MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
.
Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-Xogħol (KPDX), f’dan iż-żmien li f’Malta qegħdin noqorbu biex nagħżlu min se jmexxi pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin, tixtieq twassal il-punti li fuqhom irriflettiet l-istess kummissjoni matul dawn l-aħħar snin.
Dawn il-proposti l-Kummissjoni qiegħda tippreżentahom lil dawk il-partiti li qegħdin jippreżentaw irwieħhom għall-Elezzjoni li ġejja. Huma punti li ħarġu minn laqgħat u seminars li orġanizzajna mal-imsieħba soċjali u mal-istess ħaddiema. Il-KPDX tħossha fl-obbligu li ssemma’ leħinha u ma tonqosx milli twassal, f’dan il-mument opportun, dak li ddiskutejna u studjajna, bħala kontribut lil min se jkun fil-gvern fi żmien ftit ġimgħat oħra.
- L-ewwel punt li xtaqna nsemmu huwa dwar l-identità tal-bniedem bħala ħaddiem u bħala membru ta’ familja. Ix-xogħol huwa l-għixien tal-familja, ix-xogħol għandu jgħin lill-familja mingħajr ma l-familja jkollha tissagrifika l-għaqda u l-ħin bżonnjuż li jkunu flimkien. Huwa importanti għall-ekonomija tal-pajjiż, u anke għall-istess familja, li jkun hemm ix-xogħol. Imma nfakkru li l-familja, b’mod speċjali fejn hemm it-tfal, huwa bżonnjuż il-ħin li jkunu flimkien. Il-familja għandha bżonn l-attenzjoni u l-ħarsien tal-membri. Id-dar mhix post li norqdu fiha biss, imma l-post li jkun indukrat bħal bejta ta’ mħabba, u l-imħabba fil-familja tikber u tissaħħah fil-kenn tad-dar. Għalhekk nerġgħu ntennu li jeħtieġ li nieħdu ħsieb li fid-deċizjonijiet tagħna ekonomiċi ma ninsewx nipproteġu l-għaqda u l-ħin imprezzabbli tal-ġenituri fil-familja. F’dan ir-rigward ninnotaw li filwaqt li s-soċjetà qed turi apprezzament u ħeġġa biex l-ommijiet joħorġu jaħdmu, ħafna drabi qed tweġġa’ s-sentimenti ta’ dawk l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu d-dar biex jindukraw il-familja. Iż-żewġ għażliet għandhom jiġu rispettati.
- It-tieni punt li l-KPDX tixtieq twassal huwa l-bżonn ta’ mistrieħ lill-ħaddiema. F’Malta, bħal f’ pajjiżi oħra, il-Ħadd għadu jum ta’ mistrieħ u tal-Familja. Il-KPDX iddiskutiet din it-tema mal-imsieħba soċjali u rajna l-bżonn għall-ġid tagħna li nipproteġu l-Ħadd milli jsir jum ieħor ta’ għejja u assenza mid-dar. Ngħinu lil dawk il-ħaddiema li xi drabi qegħdin jaqgħu fit-tentazzjoni li minħabba s-sitwazzjoni tagħhom finanzjarja, jitilfu dan il-Jum ta’ mistrieħ mal-familja tagħhom. Il-KPDX dejjem fakkret li għandna napprezzaw dawk il-ħaddiema li, minħabba s-servizz li jagħtu lis-soċjetà, ikun inevitabbli li jidħlu l-Ħadd ix-xogħol ukoll.
- Barra minn hekk, billi għall-Insara l-Ħadd huwa ukoll Jum il-Mulej, fid-dawl tad-dritt tal-libertà reliġjuża, huma ma għandhomx ikunu mfixklin milli jħarsu dan il-jum.
- It-tielet punt li l-KPDX twassal huwa l-ħarsien tax-xogħol tradizzjonali Malti. L-istess Kummissjoni kienet rat u tkellmet fuq kif ix-xogħol tradizzjonali Malti, b’mod partikulari fil-qasam tas-sajd u tal-biedja, għandu quddiemi sfidi ġodda minħabba l-metodi aktar avvanzati li qegħdin jitħaddmu. Ma rridux ninsew li x-xogħol tradizzjonali mhux biss kemm se tipproduċi, imma trid tinħares l-imħabba ta’ missirijietna li għaddewlna f’dawn is-snajja’, u dan ix-xogħol għandu l-aspett kulturali tiegħu Malti wkoll. Għandna nħarsu u ngħinu dawn is-snajja’ tradizzjonali.
- Ix-xogħol voluntarju jiġi minn qalb li jkollha valuri nobbli. Il-KPDX temmen li fil-qasam tax-xogħol jsir aktar taħriġ u jista’ jiġi nkoraġġut dejjem aktar, kemm mis-settur pubbliku kif ukoll dak privat, anke b’ghajnuna finanzjarja, biex isir xogħol voluntarju f’oqsma ta’ karità f’pajjizna.
- Il-KPDX hija viċin l-imsieħba soċjali fosthom it-Trade Unions, u tara l-importanza tagħhom fil-binja ta’ soċjetà aktar ġusta u solidali. Konxja mis-sehem tal-Unions favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ġid komuni, il-KPDX temmen l-Istat għandu jgħin lill-Unions għaliex l-attività tagħhom hija meħtieġa għall-iżvilupp mhux biss ekonomiku, imma ukoll soċjali u morali tal-ħaddiema, tal-familji u tas-soċjetà.
- L-aħħar seminar li l-KPDX organizzat kien dwar ‘il-fidi u l-post tax-xogħol’. Il-fidi għandha postha anke fil-post tax-xogħol, anke fl-istess politika tal-pajjiż. Għalhekk nemmnu li għandna nħarsu u ngħinu lill-individwu b’mod sħiħ, anke t-twemmin tiegħu. Bniedem li jemmen huwa ta’ min iżomm fuqu. Id-dixxipli ta’ Kristu jemmnu li t-tagħlim soċjali tal-Knisja, li huwa ispirat mill-Evanġelju, huwa riżorsa siewja biex nibnu soċjetà aktar umana u għalhekk soċjetà li tixraq lill-ħaddiema.
Dawn il-proposti huma riżultat tal-ħidma kontinwa tal-KPDX, li hija kummissjoni magħmula minn membri lajċi u fl-istess ħin impenjati fit-twemmin tagħhom.