum ngħixuh b’qalbna qawwija bit-tama fil-Mulej li dejjem jieħu ħsiebna u jħarisna, li jgħinna fl-iebes tal-ħajja. Nitolbu lil Marija biex tgħinna nkunu pellegrini tat-tama fid-dinja tagħna, u nħallu lil Alla jmexxina lejn il-milja tal-ħajja.

Fl-Ewwel Qari, smajna dak il-kliem tal-barka sabiħa mill-Ktieb tan-Numri, li Marija żgur li kienet midħla ħafna tiegħu. Bħalma dal-kliem kien ta’ barka għal Marija, inħalluh ukoll ikun ta’ barka għal kull wieħed u waħda minna għal din is-sena l-ġdida:

“Ibierkek il-Mulej u jħarsek!
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena!
Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!” (Num 6:24-26)

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju