MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013

  • Kull bniedem għandu jkollu aċċess għal dak li hu meħtieġ għall-iżvilupp sħiħ tiegħu.
  • Ix-xogħol huwa dritt u dmir ta’ kull bniedem.  Dan għandu jitħallas b’mod illi l-bniedem ikun jista’ jgħix kif jixraq, kemm hu kif ukoll dawk li jiddependu minnu.  Sempliċi ftehim personali bejn il-ħaddiem u min iħaddmu dwar l-ammont ta’ paga li tingħata mhux biżżejjed biex il-paga titqies bħala paga ġusta.
    • Il-paga ġusta hija frott leġittimu tax-xogħol u m’għandhiex tkun taħt il-livell tal-għajxien deċenti tal-ħaddiem u l-familja tiegħu.
  • Il-ġustizzja naturali tiġi qabel u hija aqwa minn kull kuntratt.
  • Il-Caritas Malta ilha s-snin taħdem biex titjieb il-qagħda ta’ persuni u familji li għandhom dħul baxx u li qed jgħixu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar ekonomiku minkejja illi jibbenefikaw minn forom ta’ assistenza soċjali.
  • L-Istat għandu r-responsabbiltà li jiżgura li kull ċittadin jilħaq livell deċenti tal-għajxien billi d-dħul finanzjarju ikopri għallinqas is-servizzi u l-ħtiġijiet essenzjali kollha tal-ħajja.

Attenzjoni speċjali għandha tingħata lill-familji b’kundizzjonijiet żvantaġġjati minħabba l-qgħad, xogħol prekarju, mard, diżabbilità, dejn, u sitwazzjonijiet soċjali oħra.  Hawn ukoll familji illi huma neqsin mill-ħiliet biex jimmaniġjaw tajjeb il-flus tagħhom.

  • Minkejja illi kien hawn titjib fil-benefiċċji soċjali u fl-għajnuniet lil xi kategoriji ta’ familji, għadha tinħass il-ħtieġa urġenti illi:

–     tiġi definita mill-ġdid linja ta’ faqar nazzjonali aktar realistika billi tingħata definizzjoni aktar wiesgħa tal-faqar li tqis mhux biss id-dħul finanzjarju iżda kemm persuna għandha bżonn riżorsi biex tixtri l-oġġetti u s-servizzi essenzjali għall-familja tagħha;

–     tiġi garantita protezzjoni legali, ekonomika, u soċjali lill-familji kollha;

–     jingħata aċċess għall-akkomodazzjoni xierqa lill-familji f’qagħda ekonomika prekarja.  Dan għandu jkun bi ħlas li jirrifletti l-qagħda ekonomika tal-familja.

  • Il-faqar jintiret.  Ma nħallux illi din il-pjaga soċjali tkompli tikber u tolqot aktar familji għaliex il-konsegwenzi jkunu serji ħafna fuq l-individwu, il-familji u s-soċjetà.