Ħuti,

Din is-sena aħna ġbarna l-esperjenza tal-ewwel Knisja taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu f’dawn it-tlett siltiet: “Id-dixxipli mtlew bil-ferħ u bl-Ispirtu s-Santu” (At 8,4); “bdew ixandru l-Kelma tal-Bxara t-Tajba kull fejn marru” (At 13,52) u b’hekk “il-Kelma t’Alla baqgħet tixtered ma’ l-art kollha” (At 13,40).

Dan il-vġili jrid iħejjina għal dik il-ġrajja li permezz tagħha twieldet il-Knisja: Għid il-Ħamsin. Ġesu’ kien diġa’ ħejja lill-appostli u lid-dixxipli tiegħu għal tlett snin billi għex magħhom u għallimhom. Kienu diġa’ jafu il-Vanġelu, il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesu’.

Fil-Jum ta’ Għid il-Ħamsin id-dixxipli kienu magħluqin flimkien, imbeżżgħin mill-kultura ta’ madwarhom; għaddew għaxart ijiem mit-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej f’silenzju, iżda fit-talb, bil-memorja ta’ Kristu mejjet fuq is-Salib li dehret disfatta, iżda ma kenitx għaliex rawh li qam mill-mewt. Kien għad jonqoshom biss il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex il-Bxara t-Tajba ta’ Ġesu’ tkun iktar qawwija fihom, mir-realta’ iebsa ta’ madwarhom. L-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq kull wieħed dawlilhom il-mod kif iħarsu lejn id-dinja, u ħeġġiġhom biex jaqsmuha man-nies ta’ madwarhom l-esperjenza tagħhom. L-esperjenza personali ta’ Ġesu’, issa saret iktar qawwija mir-realta’ ta’ madwarhom li kienet tbeżżagħhom.

Din is-sena ukoll tista’ tkun sena speċjali għalina, l-Knisja f’Malta, wara l-esperjenza u r-riżultat tar-Referendum fuq id-Divorjzju. Inħoss li lil Alla nistgħu ngħidulu li ppruvajna nagħmlu mill-aħjar, skont il-missjoni tagħna bħala Knisja li nħallu li ż-żwieġ u l-familja tagħna f’Malta ma jkunux immarkati bid-divorzju. U jiena nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha, xi wħud b’ħafna sagrifiċċji, li taw is-sehem tagħhom biex dan jitwettaq.

Iżda sibna ruħna b’realta’ differenti fis-soċjeta’ tagħna: bi żwieġ u familja immarkati wkoll bid-divorzju, iżda wkoll quddiem kultura, għallinqas dik li tidher fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali ħafna drabi ukoll aggressiva. Indunajna li issa n-nisrani li għamel għażla profonda għal Kristu, ma jistax jgħixha b’mod komdu u mitluq, iżda jrid jissielet ġewwa fih, fil-familja tiegħu, u madwaru biex jgħixha skont il-Kelma tal-Vanġelu. Fil-laqgħat li kelli ma’ diversi realtajiet tal-Knisja f’dawn is-snin, għidtilkom dan kemm il-darba. Issa wasal il-jum li aħna nħarsu lejn din ir-realta’ aktar fit-talb lill-Ispirtu s-Santu u bi ftuh lejn il-qawwa tiegħu.

F’dan il-mument irridu nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ineħħi minna kull diżappunt jew rabja u jimliena bil-qawwa tiegħu. Jiena nixtieq inħalli quddiem il-Knisja u quddiem l-aħwa kollha l-isfida kbira li darba kien għamel Ġesu’ b’dawn il-kliem: “Mela, agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (Mt 22,21). Il-komunita’ nisranija trid tingħaraf mix-xewqa kbira li tkun hi, f’isem il-poplu għażiż tagħna, li tagħti lil Alla dak li hu tiegħu: li tgħix skont it-tagħlim tiegħu, li xxerred il-kelma tiegħu. Jiena nixtieq noffri lil kull membru tal-Knisja Kattolika din l-isfida qaddisa: “Inti lest li tagħti lil Alla dak li hu tiegħu f’soċjeta’ li hija sekulari?” It-tweġiba trid tkun is-sinjal tan-nisrani.

Huwa minn din l-għażla personali li mbagħad joħroġ l-impenn tan-nisrani fis-soċjeta: li dak li jemmen fih u li ħadu mill-Mulej, isir impenn biex is-soċjeta’ kollha tkun immarkata b’dawn il-valuri tal-Vanġelu.

Kull grupp jew moviment, meta jkun irid jiġġedded, dejjem jirrakonta l-ġrajjiet tat-twaqqif u l-ewwel żminijiet tiegħu, b’mod speċjali meta jħoss, aktar mis-soltu, li għandu bżonn il-qawwa biex jiġġedded. Anki aħna l-insara, il-Komunita’ tal-Knisja Kattolika f’Malta, trid terġa’ tiftakar x’kienet il-Knisja fil-bidu, biex tieħu d-direzzjoni tajba ħalli tinbena skont ix-xewqa ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Dejjem jiġri, u ġara kemm il-darba fl-istorja tal-Knisja, li matul iż-żmien, forsi jidħlu nuqqas ta’ ħeġġa, jew ta’ telqa, jew aljenazzjonijiet.

Jiena qiegħed inħalli lil San Pawl, fl-ittra tiegħu lir-Rumani li qrajna illum biex jgħinna, bħalma għen lill-insara ta’ żmienu, nagħarfu xinhi verament il-viżjoni u s-sejħa tan-nisrani u tal-Knisja anki llum:

  • “il-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed u jokrob bħal waħda fl-uġigħ tal-ħlas”: ir-riflessjoni tan-nisrani fuq ir-realta’ kollha ta’ madwaru ma tistax tibda mill-kultura ta’ llum, u tingħalaq fiha, iżda mill-pjan ta’ Alla għall-ħolqien li nsibuh fil-Kelma ta’ Alla u lejn xhiex miexi l-ħolqien, li hija fl-eternita’ f’dinja ġdida;
  • “u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nnifisna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied Alla, il-fidwa ta’ ġisimna”: jinsab fhiex jinsab illum, in-nisrani jrid ikun f’mixja spiritwali: jixtieq li d-dnub tiegħu jinbidel fi grazzja bil-maħfra; u jixtieq li hu jinbidel bil-grazzja tal-Mulej, biex jiskopri dejjem iktar l-imħabba tal-Missier fih, bħala bin jew bint adottiv ta’ Alla;
  • “Għax aħna wkoll salvati bit-tama… Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qegħdin nistennewh bis-sabar”: It-tama tan-nisrani ma tingħalaqx fil-realta’ materjali ta’ din il-ħajja, iżda tinfetah għax-xewqa tal-eternita’, tal-ħajja fid-Dehra ta’ Alla;
  • “Dak li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu, kif bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla… Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, igħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu x’għandna nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem”: L-ewwel Komunita’ imtliet bl-Ispirtu għaliex infetħet bit-talb biex tilqa’ l-Ispirtu.

Ħuti: Ġesu’, fil-Vanġelu i għadna kemm qrajna, qalilna: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7,37-39).  Din hija l-istedina li għamel Ġesu lid-dixxipli tiegħu elfejn sena ilu. Din hija l-istedina li qed jagħmililna l-Mulej illum, lilna il-Knisja f’Malta.

Ħuti, f’dan il-mument, inħeġġiġkom biex nitolbu iktar lill-Ispirtu ħalli jiġi fina u fostna. Mal-appostli jitolbu u jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, kien hemm ukoll Marija, omm Ġesu’. Aħna nitolbu ukoll lilha li nemmnu li hi magħna f’din il-Vġili, li tqawwi t-talb tagħna f’din l-istennija tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu fostna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]