-
Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tqis li l‑Baġit 2018 fih miżuri pożittivi u inkoraġġanti fuq diversi aspetti. Dawn jinkludu il‑proposti dwar: l‑iskema dwar l‑iskart u l‑kontenituri tax‑xorb li għandha tħalli impatt fuq l‑ambjent, it‑trasport kollettiv, il‑vjolenza domestika, u l‑adozzjoni u l‑fostering.
Il‑Kummissjoni tqis ukoll li l‑Baġit jindirizza xi aspetti li jaffetwaw il‑kwalità tal‑ħajja, bħal pereżempju l‑ġurnata addizzjonali ta’ leave. Madankollu, jiffoka wisq fuq l‑aspetti finanzjarji u l‑miżuri ta’ darba li ser jiswew diversi miljuni ta’ ewro imma li ftit jikkontribwixxu għall‑ġid komuni. Filwaqt li l‑aspett finanzjarju huwa importanti, però mhuwiex dak biss li jiddetermina l‑kwalità tal‑ħajja.
Il‑mudell kurrenti tal‑iżvilupp imsejjes fuq il‑Prodott Domestiku Gross u s‑surplus, iħalli barra diversi aspetti oħra li huma importanti u li għandhom jiġu kkunsidrati. Fl‑istess ħin, għandha tiġi kkunsidrata wkoll li parti mis‑surplus li ser isostni l‑miżuri tal‑Baġit ġej mill‑Programm taċ‑Ċittadinanza b’Investiment (IIP), liema dħul mhuwiex sostenbibbli u li ta’ min jistħarreġ il‑valur etiku u morali tiegħu. Miżura tajba u adegwata u fit‑tul mhijiex dik li tingħata ta’ darba biss fis‑sena, jew għal xi okkażjoni partikolari, imma li tħalli l‑effett fil‑ħajja ta’ kuljum tal‑individwu u tas‑soċjetà. Dan jinkiseb bil‑bidla fl‑atitudni, fl‑istil tal‑ħajja, fil‑produzzjoni u l‑konsum, u fil‑mod san ta’ kif ngħixu. Il‑Papa Franġisku, fl‑Enċiklika tiegħu Laudato Si’ jgħid hekk: “Biex nistgħu nitkellmu fuq żvilupp awtentiku, irridu nagħmlu mezz li jkun hemm titjib sħiħ fil‑kwalità tal‑ħajja umana, u dan ifisser li nanalizzaw l‑ispazju li fih tiżvolġi jum wara l‑ieħor il‑ħajja tal‑bnedmin.” (n.147)
Il‑kwalità tal‑ħajja fl‑ibliet u fl‑irħula tagħna hi marbuta, fil‑parti l‑kbira tagħha, mal‑mezzi ta’ trasport, li spiss huma kawża ta’ tbatija u frustrazzjoni kbira għan‑nies. It‑toroq huma miżgħuda b’ħafna vetturi użati minn persuna waħda jew tnejn. Dan iwassal biex jiżdied it‑traffiku u jogħla l‑livell ta’ tniġġiż fl‑arja. Filwaqt li fil‑Baġit issemmew miżuri pożittivi għal dan il‑qasam, fl‑istess ħin hu meħtieġ pjan fit‑tul, bidla fil‑mentalità u alternattivi serji ta’ trasport (mhux karozzi tal‑linja biss), fejn wieħed iħares lejn l‑isfida b’mod ħolistiku.
Aspett ieħor li ssemma fil‑Baġit huwa l‑qasam tal‑housing u s‑suq tal‑kirjiet. Il‑housing mhuwiex kumdità imma dritt bażiku tal‑bniedem. Hija wkoll responsabbiltà tas‑soċjetà li tipproteġi l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull persuna billi tipprovdi l‑kundizzjonijiet fejn il‑ħajja tal‑bniedem u d‑dinjità ma jkunux imminati. Il‑Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l‑aħbar li ser tkun ippubblikata White Paper dwar is‑suq tal‑kera, li tobbliga lis‑sidien jirreġistraw kull kuntratt ta’ kera tal‑propjetajiet tagħhom. Madanakollu għandu jiġi spjegat aktar fid‑dettall il‑kunċett li se titratta l‑White Paper li jgħid: “Li fin‑nuqqas tiegħu [tar‑reġistrazzjoni tal‑kuntratt tal‑kera] is‑sid ma jkunx protett mil‑liġijiet tal‑pajjiż.” Il-Kummissjoni temmen li l-għan ta’ kull miżura li tiġi introdotta għandu jkun il-ħarsien tad-drittijiet tal-partijiet kollha, b’mod speċjali tal-persuni vulnerabbli. Mhuwiex ċar kemm dawn il-miżuri proposti ser jilħqu dan il-għan. Filwaqt li fil‑Baġit ġie enfasizzat b’mod ġust, li mhuwiex ser ikun hemm ir‑rent control tal‑passat u lanqas l‑over regulation, għall‑kerrejja b’kirjiet li ma jistgħux jlaħħqu magħhom is‑sitwazzjoni tibqa’ prekarja u inkwetanti. Dan sakemm jinstabu s‑soluzzjonijiet adegwati li kif issemmi l‑Baġit, għandhom jgħinu “b’mod effettiv lill‑kerrej filwaqt li tkun ġusta mas‑sidien”. Aspett ieħor dwar il‑kirjiet huwa l‑perjodu minimu tal‑kirja li jekk jiżdied b’mod raġenevoli minn dak preżenti, jgħin lill‑kerrej biex jippjana aħjar il‑futur.
Fid‑dawl ta’ dan kollu, għandha tiġi enfasizzata l‑ħtieġa li l‑progress u l‑iżvilupp ma jkunux biss fil‑qasam ekonomiku u teknoloġiku, imma wkoll fir‑responsabbiltà tal‑persuni, il‑ħarsien tal‑valuri, u b’etika soda u b’saħħitha. Id‑deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi m’għandhomx jiddependu minn loġika ta’ short‑sighted efficiency, iffukata fuq il‑profitt u s‑suċċess elettorali. Id‑deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu fl‑interess tal‑ġid komuni. Il‑Kummissjoni tfakkar li l‑ġid komuni mhuwiex il‑ġabra flimkien tal‑interessi tal‑individwi, u biex naslu għalih irridu nitilqu minn “dak li huwa l‑aħjar għalija” għal “dak li hu l‑aħjar għal kulħadd”.
Kif spjega l‑Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum l‑Indipendenza: “Kull awtorità ċivili trid tistinka biex tippromwovi l‑ġid komuni fl‑interess ta’ kulħadd, mingħajr ma tiffavorixxi ċittadini individwali jew kategoriji ta’ ċittadini”, sakemm dawn ma jkunux fi bżonn kbir jew ikunu verament żvantaġġjati b’mod li jesiġu attenzjoni partikulari.
Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, filwaqt li tirrikonoxxi l‑aspetti pożittivi u dawk inqas pożittivi, tawgura li jkun hemm aktar djalogu mal‑imsieħba soċjali u mal‑istakeholders kollha fis‑soċjetà Maltija, li jwassal għal titjib u żvilupp awtentiku fil‑kwalità tal‑ħajja tal‑Maltin u dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna.