MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, l-entità uffiċċjali fi ħdan l-knisja għall-pastorali maż-żgħażagħ, tagħraf l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw l-possibiltà sħiħa li jiffurmaw rwieħhom fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tagħhom, kemm dik umana kif ukoll spiritwali (Draft National Children’s Policy 2011, 3.1, 4.1). Nemmnu li din hija responsabbiltà li l-Istat jaqsam flimkien mal-korpi kostitwi kollha, fosthom il-Knisja.
L-organi politiċi huma depożiti tal-valuri umani diversi fis-soċjetà, għalhekk nistennew li t-tfassil tal-politika jkun immexxi minn viżjoni li tħaddan u tippromwovi dawn l-istess valuri umani. Il-KDŻ għaldaqstant qiegħda tgħaddi dawn is-suġġerimenti fil-kuntest ta’ politika taż-żgħażagħ aktar ħolistika fil-pajjiż.
Familja
Iż-żgħażagħ Maltin jgħożżu r-relazzjonijiet mal-ġenituri tagħhom, partikolarment fl-età tal-adolexxenza, skont ma’ joħroġ minn riċerka li saret mill-Aġenzija Żgħażagħ (Mirrors and Windows, 2012). Għalhekk dan jixhed l-bżonn ta’ politika li ssostni ir-rapporti familjari u jeħtieġ tkun indirizzata b’inizjattivi differenti. Il-formazzjoni sħiħa tal-koppji u tal-ġenituri ma tistax tiġi injorata, u għandha tkun parti integrali mill-istrateġiji soċjali. Fl-istess waqt, irridu sfont aktar wiesa’ ta’ miżuri li jkunu tassew family-friendly u jwasslu għal esperjenzi ta’ kwalità fil-familja. Dan jitlob ridimensjonament tal-ekonomija fejn il-prijorità ma tkunx l-ġenerazzjoni tal-flus fiha nnifisha iżda l-bniedem, u f’dan l-każ l-adolexxent u ż-żagħżugħ.
Liġijiet
Fiż-żmien tal-adolexxenza u ż-żgħożija kemm-il darba aħna bħala żgħażagħ ngħaddu minn fażi ta’ esperimentazzjoni. Għaldaqstant importanti li nikkunsidraw bis-serjetà l-abbużi li dan jista’ jġib miegħu. Għandna f’moħħna kemm il-vantaġġ skorrett li individwi u entitajiet oħra jistgħu jieħdu minn fuq iż-żgħażagħ u l-adolexxenti, kif ukoll l-eċċessi perikoluzi li ġieli ż-żgħażagħ jidħlu fihom. F’dan iż-żmien ma nistgħux ninjoraw l-abbużi li jistgħu iseħħu online. Għandna nkunu moħħna mistrieħ li l-liġijiet li jipproteġu ż-żgħożija ikunu qed jiġu nfurzati.
Edukazzjoni
Fil-waqt li nagħrfu x-xogħol kbir li għaddej fil-qasam tal-iskejjel nħossu li għad hemm ħafna xi jsir biex ikompli jingħata spazju għad-dimensjoni umana u spiritwali fl-iskejjel, partikolarment dawk sekondarji u post-sekondarji. Hija evidenti li n-numru ta’ counsellors u social workers, u l-assenza fil-qasam post-sekondarju tal-formazzjoni anke formali fl-aspett uman huwa nuqqas li tajjeb jiġi indirizzat. Il-kurrikulu stess għandu jipprevedi dawn il-ħtiġijiet fil-formazzjoni tal- individwu. Bl-istess mod importanti li wieħed jagħti każ u jinvesti fid-dimensjoni spiritwali u reliġjuża tal-istudenti, ikun liema jkun it-twemmin tagħhom. L-ispiritwalità mhix aspett privat tal-persuna iżda parti importanti fl-identità personali.
Fil-qasam tad-drittijiet ċivili nagħrfu l-importanza ta’ edukazzjoni kontinwa speċjalment għad-dinjità tal-persuna li tmur lil hemm minn nazzjonalita, orjentazzjoni sesswali, reliġjon, u kull karatteristika oħra. Fl-istess ħin importanti li mhux biss nivvalorizzaw l-ugwaljanza, però immorru lil hemm għall-imħabba li tagħraf u tinkuraġġixxi d-differenzi wkoll, fil-valur tad-dinjità ta’ kull bniedem.
Divertiment
Hemm bżonn li nindirizzaw l-ispazji tad-divertiment u nqisu sew iċ-ċentralità tagħhom fl-iżvilupp bejn it-tfulija u l-ħajja adulta. Jeħtieġ li ninkoraġġixxu u nsostnu divertiment ta’ kwalità li jgħin it-tkabbir tal-persuna fid-dimensjonijiet kollha umani: il-ħila artistika, il-kapaċitajiet sportivi, is-sens kollettiv, l-identità kulturali.
Impjegabilità
Għandha tkun dejjem prijorità fil-qasam tal-impjiegi li noffru possibiltajiet liż-żgħażagħ, kemm dawk b’livell Universitarju, però anke li nżidu l-possibiltajiet ta’ impjieg ta’ nies b’ħiliet differenti, li jistgħu ivarjaw mill-arti għall-xogħol manwali u oħrajn. Ma ninsewx liż-żgħażagħ li jinsabu emarġinati minħabba nuqqas ta’ taħriġ u kwalifiki, sabiex jkollhom l-istess opportunitajiet għall-kwalità ta’ ħajja iktar sostenibli. Każi partikolari huma dawk illi ħarġu minn xi istituzzjoni u issa qegħdin jaffaċjaw il- ‘ġlieda’ ta’ ħajja independenti.
Iż-żgħażagħ li bħalissa jgħixu f’istituzzjonijiet, importanti li jiġu mogħtija support dejjem iktar ta’ kwalità. Partikolarment inħossu li fl-età ta’ bejn s-16 u t-18-il sena hemm bżonn li jiġi investit ħafna iktar biex ż-żgħażagħ jistgħu jiksbu għijxien denju u possibiltajiet f’din l-parti taż-żgħożija tagħhom. Dan bil-għan li l-ħidma kollha li saret mill-istituzzjonijiet sa 16-il sena ma tintilifx minħabba nuqqas ta’ sostenn f’din l-età importanti.
Ambjent
Bħala żgħażagħ ningħaqdu mall-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent sabiex nisħqu fuq l-importanza ta’ regolazzjoni ikbar fuq l-bini u t-teħid tal-ftit kampanja li l-pajjiż għadu jgawdi. Nagħrfu l-importanza tal-ispazju naturali li għadu jgawdi pajjiżna u nixtiequ li jkompli jagħmel dan anke għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Fuq l-istess tema nagħrfu l-importanza li t-tniġġis tal-arja ikompli jiġi ikkontrallat mill-aħjar possibli.
Volontarjat
Hemm bżonn li jkun hemm politika ċara u ta’ sostenn lill-qasam tal-volontarjat fl-aspetti kollha tiegħu fil-ħidma maż-żgħażagħ. Il-knisja u numru kbir ta’ NGOs jaħdmu bis-sħiħ flimkien maż-żgħażagħ fil-formazzjoni u fl-esperjenzi informali tal-ħajja tagħhom. Jeħtieġ li dawn il-programmi formattivi jiġu rikonoxxuti b’mod uffiċċjali u jingħataw għajnuna kemm diretta bħal finanzjament kif ukoll indiretta bħal taħriġ. L-esperjenza volontarja u informali għandha valur edukattiv kbir u hija ta’ ġieh u benefiċċju għas-soċjetà.
Leadership
Inħossu l-bżonn li ninvestu f’ġenerazzjoni ta’ mexxeja li tikber lil hinn mill-elezzjonijiet ġenerali. Nemmnu li s-soċjetà tagħna tista’ biss tiggwadanja minn persuni li jafu jaddottaw viżjoni u jimxu b’serjetà lejha. Għalhekk ninkoraġixxu inizjattivi formali u informali li jsawwru karattri proattivi u bi prinċipji ċari. Ma dan nirrakkomandaw aktar spazju għall-konsultazzjoni u d-djalogu mal-popolazzjoni żagħżugħa.
Bħala knisja żagħżugħa f’Malta nagħrfu l-importanza ta’ dan kollu u li nkomplu nsaħħu mixja li tagħti każ dawn l-oqsma differenti. Il-knisja kienet pijuniera f’dan il-qasam u toffri d-disponibbiltà tagħha li taħdem mal-partit/i sabiex iż-żgħażagħ ikollhom kull possibiltà li jirrealiżżaw ħajja ta’ kwalità.