3 ta’ Lulju 2011

Ħuti,

Aħna qegħdin miġburin bħala komunita nisranija biex nassistu għal wieħed mis-sagramenti li, permezz tagħhom, Alla l-Imbierek jagħti l-grazzji tiegħu.

Illum il-Knisja, permezz tiegħi se tagħti l-Orni Sagri tal-presbiterat il dawn it-tnax il-djaknu. U meta aħna qed nitkellmu fuq l-għoti ta’ dan is-sagrament, irridu nikkonsidraw anke żewġ affarijiet differenti.

L-ewwelnett hija l-qawwa li tiġi permezz ta’ dan is-Sagramnent. U dik il-qawwa hija dejjem u f’kull żmien kif Alla l-Imbierek, permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu, istitwixxa dawn il-grazzji li jingħataw lilna. Dawn il-grazzji li Alla l-Imbierek qiegħed jagħtina dejjem – u din hija għaliex aħna għandna l-Ordni Sagri – il-grazzji li jagħtina l-Mulej permezz tas-sagrament dejjem jingħataw lilna permezz ta’ ħaddieħor.  Fil-provvidenza tiegħu Alla l-Imbierek ried li jkun hemm medjazzjoni ta’ persuni oħrajn biex aħna nkunu nistgħu nirċievu dan is-sagrament.

Per ezempju għadna l-maħfra li nirċievu mingħand ħaddieħor, fil-magħmudija u fis-sagramenti l-oħrajn kollha hemm dejjem il-medjazzjoni ta’ persuni oħrajn.   Allura dawn l-aħwa li aħna se nordnawhom illum għandhom il-grazzja li flimkien magħna, aħna lkoll nirċievu din il-grazzja permezz ta’ ħaddieħor.  Imma llum Alla l-Imbierek se jdaħħalhom f’dak l-Ordni li huwa poġġa fil-Knisja li permezz tagħhom dawn il-grazzji jingħataw lill-membri tal-poplu nisrani.  Huma se jkunu dawn li jirċievu llum l-Ordni li huma se jirċievu permezz tal-medjazzjoni ta’ l-Isqof li huwa deputat biex ikun jista’ jagħti l-Ordni tal-Presbiterat.

It-tieni ħaġa importanti hi li meta Alla l-imbierek jagħti l-grazzji tiegħu ma jagħtihomx permezz tal-kelma ġewwa vakwum imma l-grazzji li hu jagħti lill-persuni, jagħtihom fi żmien determinat, fi spazju determinat, f’ċirkostanzi determinati, biex bil-grazzja tal-presbiterat li huwa jagħtihom, huma jkunu jistgħu jeżerċitawha fiż-żmien u f’post determinat.

Illum nistgħu ngħidu li dawn li se jiġu ordnati presbiteri, se jirċievu fil-kuntest tal-Knisja tal-lum, f’dan iż-żmien li qed ngħixu fih, dan l-Ordni tal-Presbiterat. Tafu, ħuti, li aħna qegħdin fi żmien fejn il-Knisja qiegħda tinsisti ħafna fuq l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida.  Allura anke l-presbiteri li llum se jiġu ordnati, bħalma aħna lkoll flimkien, irridu nirċievu din il-grazzja fid-dawl ta’ l-Evanġeliżżażżjoni li l-Knisja llum qiegħda tistedinna, tħeġġiġna għaliha.

Forsi nistgħu nispjegawha f’kelma waħda, li l-Evaġelizzazzjoni il-ġdida li l-Knisja qed issejjaħ lil dawn il-presbiteri biex ikunu iktar missjunarji – issa nispjega – milli amministraturi tal-grazzji li l-Knisja se tafdalhom f’idejhom. X’jiġifieri? Kif nifhimha jien tfisser li fl’eżerċizzju tal-ministeru tagħhom jrid ikollhom f’qalbhom il-persuni li lilhom se jaghtuhom il-grazzji – għalhekk huma missjunarji – ħalli l-konċentrazzjoni tal-grazzja li huma deputati li jgħaddu, jgħixu għal dawk li jkun hemm quddiemhom bil-qawa tal-kelma li tkun tista’ tbiddilhom għal din l-Evanġelizzazzjoni l-ġdida.  Qed nitkellem f’dak li ġara fil-bidu tal-Knisja.

Kienu providenzjali l-lezzjonijiet tal-lum li m’għazilnihomx aħna, imma kienu ta’ dan il-Ħadd,  fejn għandna zewġ riflessjonijiet.

L-ewwel: ma tistax tkun missjunarju jekk ma jkollokx lil Ġesu ġewwa fik kif kienu l-appostli bl-esperjenza tal-Mulej Ġesu

It-tieni:  ma tistax tkun missjunarju, jiġifieri appostlu, jekk ma jkollokx l-Ispirtu li tħallih jaħdem ġewwa fik.

Ejjew niftakru ftit xi smajna f’dawn iż-żewġ lezzjonijiet tal-lum. Nibdew mill-Vanġelu (Mt 11, 25-30) li Sidna Ġesu Kristu ta dan il-programm lill-appostli li kienu madwaru u għal programm tagħna lkoll. Kemm se nsemmihom wara xulxin.

Sidna Ġesu Kristu qal: “Ħadd ma jagħra lill-Iben ħlief il-Missier u ħadd ma jagħraf lill-Missier ħlief l-Iben, u u dak li lilu jrid jgħarrafhulu”  Dak li qed jgħidilna Sidna Ġesu Kristu hu li ma tistax inti tkun taf dak li għallem il-Mulej Ġesu jekk ma jkollokx relazzjoni profonda fit-talb ma’ Alla l-Missier għax minnu ġej kollox u ma tistax tkun taf min hu Alla l-Missier jekk mhux billi tibni relazzjoni ma’ Sidna Ġesu Kristu fil-kuntest tal-ħajja u l-Vanġelu li hemm illum.  Dan huwa l-ewwel dawl li Sidna Ġesu Kristu qed jagħti lilna.

Sidna Ġesu Kristu jgħidilna wkoll fil-Vanġelu tal-lum: “Jien ta’ qalb ħelwa u umli” u allura l-kelma evanġelizzazzjoni ma tistax tagħtiha jekk mhux f’dak ix-xebħ li tibni mal-Mulej Ġesu. Għalhekk jien ngħid li t-tieni ħaġa li qiegħed jgħid lilna lkoll presbiteri li m’hemmx mod ieħor kif tagħti l-kelma jekk mhux għax spiritwalment tħalli l-Mulej jaħdem ġewwa fik – ftakru f’dawk it-tlett snin tal-appostli kemm il-darba ħadem fihom – biex ma tħallix l-ebda suppervja tidħol ġewwa fik imma tħalli biss l-umilta tal-pożizzjoni tiegħek li tak il-Mulej u l-ħlewwa li għamel il-Mulej Ġesu biex min ikun ġej għandek ma jiltaqgħux miegħek biss imma permezz tiegħek jiltaqgħu ma’ din il-figura ta’ Sidna Ġesu Kristu.

Jgħidilna Ġesu li dawn il-misteri kbar:  “ħbejthom minn min hu għaref u lil mnin jifhem u għarrafthom lil min hu ċkejken,” li din hi xi ħaġa li għalina l-presbiteri hija ta’ importanza ħafna jiġifieri li fil-ħajja tagħna irridu nżommu attitudni ta’ sempliċita quddiem Alla l-Imbierek li hija sempliċita l-ewwelnett quddiemu, sempliċita quddiem is-superjuri tagħna – jien għandi l-Papa – sempliċita quddiem il-Poplu t’Alla ħalli tisimgħu, sempliċita li tfisser li inti tkun miftuh għal dak kollu li l-Mulej ikun jista’ jagħtik jekk tibqa’ f’dak li qal Hu fiċ-ċokon tas-sempliċita.

Imbagħad Sidna Ġesu Kristu li kien jaf – qal għad-dixxipli tiegħu imma anke għall-appostli – li biex timxi wara l-Mulej Ġesu hemm ukoll toqol. Jgħidilna dan il-kliem u dan il-kliem irridu nżommuh ħajjitna kollha: “Ejjew għandi intom li tinsabu mtaqqlin u jien inserraħkom”. Allura l-Mulej qiegħed jgħidilna anke lilna l-presbiteri: fil-mument meta aħna nkunu mtaqqlin bit-toqol tal-ministeru tagħna, faċli jekk nisimgħu mid-dinja tipprova tfittex aljenazzjonijiet biex tinsa imma Ġesu qed jgħidilna: mhux aljenazzjoni biex tinsa imma li trid tiltaqa’ mal-Mulej Ġesu, tafda f’idejh il-ministeru tiegħek ħalli hu stess ikun jista’ it-toqol tiegħek iġorru flimkien miegħek ħalli jkun toqol f’idejn il-Mulej Ġesu li huwa sabih.

It-tieni don li Sidna Ġesu Kristu tahom lill-appostli tiegħu kien id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu. U allura fit-tieni lezzjoni tal-lum mill-Ittra ta’ S. Pawl lir-Rumani  (8, 9.11-13), għandna daqsxejn ta’ dwal fuq l-Ispirtu li llum se tirċievu bħala presbiteri u li dan l-Ispirtu jrid jibqa’ ħaj.

S. Pawl f’din l-Ittrra lir-Rumani jgħid: “Intom ma tgħixux fil-ġisem izda skont l-Ispirtu”.  Ejjew niftakru li anke dawn il-presbiteri mhux illum l-ewwel darba li se jirċievu l-Ispirtu. Bħalna lkoll, diġa rċevewh fil-Magħmudija u fil-Konfirmazzjoni. Illum l-Ispirtu se jingħata għall-missjoni speċifika tal-presbiterat li huma se jaqdu. Imma ma jistax jinfired mill-ħajja Kristjana, nisranija, li intom irċevejtu fil-Magħmudija. Fuqha tridu tibnu ħalli aħna nkunu presbiteri b’identita’ qawwija nisranija li mbagħad neżerċitaw fil-missjoni tagħna.

S. Pawl jgħid: “Jekk m’għandniex l-Ispirtu, dan mhuwiex tiegħi”.  Hu jgħid hawnhekk  li l-ministeru tagħna jrid jiġi b’qawwa ta’ l-Ispirtu li jġgħalna li minn ġo fina ikun jista’ jidher Sidna Ġesu Kristu.  Aħna bnedmin imma jekk inħallu lill-aħwa li nagħtuhom il-grazzja jieqfu ġewwa fina u mhux permezz tagħna, allura fit-trasparenza ta’ l-imħabba tagħna ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu permezz tagħna; aħna mhux bilfors inkunu qed ngħixu dawk il-grazzji li ġew fdati f’idejna bħala grazzji li l-persuna tersaq lejn Sidna Ġesu Kristu.

L-aħħar ħaġa li qed jgħidilna S. Pawl u llum noffruha wkoll lil dawn l-aħwa u lilna presbiteri lkoll:  “Aħna midjunin mhux mal-ġisem iżda ma’ l-Ispirtu”. U jekk inti tkun midjun ma’ l-Ispirtu, il-ħajja tiegħek trid tkun għotja sħiha. Jaf x’qed jgħid S. Pawl.  Jekk aħna nħossuna medjunin lejn il-ġisem tagħna allura faċli nista’ nintelaq, faċli nista’ nfittex ħajja komda, faċli nista’ nagħtik biċċa mhux totalita.  Imma jekk aħna nkunu midjunin fl’Ispirtu li hu l-Ispirtu ta’ Ġesu m’hemm xejn li jista’ jkun barra mill-għotja tiegħu għaliex dak kien il-kliem li qalilna l-Mulej Ġesu.

Din hija l-mixja spiritwali li rridu nagħmlu aħna lkoll b’mod speċjali bħala presbiteri biex verament dak li l-Mulej irid minna, jiġifieri il-medjazzjoni viżibbli tal-grazzja anke permezz tal-grazzji li jidhru fis-sagramenti, tkun maqgħquda mal-medjazzjoni spiritwali tagħna.

Għalhekk jien dan li nixtieqilkom, għeżież djakni li se ssiru presbiteri. Għożżu din il-kelma li takom, li ma kienetx tiegħi; għozzu din il-kelma li takom il-Mulej illum. Ħalluha tkun dik li tmexxikom kull jum ta’ ħajjitkom fil-ministeru lejn il-poplu ta’ Alla l-Imbierek.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta