L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
San Mattija ma kienx wieħed mill-ewwel tnax li għażel Ġesù. Daħal aktar tard, bħala sostitut ta’ Ġuda, meta Ġuda kien ittradixxa lil Ġesù u temm ħajtu, imbagħad saret l-għażla wara li Ġesù tela’ s-sema. Ingħażel Mattija li kien diġà wieħed mit-72 dixxiplu ta’ Ġesù, imma hu fl-Atti tal-Appostli, fil-ġrajja tal-għażla, li jissemma għall-ewwel darba. Riedu li jagħżlu ieħor biex ikunu tnax – għax mingħajr Ġuda kienu ħdax – li hu n-numru li jaqbel mat-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
Innutaw kif saret l-għażla. Hi sabiħa din il-ġrajja mill-Atti tal-Appostli li turina ħafna affarijiet fuq il-Knisja fil-bidu tagħha. L-ewwel nett jitkellem Pietru, il-kap tal-Knisja, u jispjegalhom li hemm bżonn li jingħażel xi ħadd li jieħu post Ġuda. Hu jsemmi żewġ karatteristiċi importanti. Jgħid: irid ikun xi ħadd li kien viċin ta’ Ġesù fil-ħajja pubblika tiegħu, mill-magħmudija ta’ Ġwanni sat-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù; u jrid ikun xhud tal-qawmien ta’ Kristu. Qed jgħidilhom: ma jridx ikun xi ħadd li sema’ lil xi ħaddieħor, u mbagħad dak li jgħid ikun dak li sema’, imma xi ħadd li kellu esperjenza ta’ Ġesù, u għalhekk wieħed minn dawk li kienu viċin tiegħu tul is-snin kollha tal-ħajja pubblika.
Imbagħad ippreżentaw lil tnejn min-nies: Ġużeppi msejjaħ Barsaba, u Mattija. Meta l-Atti tal-Apposti jgħid “ressqu”, mhux resqu huma – ippreżentaw lilhom infushom, imma ressquhom in-nies, innominawhom minn fost il-120 ruħ li kien hemm, għax huma kienu tnejn minn dawk li kienu viċin Ġesù, bħalma spjega Pietru.
Imbagħad talbu, dik it-talba verament sabiħa: “Mulej, int li tagħraf qlub kulħadd, uri liema wieħed minn dawn it-tnejn int għażilt…” Lill-Mulej qed jgħidulu: inti trid tagħmel l-għażla, mhux aħna. Anke għaliex, kif smajna fl-Evanġelju skont San Ġwann, Ġesù kien qalilhom: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom…” Għalhekk qed jgħidulu: uri liema wieħed għażilt; aħna se nużaw dan il-metodu, bix-xorti, imma indika inti liema minnhom trid bħala appostlu, wieħed mit-tnax.
Hekk ingħażel Mattija. Imbagħad sar wieħed mit-tnax, u meta f’Għid il-Ħamsin niżel l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, hu kien hemm u mtela bil-ħeġġa u bl-entużjażmu ħalli jxandar l-Evanġelju, kif kien qalilhom Ġesù. Fil-fatt, San Mattija hawnhekk biss jissemma; l-ewwel u l-aħħar darba li jissemma. Imma t-tradizzjoni tgħid li hu xandar l-Evanġelju fil-Lhudija, fil-Kappadoċja u f’diversi postijiet oħra. Għadda minn ħafna persekuzzjonijiet u tbatijiet. Hemm min jgħid li miet martri, imma mhumiex ċerti dwar dan u fejn miet; m’hemmx dettalji tal-ħajja tiegħu. Żgur li kien appostlu li għex b’fedeltà sal-aħħar din is-sejħa. L-isem ‘Mattija’ jfisser ‘don ta’ Alla’. Dan kien verament don kbir ta’ Alla li ta lill-Knisja tiegħu. Il-Mulej għen lill-Knisja biex ma toqgħodx tħares lejn il-passat, lejn dak li tilfet b’Ġuda, ma toqgħodx titħassar lilha nnifisha u tgħid “ara wieħed minn tagħna, minn ta’ ġewwa, x’għamlilna!”, u tibqa’ hemm; imma issa tħares ’il quddiem u b’kuraġġ twassal l-Aħbar it-Tajba, permezz ta’ dan l-appostlu ġdid Mattija. Għalhekk it-talba li nagħmlu llum għall-Knisja kollha, u għal kull wieħed u waħda minna, hi li aħna nagħrfu ngħixu bħal San Mattija l-vokazzjoni li għaliha Alla sejħilna b’fedeltà, u b’fedeltà sal-aħħar, u nkunu aħna dawk li nxandru lil Ġesù b’ħafna ġenerożità u b’ħafna mħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju