25 ta’ Frar, 2011
Parroċċa San Pawl, Valletta
Ħuti,
L-ewwelnett nirringrazzja liż-żewġ kandidati tal-lum, lil Ruben u Charlon għaliex qed jagħtuna ċ-ċans li aħna nirriflettu fuq dan il-misteru kbir; l-ewwelnett l-imħabba t’Alla lejn dan l-poplu tiegħu. Din l-imħabba t’Alla tiġi mhux minn preferenza li aħna nistgħu nipparagunawha mal-preferenza umana, imma preferenza għaliex dan il-poplu t’Alla għandu missjoni kbira li huwa jkompli jwassal dak li Ġesu’ wassal elfejn sena ilu f’verżjoni limitata għaliex kien jidher bħala bniedem, allura fiż-żmien u f’post, imma mbagħad għaliex kien l-Iben t’Alla li qed jagħmilha dimensjoni universali li tolqot f’kull post u f’kull żmien.
Fi ħdan din l-imħabba kollha ta’ Alla l-Imbierek lejn dan il-poplu li qiegħed hawn, aħna llum nistgħu nagħmlu daqxejn ta’ riflessjoni, għaliex fi ħdan dan il-poplu, Alla l-Imbierek qajjem lil xi wħud biex ikunu wkoll saċerdoti medjaturi ta’ dak kollu li hija l-ħeġġa, il-grazzja, b’mod speċjali is-sagramenti li permezz tagħhom iwasslu lil dan il-poplu kollu, u lilna wkoll, biex naqdu din il-missjoni profonda u sublimi fid-dinja li ngħixu fiha. Allura tajjeb li llum nagħmlu daqsxejn dawn ir-riflessjonijiet anke bejnietna fid-dawl tal-Kelma t’Alla li aħna għadna kemm smajna.
Fil-Vanġelu tal-lum (Mk 3, 13-19), aħna kellna silta mill-Vanġelu skont S. Mark li turina l-ewwel kandidatura li saret fi ħdan il-Knisja. Hija l-ewwel kandidatura! Għaliex aħna rridu nħarsu lejn dawk l-ewwel żminijiet? Għaliex aħna Knisja apostolika li ma tista qatt tinfired mill-oriġini apostoliċi tagħha, jiġifieri fil-kuntest ta’ l-ewwel Knisja, l-ewwel dixxipli kif għexuha mal-Mulej Ġesu u naraw imbagħad kif dik ir-realta ta’ dak iż-żmien, aħna nistgħu anke ngħixuha llum.
Fil-Vanġelu għandna din l-ewwel kandidatura fl’elementi kollha tagħha. Jien se nsemmihom ħalli niftakru fihom. Smajna fil-Vanġelu: “Sejjaħ lil dawk li ried”. Kandidatura ma tibdhiex bħalma tibda meta jien qed infittex ġob jew professjoni: tibda minni għax jien għażiltha. Kandidatura, fil-kuntest reliġjuż li qegħdin niċċelebrawha, tibda minn sejħa – dan il-misteru – sejħa lil dawk li ried Ġesu jibda jsejħilhom.
Meta jagħmlilhom din is-sejħa, it-tieni pass huwa li dawk li sejjaħ, resqu lejh. U resqu lejh biex jibqgħu miegħu – hawn qiesu għandek kontradizzjoni – biex jibqgħu miegħu u biex jibagħthom jipprietkaw: żewġ elementi fundamentali ta’ kull bniedem li jiġi msejjah minn Alla. Trid tibqa’ miegħu imma mbagħad biex tipprietka mhux biex inti tilgħalaq fik innifsek. Ma tistax tipprietka jekk ma tibqax miegħu, allura fit-talb, fil-mixja spiritwali. U ma tagħmilx sens li tibqa’ miegħu jekk ma tħossx li għandek lill-oħrajn li twasssalhom biex jaqsmu l-istess esperjenza miegħek. Ovvjament li l-qawwa kollha li l-ordinazzjoni saċerdotali iġġib lilna bħala medjaturi tal-grazzji tas-sagramenti tal-Mulej, trid tkun marbuta ma’ din il-kelma t’Alla li biha inti tkun tista’ tħejji persuni oħrajn biex ikunu jistgħu jirċievu dawn il-grazzji sagramentali tal-Mulej. Għax mhumiex awtomatiċi. Iktar ma nlestu l-persuni biex jilqgħuhom, iktar il-grazzja ta’ dan is-sagrament tikber f’kull wieħed u waħda minnhom.
Fil-missjoni ta’ dawn l-ewwel kandidati li semgħu l-kelma t’Alla, intom ukoll – u din hi xi ħaġa li rridu ngħaddu minnha – aħna rridu nidħlu f’dak il-misteru kbir li daħal fih Sidna Ġesu Kristu meta sar bniedem fostna u li l-permezz tiegħu kien hu li jmut fuq is-salib. Din hi l-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin. Fil-kandidatura li kellhom dawn l-appostli, smajna dan il-kliem: “Ikollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten”. Aħna rridu nidħlu f’din il-ġlieda lkoll. Imma b’mod speċjali għandna l-qawwa tas-sagrament tal-qrar imma għandna l-qawwa li aħna nwasslu l-kelma ta’ dak li huwa tajjeb u l-ħażin li aħna l-poplu kollha nidħlu f’din il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin. Ma jistgħux ikunu t-tnejn komdi. It-tajjeb u l-ħażin ma jistgħux ikunu komdi, mhux li aħna perfetti imma għaliex il-għażla trid tkun hemm, il-għażla li mbagħad nimxu fiha. U biex il-kelma tal-Mulej tgħin lil dawn l-appostli u tgħin lilna, sfortunatament indunajtu, meta jsemmi t-tnax, jieqaf, u jispiċċa f’Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradih. Għaliex l-għażla tal-Mulej tfisser tweġiba u dik il-kelma lill-aħħar persuna mhux biex ibezzagħna, anzi biex tifħilna għajnejna li dik is-sejħa titlob bilfors kontinwament il-grazzja tal-Mulej fil-ħajja tagħna, il-fedelta biex nibqgħu f’din il-mixja. Nibqgħu dgħajfa; bil-Mulej biss inkunu b’saħħitna.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum mill-Atti tal-Appostli (Atti 22, 6-16), aħna kellna l-konverżjoni ta’ S. Pawl u naħseb li ndunajtu li hija l-kandidatura ta’ S. Pawl biex jibda l-mixja tiegħu biex ikun appostlu ta’ Alla l-Imbierek li għalkemm fiha ħafna elementi, jiena għażilt tnejn li huma importanti biex nifhmu l-kandidatura x’inhi.
Is-sentenza fundamentali hija din il-kelma ta’ Ġesu: “Għaliex għad tixhed quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt”. Dawn huma żewġ elementi importanti: “tixhed quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt”. Żewġ elementi!
L-ewwel waħda: fuq dak li rajt u smajt. Lil S. Pawl ma jgħidlux: ‘fuq dak li qrajt’ imma “fuq dak li rajt u smajt”. U allura jiena nissuġġerixxi li l-mistoqsija ta’ S. Pawl, l-ewwel waħda li għamel tkun fundamentali: “Min int, Mulej?” Min int mhux għax darba qrajt il-Vanġelu għoxrin sena ilu u baqa’ hemm, le! Min int, Mulej, min int illum! Fid-dawl ta’ dan il-mument li qed ngħix fih illum: int Mulej, min int? Ħalli mbagħad inkun nista’ nirrakkonta lin-nies mhux dak li qrajt għoxrin sena ilu, imma l-esperjenza tiegħi tal-Mulej illum. Għax dik hi l-qawwa tal-kelma li tkun l-esperjenza tiegħi li ngħaddiha lill-oħrajn.
U t-tieni mistoqsija li għamel S. Pawl hija: “Xi tridni nagħmel, Mulej? X’għandi nagħmel, Mulej?” U naħseb indunajtu f’dak il-ħin, l-ewwel ħaġa li qallu Sidna Ġesu Kristu: “Mur għand xi ħadd li jirrapreżenta l-Knisja, Ħananija”. L-ewwel ħaġa! Ma qallux: “ejja miegħi u ibqa’ miegħi”. Dejjem għaliex Ġesu, tiftakru meta qallu: “Għaliex qiegħed tippersegwitani?”, qed ipoġġi lilu nnifsu fil-Knisja, qallu: “Mela issa taf meta se tiltaqa’ miegħi? Mur fil-Knisja, mur għand Ħananija, mur f’dik li hi l-komunita nisranija, imbagħad hemmhekk tirċievi minn għandu l-grazzja tal-fejqan u kollox”. Hekk ngħidha lilkom ħuti kollha hawnhekk, lilna lkoll, ma jistax ikollok saċerdozju, kandidatura li fiha l-Mulej ma jerġax jimbuttak għall-Knisja. M’hemm l-ebda saċerdożju li wieħed jista’ jinqata’ minn din l-imħabba kbira lejn l-Knisja. Għaliex hija l-Knisja, permezz tagħha aħna għandna l-grazzji. Tafu lkoll, il-grazzji qatt ma neħduhom għalina. Jiena ma sirtx Isqof għax jien għamilt lili nnifsi Isqof, imma għaliex Alla l-Imbierek għamilni Isqof permezz tal-Knisja. U din hija l-qofol ta’ din il-kandidatura li se tibqa’ mbagħad, ovvjament, tiżviluppa f’sagrament f’ħajjitkom kollha.
U l-aħħar ħaġa, għandna l-kandidatura, din id-darba mhux fit-Testment il-Ġdid, imma fl’Antik Testment: Isaija. U hawnhekk jien għidt għandna qiesu d-dimensjoni universali tal-kandidatura. Fil-kandidatura m’aħniex se nagħtu biċċa minn ħajjitna, jekk il-Bambin irid tkomplu l-quddiem, fil-kandidatura m’aħniex se nillimitaw ruħna b’xejn; hija għotja totali li trid tixbah lil dik ta’ Kristu. Araw Isaija kif jispjegahilna b’mod sabih: “Il-Mulej mill-ġuf sejjaħli, għamilni qaddej tiegħu” (Is 49, 5). Lanqas tah iċ-ċans li jibda jgħix il-ħajja tiegħu, “Mill-ġuf sejjaħli”. Intom qed twieġbu għal din is-sejħa fundamentali tal-ħajja tagħkom kollha. Mhux ħin se tagħtu, mhux ġranet, mhux snin imma “minn ġuf ommi sejjaħli”. Intom qegħdin twieġbu għal dak li l-Mulej sejħilkom għaliha. Imbagħad jgħid wara l-universalita tas-sejħa tagħkom: “jien nagħmel minnek dawl għall-ġnus biex is-salvazzjoni tiegħi sa’ truf l-art tasal”.
+Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta