L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19:6). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Mattew, meta ġew il-Fariżej u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?” (Mt 19:2) Din hija d-domanda li għamlulu. U għamluhielu għax, kif naqraw aktar ’il quddiem fl-Evanġelju, kien hemm fil-passat, fi żmien Mose, ċirkustanzi fejn wieħed seta’ jagħmel hekk – fi kliem Ġesù, “minħabba l-ebusija ta’ qalbkom” (Mt 19:8). Innutaw: ma jgħidux jistgħux jitilqu lil xulxin, imma r-raġel jitlaq lil martu.

Ġesù mal-ewwel isemmi x’inhu l-pjan ta’ Alla mill-bidu meta ħalaq ir-raġel u l-mara. Qed jgħid: meta dawn ikunu għal xulxin, jiġifieri qed jgħid għaż-żwieġ: “Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu, u jsiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn imma ġisem wieħed” (Mt 19:5-6). Ġesù qed jgħid li din hi s-sejħa li jagħmel Alla lir-raġel u lill-mara li jkunu għal xulxin: li jingħataw għal xulxin bl-imħabba għal dejjem. Din hi l-unjoni li ħoloq Alla.

Issa aħna nafu li din hi l-unjoni fil-ħsieb ta’ Alla, imma tul is-snin inħolqu diversi unjonijiet oħra mill-bnedmin. Bħalma nħolqu wkoll diversi ċirkustanzi fejn xi ħadd itemm l-unjoni maħluqa mill-bnedmin. Hekk sar u jsir fis-soċjetà tul iż-żmien. Imma hawn qed nitkellmu fuq l-unjoni li ħoloq Alla. Alla ried li r-raġel u l-mara li jingħataw lil xulxin b’imħabba għal dejjem, ikunu tassew ħaġa waħda.

Din hija ħajja mhix faċli. Hemm ħafna sfidi. Kien hemm dejjem tul is-snin, imma fi żmienna forsi dawn narawhom aktar. Għaliex din hija ħajja li tirrikjedi fedeltà, sagrifiċċju, paċenzja, imħabba fil-ħajja ta’ kuljum. Imma li qed jgħid Ġesù hu: din hi possibbli, bl-għajnuna ta’ Alla. Hi possibbli li tnejn jingħataw lil xulxin għal dejjem, u jsiru tassew ħaġa waħda. Hija diffiċli, hemm ukoll ħafna mumenti ta’ diffikultajiet li jinqalgħu maż-żmien u ntoppi, imma hi possibbli bl-għajnuna li jagħti Alla.

Irrid insemmi hawnhekk iċ-ċirkustanzi diffiċli ħafna, u ta’ tbatija, ta’ vjolenza domestika, fejn persuna tkun qiegħda vittma ta’ abbuż, tissawwat, fil-ħajja taż-żwieġ tagħha. Qatt ma għandna nirraġunaw, bħalma jkun hemm min jirraġuna, li “dan huwa s-salib tiegħi, is-salib tiegħi li naċċetta”. Le, mhuwiex is-salib tiegħek li inti tkun vittma ta’ abbuż. Mhuwiex is-salib tiegħek li int tissawwat u li tkun vittma ta’ vjolenza domestika. Salib għandek, imma s-salib huwa li inti tieħu l-passi neċessarji biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż, biex ma tibqax tkun vittma. Hemm hu dak li jeħtieġ isir. U li jkollok l-għajnuna u l-appoġġ biex tagħmel dan. U li min għandu jieħu passi ma jdumx biex jeħodhom biex min qiegħed vittma ta’ vjolenza domestika jsib l-għajuna meħtieġa ħalli joħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż.

Nitolbu llum lill-Mulej għall-miżżewġin kollha biex jagħrfu jgħixu l-vokazzjoni li Alla tahom bi mħabba sħiħa u b’fedeltà. Nitolbu għal dawk li għaddejjin minn diffikultajiet fil-ħajja taż-żwieġ, biex il-Mulej jgħinhom jegħlbu dawn id-diffikultajiet. U nitolbu għal dawk li huma vittmi fil-ħajja tal-familja biex isibu l-appoġġ u l-għajnuna li tgħinhom joħorġu mis-sitwazzjoni ta’ abbuż ħalli jistgħu jgħixu tassew ħajja serena u fil-paċi, kif għandhom jgħixu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju