MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
Introduzzjoni
Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) dejjem għamlet dmirha li toffri l-fehmiet tagħha fuq diversi kwistjonijiet dwar l-immaniġġjar tar-riżorsi ambjentali, l-iżvilupp sostenibbli f’dawn il-gżejjer u r-responsabbiltajiet u d-drittijiet taċ-ċittadini (speċjalment dawk Insara) f’dan il-qasam. Il-KA tħoss li għandha twettaq dan id-dmir speċjalment f’dan iż-żmien meta ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin huma msejħa jeleġġu r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament. L-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li qed toffri l-KA huma bbażati fuq diversi dokumenti ta’ fehma li l-KA ppubblikat riċentement, fuq il-feedback li l-KA kienet tat fuq id-dokument National Environment Policy[1],[2] (ippubblikata mill-Gvern) u fuq il-konklużjonijiet li ħarġu mill-konferenza nazzjonali li l-KA kienet organizzat fl-2011[3]. Il-KA tittama li dawn il-kummenti u rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu ta’ għajnuna lill-partiti politiċi fl-iżvilupp tal-programmi elettorali tagħhom, kif ukoll (u forsi aktar) ta’ riflessjoni għaċ-ċittadini sabiex jagħmlu għażla għaqlija.
Bżonn ta’ Perspettiva Ħolistika ta’ Żvilupp
Żvilupp sostenibbli jitlob li jinżamm bilanċ bejn interessi umani, soċjali, ekonomiċi u ekoloġiċi. Madanakollu, ħafna policies u proġetti proposti jħarsu BISS lejn l-aspett ekonomiku. Għalhekk hemm bżonn ta’ regolazzjoni u kontroll sabiex ikunu evitati deċiżjonijiet mgħaġġla jew abbużi li jħallu impatti negattivi fuq is-soċjetà … fejn il-ftit igawdu u l-ħafna jbatu. Il-KA kienet issuġġeriet li mod prattiku kif dan jista’ jitwettaq huwa billi jitwessgħu r-responsabbiltajiet tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali MCESD) b’mod li jibdew jinkludu l-immaniġġjar tar-riżorsi ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli.
Politika Nazzjonali għall-Ambjent u għal Żvilupp Sostenibbli
Analiżi tal-policies, il-liġijiet u r-regolamenti marbutin mal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna li ttieħdu matul is-snin turi li ħafna drabi dawn saru b’mod sporadiku biex jindirizzaw is-sintomi aktar milli l-kawża tal-kwistjoni. Dan wassal għalpolitika ambjentali frammentarja kkaratterizzata minn inkonsistenzi u kunflitti bejn policies diversi.
F’kuntest ta’ pajjiż ċkejken bħal tagħna b’riżorsi ambjentali limitati ħafna, u b’densità ta’ popolazzjoni fost l-ogħla fid-dinja, hemm bżonn ta’ politika nazzjonali li tiżgura ambjent san u li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli … politika li għandha tkun aċċettata mill-partiti politiċi kollha, kif ukoll mis-setturi ewlenin tas-soċjetà . Politika bħal din:
- tipprijoritizza u tintegra l-policies (kif propost min-National Environment Policy);
- toħloq sinerġija bejn l-awtoritajiet (eż. MEPA, Diviżjoni tas-Saħħa) sabiex jitfasslu policies ħolistiċi li jindirizzaw impatti varji tal-iżvilupp u jkun żgurat servizz aktar effiċjenti (one stop shop); u
- tirrevedi regolarment il-policies ħalli tiżgura li dawn ikunu qedin jindirizzaw bżonnijiet emerġenti.
L-ambjent hu tal-Maltin kollha u għalhekk għandu jkun responsabbiltà tal-parlament. Politika nazzjonali għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli għandha titfassal mill-partijiet konċernati kollha mill-bidu nett tal-leġislatura u b’hekk issir in-norma li fuqha jitfasslu l-għażliet kollha li rridu nimplimentaw ilkoll kemm aħna … u mhux il-partit li jinzerta jkun fil-Gvern biss. Pass bħal dan jitlob maturità politika li forsi l-partiti politiċi f’pajjiżna għadhom ma waslux għaliha.
Accountability u Responsabbiltà
Kull politika għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli trid taċċerta ruħha mill-kontabilità u mir-responsabbiltà ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet u ta’ min jimplimentahom f’kull livell: mill-Prim Ministru u l-Ministri kollha, sal-operaturi kollha fil-qasam ambjentali, uffiċjali governattivi u dawk fid-diversi Awtoritajiet, sal-anqas ċittadin għandu jinżamm kontabbli f’dan is-sens. Din il-kontabilità trid tissarraf b’mod li kull min ikun ipprovat li sofra xi telf fil-kwalità tal-ħajja minħabba deċiżjoni jew implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ħażina, jirċievi kumpens xieraq bil-liġi.
Naturalment, sabiex naslu hawn jenħtieġ proċess edukattiv li jipprovdi liċ-ċittadini bl-informazzjoni u l-ħiliet meħtieġa li jwassluhom jieħdu dak li hu tagħhom f’kull ċirkustanza u li jipparteċipaw b’mod effettiv fl-għażliet li l-istat u d-diversi Awtoritajiet jagħmlu fil-qasam tal-ħarsien ambjentali u tal-iżvilupp.
Kwalità tajba tal-ambjent hija investiment f’saħħitna
Mill-kummenti li l-KA rċeviet kull meta uriet l-impatt li kwalità ħażina tal-ambjent għandha fuq saħħitna jidher li hemm tendenza li naċċettaw prattiċi ħżiena għall-ambjent u għal saħħitna
jew għax “issa saru tradizzjoni” jew għax “minn dejjem hekk konna nagħmlu”. Biex verament nieħdu ħsieb is-saħħa taċ-ċittadini, jenħtieġ li tidher aktar biċ-ċar ir-relazzjoni li hemm bejn saħħitna u l-kwalità tajba tal-ambjent. Biex dan isir jenħtieġ li jitjieb ferm aktar il-mod kif isir l-monitoraġġ fuq il-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih. F’dawn l-aħħar snin sar ħafna progress f’dan il-qasam. Madanakollu, ħafna minn dan il-progress jidher li kien ‘sforzat‘ minn direttivi u regolamenti ambjentali tal-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li dan fih innifsu huwa tajjeb, irridu noqogħdu attenti li l-informazzjoni li nkunu qed niġbru tkun mhux biss relevanti sabiex naqdu l-obbligazzjonijiet tagħna internazzjonali u Ewropej, iżda – l-ewwel u qabel kollox – sabiex ikollna t-tagħrif kollu meħtieġ sabiex AĦNA nkunu nistgħu nagħmlu l-għażliet li rridu nagħmlu fl-aħjar interess taċ-ċittadin. Għal dan il-għan jenħtieġ li jsir tibdil fl-istrutturi amministrattivi u tekniċi ta’ diversi entitajiet u awtoritajiet li suppost jagħmluha ta’ regolaturi.
Jenħtieġ ukoll sforz ġenwin sabiex l-awtoritajiet li bil-liġi għandhom rwol ta’ regolaturi fid-diversi oqsma bħall-ippjanar, l-iżvilupp u l-immaniġġjar tar-riżorsi jkunu verament indipendenti mill-politiċi f’kull deċiżjoni li jieħdu. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu maħtur direttament minn u responsabbli direttament lejn il-Parlament.
Separazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ambjent u dik tal-Iżvilupp
Il-KA ilha sa mis-27 ta’ Marzu 2008[4] tisħaq fuq il-ħtieġa li jkollna awtorità regolatur effettiva fil-qasam ambjentali li tkun indipendenti u tinqata’ mill-awtorità regolatur fil-qasam tal-iżvilupp. Dan hu meħtieġ sabiex iż-żewġ aspetti (jiġifieri l-ambjent u l-ippjanar) jingħataw l-attenzjoni u r-riżorsi meħtieġa biex jiffunzjonaw b’mod iktar iffukat, effiċjenti u effikaċi[5].
L-Immaniġġjar tar-Riżorsi
(a) L-Enerġija
Bla ebda dubju li s-settur tal-enerġija (speċjalment il-ġenerazzjoni tal-elettriku) għandu sinifikat u impatt kbir fuq l-ekonomija tal-pajjiż, fuq s-sigurtà, fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Għalhekk mhux faċli li fi ftit kliem issir evalwazzjoni ta’ dan is-settur. Infatti l-KA bħalissa qed tħejji dokument ta’ fehma dettaljat fuq dan is-settur importanti. Sadanittant ghall-iskop ta’ dawn l-osservazzjonijiet ghall-elezjoni li gejja tajjeb li ngħidu li:
Waqt li l-produzzjoni tal-elettriku trid tkun ibbażata fuq konsiderazzjonijiet ekonomiċi (bħat-tariffi tad-dawl), dan ma għandux isir bi ftit li xejn konsiderazzjoni tal-impatti negattivi ambjentali (speċjalment fuq il-kwalità tal-arja). Għalhekk il-KA tħeġġeġ sabiex isir kull sforz sabiex, filwaqt li nfittxu li niġġeneraw l-elettriku bi spejjeż ragonevoli sabiex iċ-ċittadini ikunu
jistgħu jlaħqu mat-tariffi, ninvestu fl-użu ta’ fuels u riżorsi alternattivi ta’ enerġija li jiggarantixxu kwalità tajba tal-arja.
Bħalma intqal aktar ’l fuq dwar il-kontabilità, il-KA tħoss li, fil-qasam tal-enerġija jkun hemm kontabilità u regolazzjoni tal-operat tal-ENEMALTA min awtoritajiet regulaturi, bħall-MEPA. Tajjeb ukoll li jsir awditjar tar-riżorsi umani fi ħdan l-ENEMALTA sabiex din l-azjenda tkun ekonomikament vijabbli.
Naturalment, jenħtieġ ukoll li jsiru aktar sforzi kkoordinati, fit-tul u b’mod konsistenti fil-qasam tal-produzzjoni tal-enerġija alternattiva (nadifa). Waqt li ċertament, f’dawn l-aħħar snin, rajna diversi inizjattivi tajbin f’dan il-qasam, għad irid ikun hemm programm ħolistiku li jkun applikat b’mod konsistenti sabiex iwassalna niddependu anqas fuq sorsi ta’ enerġija ta’ fuels, għall-benefiċċju tal-ambjent u ta’ saħħitna. Pereżempju, wasal iż-żmien li nibdew bis-serjetà nutilizzaw l-enerġija tar-riħ b’mod sostanzjali.
(b) L-Użu tal-Art u l-Ambjent Mibni:
Teżisti perċezzjoni żbaljata li l-progress u l-iżvilupp iġib rigress. Fil-fatt hu l-mod kif isir dan il-progress li jista’ jkun problematiku. Sfortunatament xi professjonisti spiċċaw skjavi tas-suq minflok ma taw direzzjoni u edukaw lill-klijenti tagħhom. Għalhekk, speċjalment fil-kuntest ta’ pajjiż żgħir, wieħed irid jiżen sew kif sa nimmaniġġjaw il-bini fl-ibliet u l-irħula tagħna. Jekk dħalna f’riċessjoni fil-bini li rrendiet lil pajjiżna building site waħda b’ħafna djar u appartamenti ġodda vaganti … dan hu l-frott ta’ ppjanar jew spekulazzjoni żbaljati. Fl-istess ħin sar investiment li effettivament mhux dejjem huwa produttiv għax wara l-proċess tal-bini, dan jibqa’ vojt. Minbarra f’hekk l-impatti ta’ dawn il-binjiet ġodda fuq is-servizzi, kif ukoll fuq is-‘social fabric’ spiss ikunu injorati.
Għal dan il-għan jenħtieġ li tkun iġġenerata u utilizzata riċerka lokali f’dan il-qasam. L-immaniġġjar għandu jindirizza diversi livelli:
- il-konservazzjoni u l-użu aktar għaqli tal-ġebla Maltija;
- il-bżonn ta’ skemi li jinċentivaw ir-restawr u l-użu ta’ proprjetà vojta minflok titħalla taqa’ fi stat t’abbandun;il-bżonn ta’ investiment fil-konservazzjoni tal-arkitettura ‘tradizzjonali’;
- tingħata aktar attenzjoni dwar ir-rabta bejn il-kwalità tal-bini u l-kwalità tal-ħajja lill-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fl-iżolament mill-istorbju kif ukoll fis-soppressjoni tal-istorbju waqt li tkun qed issir il-kostruzzjoni;
- ir-regolamenti tal-bini li diġà huma fil-liġi għandhom ikunu infurzati, partikolarment dawk dwar l-‘energy performance’ tal-bini;
- it-tfassil u l-użu intelliġenti ta’ linji gwida raġonevoli li jirregolaw id-disinn urban (streetscape) sabiex jinħolqu spazji ħolistiċi fejn ngħixu (holistic place making).
(c) L-ilma
Minkejja li f’pajjiżna l-ilma hu riżors limitat ħafna, ilna għal ħafna żmien niffunzjonaw bħallikieku dan ir-riżors ma jista’ jispiċċa qatt. Il-liġi fir-rigward tal-ilma hi fjakka u teħtieġ li tkun imsaħħa u fuq kollox infurzata. Għad m’hemmx qafas legali li jiddefinixxi d-drittijiet għall-ilma (water rights) kif ukoll jiddistingwi x’inhu privat u x’inhu pubbliku. Għalhekk hemm bżonn li l-kwistjoni tal-ilma ma tkunx politiċizzata imma mill-aktar fis, titnissel responsabbiltà kollettiva li tippermetti politika fit-tul u infurzar effettiv. Hemm bżonn li titfassal Strateġija għall-Immaniġġjar tar-Riżorsi tal-Ilma mibnija fuq tliet linji:
- il-ħolqien ta’ proċeduri li jirregolaw l-użu tal-ilma u jitwaqqaf l-abbuż;
- l-infurzar ta’ dawn il-proċeduri; u
- it-tnedija ta’ programm ta’ edukazzjoni, fuq diversi livelli, dwar l-użu sostenibbli tal-ilma.
Minħabba li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ilma u d-diversi responsabbiltajiet relatati jaqgħu taħt awtoritajiet differenti, hemm il-periklu li jitfasslu policies mhux ċari (grey areas) u konflinġenti, bil-konsegwenza li ma jkunx hemm idea ċara min hi l-awtorità/l-uffiċċju responsabbli u b’hekk jiżdied l-abbuż. Bħala soluzzjoni hemm bżonn ta’ awtorità waħda li tfassal policies ċari (kif issuġġerit min-National Environment Policy).
In-nuqqas ta’ liġi b’saħħitha u l-infurzar tagħha flimkien man-nuqqas ta’ awtorità responsabbli qed iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-irregolaritajiet qed ikunu regolarizzati. M’hemmx għalfejn ngħidu li dan qed iwettaq inġustizzja maċ-ċittadini onesti li josservaw dmirijiethom u ta’ inċentiv għal min jabbuża sabiex ikompli jagħmel hekk għad-detriment tas-soċjetà.
It-trattament tal-ilma tad-drenaġġ hu meqjus soluzzjoni vijabbli biex tittaffa d-domanda għall-ilma. L-implimentazzjoni tad-deċiżjoni li jintuża dan l-ilma titlob li:
- jsir monitoraġġ u kontroll ta’ x’inhu dieħel fid-drenaġġ – b’mod speċjali l-kimiċi li jintefgħu fih b’mod illegali;
- jkomplu jinstabu mezzi vijabbli u siguri li jwasslu l-ilma trattat f’diversi lokalitajiet li jinkludu ppjanar fit-tul għat-titjib tal-infrastruttura; u
- jkun żgurat li kull għajn ta’ ilma alternattiv tkun vijabbli għall-konsumatur biex titnaqqas it-tentazzjoni li jsir użu illegali tal-ilma.
Jeħtieġ ukoll li jkun studjat sew l-impatt tal-biedja (jiġifieri l-attività tar-raħħala u ta’ dawk li jrabbu l-bhejjem) fuq il-konsum tal-ilma sabiex ikun kwantifikat il-konsum u l-impatt fuq il-kwalità tal-ilma f’dan is-settur. Fl-istess ħin, għandha tingħata alternattiva u għajnuna lill-bdiewa sabiex ix-xogħol tagħhom ikun sostenibbli. Dan għandu jkun il-bażi ta’ proċess li jwassal għat-tfassil ta’ Politika Nazzjonali Agrikola.
Liġi li hemm bżonn tkun infurzata mingħajr aktar dewmien hi dik li l-bini ġdid għandu jkollu ħażna għall-ilma u żewġ sistemi tal-ilma: waħda għall-first class water (għall-konsum) u oħra għas-second class water (għall-flushings, ħasil, eċċ.). Id f’id mal-infurzar ta’ din il-liġi hemm bżonn:
- inċentivar tal-użu tal-ilma tal-bjar f’sistemi ta’ second class water;
- li jintalab ħlas bħala kumpens fejn hemm nuqqas ta’ faċilità għall-ħażna tal-ilma tax-xita (għal dawk il-binjiet li nbnew wara l-2007 – skont l-Avviż Legali 238 tal-2006);
- ikun żgurat li l-ilma tax-xita li jinġabar minn fuq il-bini ma jmurx fid-drenaġġ; u
- li jsir kontroll u infurzar tal-liġijiet dwar it-trobbija ta’ annimali fuq il-bjut biex ikun evitat l-ikkontaminar tal-ilma li jinġabar.
(d) Widien
Meta wieħed iqis l-importanza li għandhom il-widien fuq ir-riżervi tal-ilma, jinkwetana il-fatt li pajjiżna għad m’għandux strateġija ċara dwar l-immaniġġjar ta’ dawn il-widien. Għalhekk hemm bżonn Politika Nazzjonali dwar l-Immaniġġjar tal-Widien u l-Ilqugħ li:
- tistabbilixxi min hu responsabbli għall-widien u tinħoloq sinerġija bejn l-awtoritajiet konċernati u l-istakeholders diversi sabiex ikunu evitati policies konflinġenti;
- tiddetermina l-wirt ekoloġiku, ekonomiku, soċjali u kulturali tal-widien;
- tfassal kriterji dwar jekk hux sa jinbena lqugħ jew le;
- tistabbilixxi kif ser jintuża l-ilma li qed jinġabar u l-kwalità tiegħu; u
- toħloq proċeduri kif ikunu kkurati, immaniġġjati u rrestawrati l-widien.
L-Iżvilupp t’Għawdex – sfidi u opportunitajiet
Għawdex hu uniku fil-karatteristiċi tiegħu. Dawn il-karatteristiċi jistgħu jservu kemm ta’ opportunità sabiex Għawdex ikompli jiżviluppa u kemm il-kawża li jmur lura. X’direzzjoni sa jmur tiddependi minn kemm hemm rieda li ssir bidla fid-drawwiet tagħna u fl-istil ta’ ħajja li naddottaw.
Dwar Għawdex għad hemm predominanza ta’ kunċett antikwat li l-kwalità tal-ambjent u l-iżvilupp ma jistgħux jimxu id f’id, jiġifieri li wieħed irid ibati biex igawdi l-ieħor. Il-programm Eko-Għawdex għandu jiffoka l-operat tiegħu sabiex jintegra iżjed l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ekoloġiċi. Kull proġett ta’ żvilupp għandu l-‘prezz’ tiegħu u għalhekk hu importanti li wieħed jiżen sew dak li sa jwettaq. Kultant il-ħsara li ġġib magħha deċiżjoni ħażina mhux dejjem tista’ tissewwa a skapitu tal-ġenerazzjonijiet futuri. Kunsilli lokali u NGOs għandhom ikunu megħjuna sabiex ikunu jistgħu jagħmlu studji oġġettivi dwar l-impatt ta’ proġetti kbar. Dawn l-istudji għandhom ikunu kkummissjonati mill-MEPA u jitħallsu mill-iżviluppatur bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.
Hemm bżonn kampanja aktar intensiva li tivvalorizza u tippromwovi b’mod professjonali l-ambjent naturali, soċjali u storiku/kulturali t’Għawdex. Dak li hu Għawdxi u l-karatteristiċi tas-
soċjetà Għawdxija (eż. ir-rata relattivament baxxa ħafna ta’ kriminalità, it-trankwillità, edukazzjoni tajba) mhux dejjem jingħataw l-importanza mistħoqqa mill-awtoritajiet fil-promozzjoni t’Għawdex … anzi ħafna drabi jitqiesu bħala xi ħaġa periferika għal dak li jsir Malta.
L-ambjent rurali hu aspett li jeħtieġ protezzjoni kemm billi jitwaqqaf il-bini fuq art agrikola u kemm billi jinħolqu (u jkunu inċentivati) opportunitajiet sabiex ikunu apprezzati (u esperjenzati) aħjar il-ħajja rurali u l-biedja (eż. bl-iżvilupp ta’ turiżmu rurali).
L-immaniġġjar tar-riżorsi tal-ilma (eż. ilma tal-pjan, barrieri u l-ilqugħ ieħor) jenħtieġ aktar attenzjoni.
Il-programm Eko-Għawdex għandu jinċentiva s-settur tal-kostruzzjoni sabiex:
- jinbnew djar li huma sostenibbli fl-użu tal-ilma u tal-enerġija;
- ikun hemm iffukar fuq ir-refurbishment ta’ bini qadim minflok it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid tiegħu;
- jinħolqu skemi li jinkoraġġixxu l-użu tal-proprjetà vaganti u eżistenti; u
- isir użu sostenibbli tal-ġebla tal-franka, il-konservazzjoni tal-ħamrija u l-protezzjoni tal-landscape (billi tingħata aktar attenzjoni għad-dettall meta jsir l-ippjanar urban u l-ippjanar lokali).
It-tniġġis mid-dawl mhux qed ikun indirizzat, anzi l-użu esaġerat tad-dawl qed jitqies bħala mezz biex ‘isebbaħ’. Minbarra li hu forma ta’ tniġġis, l-użu żejjed ta’ dawl qed jikkawża wkoll ħela ta’ enerġija bla bżonn.
Dwar il-popolazzjoni f’Għawdex, jeżisti brain drain taż-żgħażagħ li jagħżlu li joqogħdu Malta minħabba xogħol u anke biex jixtru proprjetà u jwaqqfu familja. Dan qed isir kemm għax f’Għawdex m’hemmx xogħol biżżejjed għall-Għawdxin u kemm minħabba li x-xogħol li hemm Għawdex jitħallas inqas mill-istess xogħol li jsir Malta. Kemm jista’ jkun Għawdxi għandu jaħdem f’pajjiżu stess, imma dan hu impossibbli li jintlaħaq minħabba li:
- l-popolazzjoni hi waħda żgħira u l-attività li tiġġenera hi waħda limitata; u
- min irid jispeċjalizza bilfors irid jitla’ Malta … u kultant anke lil hinn minnha.
Hemm bżonn ta’ aktar kreattività biex jinħolqu jew jissaħħu inizjattivi sabiex jinżammu u jkunu attirati aktar nies biex joqogħdu Għawdex, eż.: l-organizzar ta’ avvenimenti internazzjonali; it-twaqqif ta’ skejjel tal-Ingliż speċjalizzati għall-professjonisti; u inċentivi għall-irtirar f’Għawdex.
Hemm bżonn ta’ strateġija ċara għall-iżvilupp imprenditorjali sostenibbli f’Għawdex u l-ħolqien tal-Gozo Enterprise li jindirizza l-bżonnijiet speċifici tal-iżvilupp ekonomiku t’Għawdex. Jidher li fil-kuntest t’Għawdex l-investiment f’inizjattivi żgħar u individwali jista’ jħalli aktar frott minn proġetti kbar. Il-programm Eko-Ghawdex, Malta Enterprise u l-banek għandhom joħolqu ambjent/infrastruttura li tinċentiva inizjattivi bħal dawn, sabiex b’hekk ikun hemm aktar investiment xieraq f’dawn l-intraprizi zghar u b’hekk jkunu sostnuti.
It-turiżmu (b’mod speċjali t-turiżmu rurali) jidher li joffri opportunità tajba għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kultura Għawdxija. Imma jrid ikun hemm attenzjoni sabiex dan l-iżvilupp ikun sostenibbli u b’hekk jissaħħaħ l-ambjent naturali, soċjali u storiku/kulturali t’Għawdex – ambjent li qed jattira t-turisti lejn Għawdex. Minħabba dan hemm bżonn li tinħoloq policy ċara u promozzjoni ta’ guest hosting fil-familji.
Dwar il-proġett tal-mina jew il-pont bejn Malta u Għawdex il-KA tħoss il-bżonn li dan il-proġett ikun studjat sew sabiex tkun evitata l-għaġla u ma jkunux indirizzati biss miri immedjati. Dan l-istudju għandu jevalwa bir-reqqa x’ser ikun il-prezz ekonomiku (biex jinbena u jkun sostnut), soċjali u ekoloġiku li jkollna nħallsu għalih u x’ser ikun qed irodd lura fil-futur. Jenħtieġ li wieħed jara jekk hemmx mezzi oħra li jsolvu l-problema b’mod aktar sostenibbli.
Edukazzjoni Ambjentali
L-edukazzjoni ambjentali, mifruxa fuq is-setturi kollha (i.e. dawk formali, informali u non-formali), għandha tkun il-bażi ta’ kull inizjattiva indirizzata sabiex tippromwovi stili ta’ ħajja sostenibbli. Diversi dokumenti nazzjonali ilhom żmien jipproponu Strateġija Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli sabiex jintlaħaq dan il-għan. Wasal iż-żmien li mill-kliem ngħaddu għall-fatti u jsir investiment sabiex titfassal din l-istrateġija.
Il-proposta tal-introduzzjoni tal-edukazzjoni ambjentali fil-Kurrikulu Nazzjonali hi bla dubju ta’ xejn pass fid-direzzjoni t-tajba. Madanakollu, jeħtieġ li l-edukazzjoni ambjentali ma tkunx tindirizza biss lit-tfal imma wkoll lill-adulti u l-komunitajiet fil-lokalitajiet. Dan il-proċess għandu jinkludi wkoll awtoritajiet ekkleżjastiċi, ġuridiċi, trejdjunjonistiċi, amministrattivi u oħrajn.
Konklużjoni
L-elezzjoni ġenerali ġġib magħha perjodu ta’ riflessjoni. Għalhekk hu importanti li dan isir fi spirtu ta’ sinċerità u onestà. Dan iż-żmien joffrilna opportunità li bħala ċittadini naħdmu għall-ġid komuni ta’ pajjiżna, u mhux għall-ġid ta’ xi partit partikolari jew għal xi gwadann personali.
Lil hinn mill-kliem u mill-wegħdiet elettorali, bħala ċittadini rridu naċċertaw ruħna li neleġġu rappreżentanti li naħsbu li jistgħu jwasslu lil pajjiżna lejn żvilupp sostenibbli fejn il-wirt ambjentali – flimkien ma’ dak ekonomiku u dak soċjali – ikun imseddaq u mħares kif huwa xieraq. Aktar minn hekk, irridu niżguraw li jitla’ min jitla’ fil-Parlament jinżamm kontabbli lejn il-poplu għall-għażliet li jagħmel mhux biss waqt l-elezzjoni iżda f’kull ħin u f’kull mument tal-leġislatura tiegħu.
[1] Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. National Environment Policy – Consultation Phase 1 – Issues Paper. Reactions, comments and suggestions. September 2010
[2] Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent: National Environment Policy. Comments by Kummissjoni Intedjocesana Ambjent – February 2012
[3] Biżżejjed Għal Kulħadd. Konferenza mtellgħa mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija dwar l-Ilma, Flimkien għal Ambjent Aħjar u d-Direttorat għal Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali – (Ministeru għal Għawdex). Diċembru 2011.
[4] Stqarrija tal-Kummissjoni Ambjent tal-Arċidjoċesi (2008) L-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA), l-Iżvilupp Sostenibbli u r-Responsabbiltà Politika. Uffiċċju Stampa, Il-Kurja tal-Arċisqof, Floriana.
[5] Kummissjoni Interdjocesana Ambjent 27 July 2009. Opinion on the consultation document on MEPA’s Reform. Uffiċċju Stampa, Il-Kurja tal-Arċisqof, Floriana.