-
-
“Morru fid-dinja kollha xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15). Ġesù jrid li l-Vanġelu jixxandar bl-aħjar mod possibbli biex jasal għand kulħadd. Il-Knisja tfittex il-mezzi kollha disponibbli biex tagħmel dan. “Il-Knisja Kattolika tarah dmirha li tuża wkoll l-istrumenti ta’ komunikazzjoni soċjali sabiex ixxandar l-aħbar tas-salvazzjoni u tgħallem lill-bnedmin kif iħaddmuhom tajjeb” (Inter Mirifica, Nru 3). Għalhekk qed noffru din il-website b’xerja ġdida f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-iskop tagħna hu li noħolqu djalogu magħkom biex flimkien niskopru u nxandru l-valuri sbieh hemm li nsibu fil-Vanġelu. Aħna nemmnu li jekk inħaddnu dawn il-valuri naslu biex noħolqu dinja aħjar għalina u għal kulħadd. Hija x-xewqa tagħna li intom tkomplu tikkomunkaw magħna permezz tal-website. Min-naħa tagħna ser nagħmlu ħilitna biex inweġbukom fil-pront. Flimkien ejjew noħolqu dan il-pont bejnietna biex nibnu wkoll pont bejna u bejn Alla.