• It‑Tnejn 15 ta’ Awwissu 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil‑festa ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s‑Sema u niseġ il‑Paniġierku, fil‑Knisja Arċipretali, il‑Mosta. Fi tmiem iċ-Ċelebrazzjoni saret ukoll il-preżentazzjoni lill-Arcisqof ta’ dokument bit-talba uffiċjali biex il-Knisja Arċipretali tal-Mosta tiġi elevata għat-titlu ta’ Bażilika Minuri.

    Iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fuq YouTube

     
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja Arċipretali, il-Mosta
    15 ta’ Awwissu 2016
     
    Salve Mater Misericordiae, Sliem għalik Sultana Omm tal-Ħniena. Inħoss li s-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, f’dan l-Għid tal-Assunta, għandna nieqfu u nirriflettu ftit fuq dan it-titlu sabiħ ta’ din l-Antifona sabiħa: Salve Regina, sliem għalik Sultana, Mater Misericordiae, Omm tal-Ħniena. Sidtna Marija hija l-Omm tal-Ħniena għaliex hija omm Ġesù, hija Omm tal-Ħniena għax hija eżempju mill-isbaħ tal-ħniena, hija Omm tal-Ħniena għax hija omm Ġesù.
     
    It-Twelid ta’ Kristu: Alla li jsalvana
    Jiena u nisma’ l-mużika sabiħa ta’ Diacono, immexxija mill-Maestro Dun Ġwann kont qed nammira l-pittura ta’ Calì fil-lunetti u ċ-ċiklu tal-ħajja ta’ Ġesù li ħallielna dan l-artist Malti ftit iżjed minn mitt sena ilu. Kif tinnutaw, l-ewwel xena hija t-twelid ta’ Ġesù minn Sidtna Marija u ċ-ċiklu jkompli bil-qawmien mill-mewt. Il-ħniena tiegħu tidher b’mod ċar f’dan iċ-ċiklu pittoriku li jżomm il-koppla sabiħa tar-Rotunda tal-Mosta. Fl-istess ħin hija katekeżi ta’ kif Ġesù huwa tassew il-ħniena ta’Alla li timxi magħna u tħenn għalina kuljum. Bil-misteru tat-twelid tiegħu minn Marija, aħna narawh isir Alla magħna, ismu jfisser Alla jsalvana, imma hu wkoll Għimmanu-El Alla magħna. Il-Mulej iħenn għalina billi jerfagħna mill-jasar li fih inkunu u fl-istess ħin ikun magħna billi jkun għalina Ġesù,Jeshua Alla jsalva u billi jkun Għimmanu-El Alla magħna. Hekk juri ħniena magħna l-Mulej.
     
    L-Epifanija: Familja li sfaw refuġjati
    Fit-tieni kwadru Calì jagħtina l-Epifanija, is-Slaten Maġi li jmorru jqimu lis-Sultan tal-Lhud li twieled. Jitolbu parir minn Erodi li ma jridx jadura lit-tifel imma jrid joqtlu, imma l-pjan tiegħu ma jseħħx. Il-ħniena tal-Mulej tħares lit-tifel, lil ommu, lil Ġużeppi, u huma jsiru refuġjati. Meta nħarsu lejn il-kwadru ta’ Calì li fih Marija Santissima tipprreżenta lil Binha, ejjew niftakru wkoll li minħabba dik iż-żjara, il-familja ta’ Nazaret baqgħet refuġjata fl-Eġittu. Omm il-Ħniena, hi u ġġorr lil-ħniena magħmulha laħam, lill-Iben t’Alla magħmul bniedem, għandha bżonn il-ħniena ta’ ħaddieħor; il-familja ta’ Nazaret refuġjata għandha bżonn min jilqagħha. Meta nħarsu lejn ir-refuġjati, ħuti, ma ninsew qatt li Ġesù, Ġużeppi u Marija, kienu wkoll refuġjati huma u jeħilsu mill-qilla ta’ Erodi.
     
    It-Tfittxija tal-Mulej fit-Tempju: għal dawk li jistaqsu d-domandi tal-ħajja
    Fit-tielet kwadru naraw lil Ġesù jagħmel waħda li tinkiteb – fil-fatt kitibha Luqa – għax jibqa’ Ġerusalemm  jitkellem mal-għorrief fit-tempju u ommu u missieru li kienu jafdawh, ma ndunawx mal-ewwel, imma mbagħad, qalbhom maqsuma ifittxuh bħalma tgħidlu ommu: “Jiena u missierek b’qalbna maqsuma konna nftittxuk” (Lq 2, 48). Wara dak il-kwadru ta’ Calì, ejjew naħsbu f’dawk li qegħdin ifittxu lill-Mulej forsi għaliex huma mitlufin, forsi għaliex m’għandhomx skop fil-ħajja tagħhom. Qalbhom maqsuma jixtiequ r-risposti għad-domandi tqal tal-ħajja: għaliex it-tbatija, għaliex l-inġustizzja, għaliex il-kefrija, għaliex il-prepotenza, għaliex ir-regħba?
     
    Erġa’ ressaq ix-xbieha ta’ Ġesù fil-postijiet li tkun fihom
    Ir-raba’ kwadru huwa kwadru għażiż għaliex Ġesù qiegħed jibgħat lid-dixxipli tiegħu bħal ħrief qalb l-ilpup. Huwa mument għażiż għalikom naf għaliex il-wiċċ ta’ Ġesù kien milqut mill-bomba. Il-kefrija tal-għadu kissret il-wiċċ għażiż tal-Mulej imma intom irrestawrajtuh u meta tħarsu lejn dak il-kwadru u tindunaw għax għad tidher il-ferita’ tal-bomba fuq il-wiċċ ta’ Ġesù. Ftakru li hu li hu l-wiċċ ħanin tal-Missier għani fil-ħniena. Jista’ jkun imfarrak fil-qalb tal-bnedmin jew imbeżżlaq mis-soċjetà, intom għandkom il-qawwa imma terġgħu tagħtuh id-dinjità lil dak il-wiċċ bħalma għamlu missierijitkom, terġgħu iġġibuh lura għall-ħajja. Tinkeddux meta tisimgħu min ikasbar l-isem qaddis tal-Mulej. L-ewwel nagħmlu l-impenn li ma nkunux aħna l-ewwel nies. Bit-tifħir u l-paċenzja tiegħek bħalma għamlu missirjietek, għal wiċċ ħelu li kien għamel Calì, erġa ressaq ix-xbieha ta’ Ġesù fil-post fejn taħdem, fil-familja tiegħek, fil-komunità ċivili, saħansitra fil-Knisja.
     
    Il-Mulej tal-ħniena iħares lejn il-qalb
    Il-ħames kwadru huwa l-laqgħa ta’ Ġesù mal-midinba u jgħallimna l-ħniena tiegħu lil dik li “nħafrilha ħafna għaliex ħabbet ħafna”. Il-Mulej tal-ħniena iħares lejn il-qalb. Int min int, għamilt x’għamilt, il-Mulej ġie għalik biex isalvak u jfejqek. Hekk għamel ukoll mat-tifel tal-armla tat-tifel ta’ Naim. Din l-armla li kif tilfet it-tifel tagħha, tilfet ukoll l-għajxien tagħha. Reġġgħu lura għall-ħajja u tah mill-ġdid lill-ommu għarkubbtejha tibki lit-tifel tagħha (ara Lq 7, 12-14)   
    Il-Mulej tal-ħniena juri l-ikbar ħniena meta juri l-qawwa tiegħu fuq il-mewt. Għaliex huwa s-Sultan tal-glorja kif kantaw il-Lhud nhar Ħadd il-Palm huma u jgħidu lil Sijon biex tfaħħar lill-Mulej (ara Lq 19 38). Veru li fil-ġimgħa l-Kbira għajtu biex isalbuh, imma hu fil-ħniena tiegħu, qam mill-imwiet u llum qegħdin infakkru l-ħniena kbira tiegħu, hu u jsieħeb lil ommu bil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Għaliex iċ-ċiklu ta’ Calì tal-ħajja ta’ Ġesù, iħares bilfors lejn il-kwadru titulari nkurunat, fejn permezz tal-appostli hija xhieda tal-irxoxt ta’ Sidtna Marija, ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema.
    Sliem għalik Sultana, inti Omm tal-Ħniena għaliex il-qalb tal-Mulej, għal disa’ xhur bħala tarbija fil-ġuf tiegħek, kienet tħabbat ma tiegħek, il-qalb tiegħu kienet tħabbat ma’ qalbek. Il-qalb tiegħek hija l-qalb tal-ħniena. L-anġlu Gabrijel qallek li l-qariba tiegħek Eliżabetta hija wkoll kienet qed tistenna iben u kienet diġa’ daħlet fis-sitt xahar tat-tqala. Bħalma smajna fl-Evanġelju tal-lum (Lq 1, 39-56) b’pass imgħaġġel, insejt lilek innifsek, u mort Ein Karem dak il-ġnien straordinarjament sabiħ, mhux il-bogħod minn Ġerusalemm, biex issib lil Eliżabetta u tgħinha. Bqajt hemm għal tliet xhur sakemm twieled Ġwanni l-Battista, il-prekursur ta’ Ibnek, dak li ġie biex iħabbru u li ismu kien Yohanan, ‘Alla ħanin’, Ġwanni.        
    Marija, inti urejt il-ħniena tiegħek mhux biss fil-misteru taż-żjara tiegħek lil Eliżabetta, urejt il-ħniena tiegħek meta bkejt lil Ibnek itturufnat fl-Eġittu, urejt il-ħniena tiegħek, Sidtna Marija, għażiża Sultana tagħna, meta bkejtu mitluf f’Ġerusalemm. Urejt il-ħniena tiegħek fit-tieġ ta’ Kana meta rajt il-bżonn ta’ dawk iż-żewġt għarajjes li kien spiċċalhom l-inbid u inti lil Ibnek, ormai adult, il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, inti l-armla ta’ Nazaret għidtlu: “m’għandhomx inbid”. “X’għandi x’naqsam, mara?” “Għamlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2, 3-5).  L-inbid tferra’ sabiħ, ġdid, mill-ifjen, mill-ġarrar wesgħin u kbar tal-ilma tal-purifikazzjoni. Il-ħniena tiegħek, il-qalb ħanina tiegħek, o Sultana tagħna, li mbuttat lill-Mulej biex jagħmel l-ewwel sinjal. Id-dixxipli raw il-glorja tiegħu  u emmnu fih. Il-ħniena tiegħek, o Marija, tiftaħ beraħ fil-qlub tagħna l-glorja tal-Mulej.
     
    Marija tgħallimna nafdaw fil-Mulej
    Imma inti wkoll kont Omm il-Ħniena wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ibnek. Id-dixxipli kważi kollha kienu abbandunawk, Ġwanni li kien se jsir Ibnek, kien miegħek ukoll bħalma kienet Marija Maddalena u nisa twajba oħrajn. Inti kont hemm taħt is-salib kiefer ta’ Ibnek, wieqfa imbikkija, qalbek mimlija ħniena, magħsura minn kull demgħa li seta’ kellek. Lilek ngħajtu, aħna tturufnati wlied Eva. Aħna wlied Eva li isimha jfisser omm l-ħajjin kollha, imma nħarsu lejk, Eva l-ġdida, inti tgħallimna l-ħajja l-ġdida, “lilek nitniehdu aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ”. Inti mela l-avukata tagħna.Meta aħna nkunu se naqtgħu qalbna mill-ħniena tal-Mulej, meta aħna nkunu se nitfixklu minħabba d-dnubiet u l-vizzji tagħna, minħabba r-ras iebsa tagħna, l-egoiżmu tagħna, inti tkun l-avukata tagħna. Quddiem Alla tgħajjat: ‘aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu’ u tirrepeti l-kliem ta’ Ibnek. Inti tgħallimna nafdaw fil-Mulej: “agħmlu dak li jgħidilkom hu”.
     
    Il-Ħniena fuq dawk li jżommu lill-Mulej preżenti f’ħajjithom
    Meta bħall-ulied tal-missier tal-parabbola, il-kbir jew iż-żgħir, nissupervjaw u noħorġu mid-dar u nirrifjutaw li nerġgħu lura, inti tibqa’ tistenniena. Inti ddawwwar dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena u turina lil Ġesù, il-frott imbierek tal-ġuf tiegħek. Ibqa’ dawwar l-għajnejn tiegħek tal-ħniena, ibqa’ urina lil Ġesù, il-frott imbierek tal-ġuf tiegħek għax inti stess għallimtna li l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jżommuh preżenti f’ħajjithom, fuq dawk li jibżgħu minnu. X’jiġifieri? Fuq dawk li f’kull ma jagħmlu, jaħsbu fil-Mulej. Jgħidu: ‘il-Mulej dil-ħaġa jridha jew ma jridhiex?’ Inti urejtna lil Ġesù tal-ħniena, li l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien imma li juri wkoll u jaf juri l-qawwa ta’ driegħu. Il-Mulej kif għidtilna inti, o Marija, jaf ‘ixerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom’, ‘jaf iniżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli liċ-ċkejknin’, jaf ‘jimla b’kull ġid lil kull min hu bil-ġuħ’ u jaf lill-għonja li jridu jeqirdu s-sbuħija tal-pajjiż tagħna, lill-għonja li jimpurtahom biss fil-but tagħhom. Jaf ukoll il-Mulej kif għidt inti, o Marija, ‘jibagħthom ’il barra b’xejn’ (ara Lq 1, 51-52).
    Aħna, o Marija, inqimuk għaliex inti fakkartna fil-ħniena ta’ Alla tagħna li ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, Israel li mhux dejjem kien fidil lejn il-Mulej, li meta l-profeti jitkellmu anke b’mod pornografiku, jgħidu kliem iebes, aqraw lil Eżekjel biex tkunu tafu u jgħidlu lil Israel: “int bħal mara tat-triq, tlaqt l-imħabba ta’ żgħożitek imma l-Mulej”, għalkemm għandu kliem iebes għall-infedelta tal-poplu tiegħu u bla kantunieri meta jitkellem b’fomm il-profeti, jiftakar fil-ħniena tiegħu. Din hija l-wegħda tal-Mulej. Aħna nafu nkunu kattivi għall xulxin, nafu nuru mibegħda verament abbissali għal xulxin, imma hu l-Mulej għalkemm huwa ġust u veritier, jibqa’ jiftkar fil-ħniena tiegħu. “Bħalma wiegħed lil missirijietna b’risq Abraham u nislu għal dejjem” (Lq 1, 55). Dawwar lejna, o Sultana tagħna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena, urina wara dan it-turufnament lil Ġesù, frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija. Viva Marija Assunta.
     
     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja