L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu” (Lq 5:12). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skont San Luqa fuq dan ir-raġel marid bil-marda tal-lebbra li, bil-ħerqa tiegħu biex Ġesù jfejqu, mar inxteħet wiċċu fl-art quddiemu. U għamillu dit-talba: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni” (Lq 5:12). Ħa nħarsu ftit lejn dar-raġel l-ewwel, u mbagħad lejn Ġesù, għax żgur li hemm ħafna x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna.

Dan ir-raġel kellu fidi f’Ġesù. Emmen li Ġesù seta’ jfejqu. Għalhekk jgħidlu: “tista’ tfejjaqni”. Imma kienet fidi li mexxietu biex jagħmel dak li għandu jagħmel – imsieħba ma’ determinazzjoni biex jasal għand Ġesù. Fil-fatt, hawnhekk meta jgħidlek li “inxteħet wiċċu fl-art quddiemu”, għamel xi ħaġa li ma kellux jagħmel. Dak iż-żmien xi ħadd li jkun marid bil-lebbra ma kellux jersaq lejn in-nies, anzi kellu joqgħod ’il bogħod min-nies, u jekk jara xi ħadd jersaq lejh, jgħajjat biex min hu ma jersaqx lejh. Min kien marid bil-lebbra kien emarġinat, fil-fatt. Imma dar-raġel għamel il-kuraġġ, u b’determinazzjoni mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiem Ġesù. Kien jaf li Ġesù hu dak li jfejjaq, ma hemmx riskju għalih li jieħu l-marda.

Ħa nħarsu lejn Ġesù, li dejjem narawh ta’ qalb ħelwa u mimli mħabba lejn kulħadd, u speċjalment lejn dawk l-aktar fil-bżonn. Hawnhekk Ġesù mal-ewwel qallu: “Iva, irrid, kun imfejjaq” (Lq 5:13). Imma mhux qallu hekk biss. L-Evanġelju jgħid: “medd idu fuqu, messu” (Lq 5:13). F’mirakli oħra, Ġesù ġieli qal kelma jew ftit kliem, u daqshekk. Niftakru, per eżempju, fil-miraklu li għamel mal-qaddej taċ-ċenturjun, meta ġie jitolbu bil-ħerqa li l-qaddej tiegħu qed imut, u Ġesù qallu: “Niġi jien u nfejqu” (Mt 8:7). U qallu: ma hemmx għalfejn tiġi iżda “ordna biss b’kelma u l-qaddej tiegħi jfiq” (ara Mt 8:8). Fil-fatt, Ġesù lanqas mar. B’kelma mill-bogħod, fejqu. Imma hawnhekk, seta’ qallu biss “kun imfejjaq”. L-Evanġelju jgħid: “medd idu fuqu, messu”. Għamel hekk Ġesù għax proprju dak li ma setax jagħmel ma’ min kien marid bil-lebbra, kellu suppost jersaq ’il bogħod. Imma Ġesù medd idu u messu biex juri li jrid iwassal tassew il-fejqan, jegħleb kull ostaklu li kien hemm, u lil dal-bniedem jurih li issa hu lura fis-soċjetà, m’għadux emarġinat.

Hemm ħaġa oħra li naraw f’Ġesù. Wara dal-miraklu, meta l-fama tiegħu xterdet, l-Evanġelju jgħid li “folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom” (Lq 5:15). X’għamel Ġesù? “Kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb” (Lq 5:16). Għax Ġesù ma kienx qed jagħmel li qed jagħmel għall-folol, għall-popolarità, biex il-folol imorru warajh. Li kien qed jagħmel kien qed jagħmlu biex jaqdi l-missjoni tiegħu, u l-għeruq tal-missjoni tiegħu kienu proprju hawn: li jinġabar fil-kwiet fit-talb.

X’jgħallmuna għall-ħajja tagħna? Jekk inħarsu lejn dan il-marid bil-lebbra, jgħallimna kemm hi ta’ ġid għalina l-fidi sħiħa f’Ġesù, li dejjem jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina; imma fidi msieħba ma’ determinazzjoni li nagħrfu dak li għandna nagħmlu, u nagħmluh – dak li hu ta’ ġid għalina. Dar-raġel ma qagħadx ’il bogħod, jgħid “Ġesù jista’ jfejjaq” u daqshekk, imma ħa l-passi meħtieġa. U aħna wkoll: il-fidi lilna timbuttana biex nagħmlu dak li għandna nagħmlu għall-ġid tagħna u tal-oħrajn.

Jekk inħarsu lejn Ġesù, dejjem narawh mimli mħabba sħiħa – dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ bi tliet kelmiet: viċinanza, kompassjoni, tenerezza. Ġesù ried juri li hu viċin tal-bniedem, għalhekk medd idu u messu. Riedu jkunu parti mill-ġdid fis-soċjetà, ma jibqax emarġinat, u wera kompassjoni u tenerezza miegħu fil-kliem tiegħu u fl-azzjonijiet tiegħu. Lilna Ġesù jurina li hekk hu wkoll magħna, u jrid li aħna nsiru nixbhuh, hekk inġibu ruħna mal-oħrajn: inkunu viċin tagħhom, naqsmu magħhom it-tbatija, u fi kliemna u għemilna nkunu ġentili u mimlija tenerezza. U jgħallimna ħaġa oħra importanti wkoll: kif aħna wkoll għandna nfittxu l-ħin fil-kwiet, fit-talb, għax huwa hemm li jkollna l-għeruq, l-għajn li minnha nixorbu biex fil-ħajja tagħna nistgħu nagħmlu l-ġid, kif kien jagħmel Ġesù. Nitolbu lill-Mulej biex insibu l-ħin fil-kwiet miegħu, biex hu jsaħħaħ fina l-fidi l-ewwel nett, u jimliena bl-ispirtu tiegħu, ħalli bħalu nkunu mimlijin imħabba lejn l-oħrajn fi kliemna u fl-azzjonijiet tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju