Is-sorijiet Salesjani ta’ Dun Bosco bdew kampanja ta’ crowdfunding fuq Zaar sabiex jixtru vann biex ikunu jistgħu jużawh għall-programm tat-tfal u ż-żgħażagħ fix-Xgħajra.
L-ammont totali li dawn is-sorijiet għandhom bżonn huwa ta’ €8,000 biex jixtru vann ta’ tmienja minn nies ħalli jkunu jistgħu jwasslu lil dawn it-tfal u ż-żgħażagħ li huma parti minn dan il-programm.
F’dan il-programm soċjo-edukattiv bl-isem ta’ Main, it-tfal u ż-żgħażagħ ta’ bejn is-sitta u t-18-il sena li huma vulnerabbli jew għandhom problemi finanzjarji u soċjali jibbenefikaw minn edukazzjoni olistika bbażata fuq l-ethos Salesjan. F’dan il-programm it-tfal jitgħallmu jkunu ċittadini attivi permezz ta’ logħob, għajnuna fix-xogħol tal-iskola, fi gruppi kif ukoll jiżviluppaw emozzjonament u spiritwalment.
Is-Salesjani huma organizzazzjoni reliġjuża Kattolika Rumana li twaqqfet fis-seklu 19 minn Dun Bosco. Dun Bosco kien qassis Taljan li ħadem mat-tfal u ż-żgħażagħ. Is-Salesjani ġew f’Malta fl-1903. F’Tas-Sliema huma jmexxu l-oratorju li permezz tiegħu ħafna żgħażagħ jitgħallmu kif għandhom ikunu mexxejja tajba kemm f’ħajjithom kif ukoll fis-soċjetà li jgħixu fiha.
Sr Maria Diaz qalet li s-salvazzjoni taż-żgħażagħ hija l-għan ewlieni tal-ħajja tagħhom. Hija kompliet li l-għan prinċipali tagħhom huwa li ż-żgħażagħ ikunu edukati kemm spiritwalment, mentalment u fiżikament sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw ħiliet soċjali
Wieħed jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu billi jżur www.zaar.com.mt. Għal iktar informazzjoni żur www.salesiansmalta.org.
Sors: Newsbook Malta