Knisja Parrokkjali ta’ Santa Luċija

28 ta’ April 2012

Ħuti,

Kif għidna fil-bidu, dawn iż-żewġ seminaristi qegħdin issa qrib it-triq li, bl-għajnuna ta’ Alla l-Imbierek, twassalhom għas-saċerdozju ministerjali, jew kif sirna ngħidulu wkoll, għall-Presbiterat. Illum huma se jiġu istitwiti fil-ministeru tal-Lettorat jiġifieri s-servizz tal-kelma, imbagħad jiġu istitwiti fil-ministeru tal-akkolitat jiġifieri s-serviżż tal-altar, u wara jidħlu f’dak li hu s-sagrament shih ta’ min ikun se jiġi ordnat presbiteru, billi jircievu d-djakonat, imbagħad jiġu ordnati presbiteri fil-Knisja.

Il-mistoqsija li nagħmlu llum hija: imma għaliex din l-importanza daqshekk kbira li nagħtu lis-servizz  tal-kelma?  It-tweġiba hija spiritwali għaliex il-qawwa li llum se tingħata fil-ministeru, fis-servizz tal-kelma, mhijiex kelma kwalunke imma hija kelma t’Alla li tinqara fil-liturġija mqaddsa u li lilna lkoll iddaħħalna fil-misteru tal-istorja tas-salvazzjoni. Huwa permezz ta’ din il-kelma t’Alla li tinqara li aħna nħossuna parti minn dan il-pjan sħih tas-salvazzjoni  li Alla l-Imbierek ħejja għall-poplu tiegħu.

Meta naraw il-kelma t’Alla, qiesu hemm tliet fażijiet kif din il-kelma issa ġiet pprezentata lilna.  Ħa nispjegawhom.

L-Ewwel Fażi

L-ewwel fażi tinsab fl-ewwel kapitli tal-Ġenesi.  Alla kien jippassiġġa fil-ġnien flimkien ma’ Adam u Eva u jitkellmu.  Ma kienx hemm bżonn ta’ kelma miktuba għaliex Alla l-Imbierek seta’ jikkomunika wiċċ imb wiċċ magħhom.  X’ġara fit-tielet kapitlu tal-Ġenesi? Daħal id-dnub u minħabba d-dnub huma stħaw u staħbew.  U tafu x’jiġri meta nistaħba ghax nistħi: ma nibqax inħares fil-għajnejn ta’ dik il-persuna li nkun qiegħed nistħi minnha. U hekk ġara. Adam u Eva stħaw iħarsu lejn Alla l-Imbierek u allura l-kelma tiegħu ma setgħetx tidħol direttament ġo dik li hija r-realta tal-bniedem.  Alla, wara dan l-ewwel stadju kellu jsib mod ieħor kif jikkomunika maghna.

It-Tieni Fażi

It-tieni fażi kienet dik il-fażi meta Alla l-Imbierek kien jagħżel il-persuni, kien jagħtihom l-grazzji tiegħu u jagħmilhom profeti jew patrijarki u permezz tagħhom huwa kien jagħti l-kelma lil poplu kollu.  Kienu bnedmin li kien jippurifikahom biex il-kelma tiegħu, kif toħroġ minn fommu, tingħata mal-ewwel lin-nies kif suppost kellha tingħata.  Din hi l-fażi tal-profezija.  Il-profezija hija l-kanal nadif li permez tiegħu Alla jinqeda bil-fomm ta’ xi bniedem biex iwassal il-kelma tiegħu. U din hija l-istorja tal-Antik Testment.  F’xi mumenti, Alla l-Imbierek talab ukoll biex xi wħud mill-profeziji jiġu miktubin biex ma jibqgħux iservu biss għall-popolazzjoni li tkun għexithom fi żmien, imma jservu wkoll għall-ġenerazzjonijiet li jiġu wara. U din hija t-tieni fażi. Hija l-Antik Testment kollu kemm hu: Alla l-Imbierek bil-profeti, bil-patrijarki tiegħu iwassal lil-poplu biex isir jafu aktar mill-qrib.

It-Tielet Fażi

It-tielet fażi li nistgħu ngħidu hi l-fażi li qed ngħixu fiha aħna, hija l-fażi meta din id-darba mhux il-kelma t’Alla daħlet fid-dinja imma l-istess Iben t’Alla daħal fid-dinja bħala l-Kelma biex kull għemil li kien qed jagħmel hu fih innifsu sar profezija, kelma li kapaċi tgħallimna. Huwa dan li qegħdin ngħixu llum. Aħna m’aħniex nies ta’ ktieb, imma aħna nies tal-Kelma għaliex dak li hemm miktub u li aħna naqrawh fil-Vanġeli gie miktub għaliex dawk li kitbuh raw dak li kien qed jiġri, emmnu f’dak li kien qed jiġri,  ġew imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu biex jiktbu dak li Sidna Ġesu Kristu għamel fi żmienu.  U din hija t-tielet fażi li aħna qegħdin ngħixu. Aħna qed ngħixu fil-fażi ta’ meta l-Iben t’Alla sar bniedem. Hu l-Kelma t’Alla min dejjem u għal dejjem, sar bniedem bħala, Il-Kelma t’Alla nkarnata.  Dak kollu li għamel meta kien fostna, sar Kelma t’Alla; messaġġ għalina, ghax Hu nnifsu hu l-Kelma t’Alla.  Din hija l-fażi li fiha qegħdin ngħixu aħna.

Dawn iż-żewġ seminaristi llum se jingħataw il-ministeru tal-lettorat, il-qadi fil-Kelma t’Alla. Din il-Kelma hi magħmula għalina biex aħna nkunu nistgħu nsalvaw permezz tagħha. Huma se jipproklamawha fil-Liturġija.

Ejjew niftakru xi smajna fit-tlett lezzjonijiet tal-lum għax kull waħda jista’ jkollha tagħlima.  Fil-Vanġelu tal-lum rajna lil Sidna Ġesu Kristu jgħid li hu r-Ragħaj it-tajjeb. Tiftakru x’qal iktar Sidna Ġesu Kristu?  Għaliex jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10, 14). Mingħajr il-kelma ta’ Sidna Ġesu Kristu, kif se nkunu nistgħu nagħrfu r-ragħaj tagħna? Kieku Ġesu ma qalilniex tant affarijiet sbieħ fuqu innifsu, fuq il-Missier, kif stajna nkunu nafu u nagħrfu li hu verament ir-Ragħaj tagħna?  Imma għaliex tana l-kelma tiegħu, dik l-istess Kelma li tgħaddi bejn il-Missier u l-Iben, u u li aħna smajna fil-Vanġelu tal-lum,  din il-kelma saret l-għarfien ta’ min hu verament ir-Ragħaj tagħna, Sidna Ġesu Kristu.

Fl-ewwel lezzjoni tal-lum, meħuda mill-Atti tal-Appostli, aħna rajna kelma oħra li hija importanti.  Huwa f’Sidna Ġesu Kristu li kollox jinsab.  L-Appostli fejqu ’l xi ħadd, in-nies bdew, kwazi kważi jadurawhom għax ħasbu li din is-saħħa ġejja minnhom, u huma mill-ewwel  jgħidulhom: din is-saħħa mhijiex ġejja minna, din ġejja mis-saħħa ta’ Sidna Ġesu Kristu li hu waħdu għandu s-setgħa (ara Atti 4, 9-10). Allura meta tinqara l-kelma t’Alla, waħda mill-affarijiet li huma sbieh, hi li aħna ma nagħtux l-idea li dik il-kelma hija tagħna; inqas ma nidhru aħna f’dik il-kelma, iktar ma nagħtuha qawwa li mhux ġejja minna imma ġejja minn Sidna Ġesu Kristu, iktar inkunu qed ngħinu lil aħwa nsara biex jifhmu li dik mhijiex il-kelma ta’ min qed jaqra imma hija l-kelma ta’ Alla l-Imbierek li qed tinqeda bil-fomm ta’ min qiegħed jaqra.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum għandna kelma li qalilna S. Ġwann.  U S. Ġwann meta jkun qiegħed jikteb din l-ewwel ittra tiegħu, jgħid:  “aħna wlied Alla u tassew aħna”. Imma mbagħad jgħidilna kelma oħra: “x’għad inkunu ’l quddiem mhuwiex magħruf  lilna. Dak irid jiġi rrivelat lilna meta aħna nkunu quddiemu wiċċ imb’wiċċ” (ara 1Ġw 3, 2).  Xi jrid jgħidilna?  Li l-kelma li aħna naqraw, mhijiex l-aħħar kelma; il-kelma li aħna naqraw meta nkunu, jekk il-Bambin irid, quddiemu fis-saltna t’Alla, dik il-kelma tinbidel u ssir verament il-kelma tal-verità assoluta li aħna f’din id-dinja ma stajniex naraw imma fl-eternità nistgħu naraw.  Il-kelma li nagħmlu hawnhekk għandha kelma oħra warajha li għandna bżonn nidħlu fl’eternita biex aħna nkunu nistgħu nifhmuha.  Dan hu l-ministeru li llum qegħdin jiġu ppreparati għalih dawn iż-żewġ seminaristi biex jiġu istitwiti fil-ministeru tal-Lettorat.

Biex nagħlaq, ngħid għaliex għandhom bzonn il-grazzja ta’ dan il-ministeru tal-Lettorat  U jien naħseb hekk se nsemmi tlett afarijiet biex anke aħna nibqgħu niftakruhom.  X’inhuma dawk l-affarijiet li jridu joħorġu kull darba li aħna nisimgħu, jew nlissnu l-kelma t’Alla?

L-ewwelnett meta nlissnu l-kelma t’Alla, irridu nagħtu rispett lejn l-imħabba kbira ta’ Alla l-Missier li minna ħarġet il-kelma t’Alla.  Trid tinħass. Min jgħidha u min jismagħha irid iħoss li jkollu rispett għal dik il-kelma sabiha ta’ mħabba.

It-tieni ħaġa għaliex min ikun qiegħed jaqra ma jkunx qiegħed jaqra xi ħaġa kwalunkwe, bħalma naqraw xi fairy tale, xi storja, xi novella, imma jkun qiegħed jirrepeti dak li ġara eluf ta’ snin ilu, u allura qed jagħtina ċ-ċans li nerġgħu ngħixu dak ir-rakkont li aħna nkunu qegħdin nisimgħu fuqu. Irid ikollna rispett lejn dak ir-rakkont li ġara eluf ta’ snin ilu imma li l-grazzja tiegħu qed inħossuha llum.

L-aħħar ħaġa u nagħlaq biha.  Meta aħna nkunu qed nisimgħu u naqraw aħna rridu nħossu u nirrispettaw l-udjenza li hemm quddiemna. din il-kelma  ngħatat biex kulħadd ikun jista’ jismagħħa. Min jaqraha għandu r-responsabbiltà li jwassalha sewwa. Kif tista taqra l-kelma t’Alla mingħajr ħeġġa? Kif tista’ taqra l-kelma t’Alla b’nofs qalb meta inti taf li mqar kelma waħda minn dak li qed taqra tista tbiddel  ħajja ta’ persuna li qed tismagħha?

Mela, rispett enormi, preparazzjoni enormi ħalli dik il-kelma tmur verament l-ewwel ġol-widna imma mbagħad tibqa’ niezla ġol-qalb u ġol- moħħ ta’ dawk il-persuni li qed jisimgħu dik il-kelma. Għas-servizz ta’ din il-Kelma se jiġu stitwiti llum dawn iż-żewġ seminaristi biex iwasslu l-kelma ta’ Alla l-Imbierek.

+ Mons. Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta