Messaġġ mill-Kummissjoni Pastorali Persuni b’diżabilità fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-persuni b’Diżabilità.
Alla ħalaqna lkoll differenti imma fl-istess ħin aħna lkoll indaqs f’għajnejH għax hu ħalqana lkoll xbieha tiegħu. Għaldaqstant il-bniedem hu msejjaħ biex minkejja d-diversita, li tinkludi wkoll lill-persuni b’diżabilità, jistma lil kulħadd indaqs. Hu ta’ inkoraġġiment kbir li s-soċjeta Maltija temmen mhux biss fil-valur ta’ kull persuna imma qed tara li kull persuna b’diżabilità ma tkunx imċaħda minn opportunitajiet indaqs. Aktar ma noħolqu ambjent inklussiv, ambjent fejn il-persuna b’diżabilità u l-familjari tagħhom iħossuhom membri ndaqs tas-soċjeta, aktar nistgħu nindunaw kemm id-diversità hi xi ħaġa li tagħmel is-soċjeta tagħna aktar umana u aktar għanja.
Il-Knisja f’Malta nistgħu ngħidu li kienet minn ta’ l-ewwel biex tippromovi kultura ta’ rispett, valur u dinjità lejn il-persuni b’diżabilità fost is-soċjeta Maltija, b’mod speċjali bil-kontribut li Dun Mikiel Azzopardi ta f’dan il-qasam. Minkejja dan il-Knisja f’Malta għandha tkompli turi dan b’azzjonijiet konkreti biex ikun garantit li l-persuni b’diżabilità jingħataw opportunitjiet indaqs u sehem sħiħ fil-ħajja tas-soċjeta u tal-Knisja.
Irridu nagħmlu sejħa b’mod speċjali lill-komunitajiet parrokkjali biex jekk verament iridu li l-persuni b’diżabilità fi ħdanhom iħossuhom milqugħa bħala membri ndaqs għandhom ifittxu li jkunu jafuhom u jikkonsultaw magħhom dwar kif jistgħu jagħmlu dan dejjem aktar possibbli.
Hu ta’ sodisfazzjon li fi ħdan il-komunitajiet parrokkjali dan l-aħħar rajna żieda sostanzjali f’dik li hija aċċessibilita fiżika b’mod speċjali fil-knejjes parrokkjali. Sfortunatment iżda għad hawn diversi knejjes u bini ieħor li jintuża għall-formazzjoni nisranija li għadhom mhumiex aċċessibli għal kulħadd u b’aktar impenn jistgħu jsiru aċċessibli. In-nuqqas ta’ aċċessibiltà joħloq ostaklu kbir għall-participazzjoni ta’ numru tal-persuni b’diżabilità fl-attivitajiet tal-parroċċa u fis-sehem li huma jistgħu jagħtu fi ħdanha. Spiss ukoll dan jibgħat messaġġ li dawn il-persuni u l-familjari tagħhom mhumiex verament milqugħa f’dawn l-istess komunitajiet. Għalhekk inħeġġu lill-kappillani u lil dawk kollha responsabbli minn ċentri ta’ formazzjoni nisranija biex b’sens ta’ ġustizzja jassiguraw aċċessibilta fizika skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni’Diżabilità kif titlob il-ligi u l-gustizzja socjali. Il-parroċċa tibqa’ l-bieb għall-partecipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-knisja u għalhekk hija r-responsabilita tal-kappillan, il-kleru u l-mexxejja lajċi li jassiguraw li l-bieb hu dejjem miftuħ kemm fiżikament kif ukoll f’kull sens ieħor.
Nixtiequ nfaħħru wkoll l-isforzi li qed isiru fi ħdan il-komunitajiet insara tagħna biex il-persuni b’diżabilità mhux biss iħossuhom milqugħa izda wkoll jingħataw opportunijiat bħal ħaddiehor biex jagħtu s-sehem tagħhom b’diversi modi.
Inħeġġu wkoll lill-komunitajiet insara tagħna biex jipprovdu wkoll dawk is-servizzi meħtieġa biex jassistu persuni b’mod speċjali dawk li għandhom diżabilità sensorjali biex jippartiċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja tal-komunità. Fost dawn is-servizzi ta’ min isemmi s-servizz tal-interpretazzjoni tal-Lingwa tas-Sinjali meta jkun hemm talba għalih kif ukoll informazzjoni miktuba b’tipa kbira, jew irrekordjata fuq CD jew magħmula b’format faċli biex taqra għall-persuni b’diżabilita li jkollhom bżonn dan it-tip ta’ servizz bħal ma huma persuni nieqsa mid-dawl, persuni b’diżabilita intellettwali u persuni li ma jafux jaqraw.
Inħeggu l-komunitajiet parrokkjali biex joħolqu aktar sensibilizazzjoni fost il-parruċċani fir-rigward tal-persuni b’diżabilità biex ikunu eliminati kull preġudizzji u l-persuna b’diżabilità tkun dejjem stmata bid-dinjita li jistħoqilha. Il-parroċċa għandha tkun ukoll aktar sensibbli u qrib tal-familjari tal-persuni b’diżabilità billi toffrilhom dak is-sapport li jeħtieġu mal-mixja tal-ħajja.
J’Alla l-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilita u l-attivitajiet u l-inizzjattivi li jiġu organizzati favur il-persuni b’diżabilità jkunu ta’ ispirazzjoni għall-komunitajiet insara tagħna biex inkunu dejjem aktar knisja inklussiva.