KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
8 ta’ Settembru 2011
Ħuti,
Aħna bħala poplu Malti qegħdin niċċelebraw dawk il-mumenti fl-istorja tagħna meta Malta ħelset minn żewġ Assedji: dak fl-1565 u dak fl-1943. Kull mument fih importanza fih innifsu fl-istorja tal-persuna jew tal-pajjiż.
Aħna llum qegħdin hawnhekk proprju biex napprezzaw dawn il-mumenti fl-istorja tagħna li kienu bidu ta’ sensiela li sawret l-istorja tagħna. Din għandha tkun l-ispirtu li bih bħala poplu Malti aħna qegħdin niċċelebraw dan il-Jum tal-Vitorja.
Iżda aħna qegħdin hawnhekk illum ukoll biex, għal min jemmen, jagħraf ukoll li hemm l-intervent Divin fl-istorja tagħna. Dawk li kienu fiż-żewġ Assedji ħassew ħafna il-preżenza tal-Madonna għaliex huma emmnu u nterpretaw li bħala nsara ma kellhomx jifirdu l-ġrajjiet umani li kienu għaddejjin minnhom mit-twemmin f’Alla li jinteressa ruħu fil-bniedem. U għalhekk, minħabba li min jaf kemm talbu waqt it-taqbida għall-għajnuna ta’ Sidtna Marija, ma setgħux ukoll ma jgħaqqdux it-tmiem tal-Assedji mal-Jum Liturġiku li ġraw fih: It-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija. Huma ma setgħux ma jagħtux ukoll interpretazzjoni spiritwali tal-Jum li fih saru il-Vitorji: it-8 ta’ Settembru tal-1565, u t-t-8 ta’ Settembru, 1943: it-Twelid ta’ Sidtna Marija. U hawnhekk qegħdin niċċelebraw ukoll il-Vitorja fid-dawl ta’ dik il-fidi li kellhom dawk li għexuha, u li tathom il-kuraġġ biex jirreżistu l-Assedju.
Il-Festa tat-Twelid ta’ Sidtna Marija
Illum qegħdin niċċelebraw dak il-mument li fih twieldet Sidtna Marija li minnha twieled Sidna Ġesu’ Kristu. Il-Fidi tagħna ħafna drabi nitkellmu fuqha fuq bażi ta’ problemi eżistenzjali, iżda ma tibdix minn hemm. Għal min jemmen, il-viżjoni tiegħu lejn id-dinja ta’ madwaru trid tibda minn twemmin f’dan il-misteru fundamentali: li Alla daħal fl-istorja tagħna fil-persuna ta’ Sidna Ġesu’ Kristu, biex jimla lid-dinja bil-għerf ta’ Alla: “Għal dawk li huma msejħin… Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-Għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Ala hija aqwa mill-bnedmin” (I Kor 1,24.25). Għal San Pawl din il-Kelma kienet kollox. Għan-nisrani din il-kelma trid tiftħu għat-tiftix ta’ dak li hu verament Alla u t-tagħlim tiegħu fi Kristu. Jekk ma jagħmilx dan, hu jista’ jdur biss lejn l-għerf tal-bnedmin li huwa ħafna drabi marbut mar-realta’ limitata tal-mument. Mhemmx it-tielet triq.
Niżżu ħajr ‘l Alla li hemm diversi valuri fejn it-tagħlim ta’ Ġesu’ u l-valuri sekulari li naraw madwarna jikkumplimentaw lil xulxin: id-drittijiet umani, l-ekoloġija u tant ħwejjeġ oħra. Iżda xi drabi ma nistgħux naslu għall-istess konklużjonijiet li tkun waslet għalihom is-soċjeta’ li nkunu ngħixu fihom. Mhux biss il-konklużjonijiet huma differenti, iżda l-punt tat-tluq huwa differenti għan-nisrani jew għal persuna oħra li ma temmminx. Il-konklużjonijiet ikunu differenti meta joħorġu minn dwal differenti. Għalhekk il-konklużjonijiet iridu f’xi affarijiet, ikunu differenti.
It-Twelid ta’ Sidtna Marija
Għan-nisrani it-twelid ta’ Sidtna Marija ifisser tlett affarijiet f’konnessjoni mal-eternita’:
L-eternita’ li minnha toħroġ il-ħajja u li fiha tkompli l-ħajja wara l-mewt.
Il-fatt li Alla daħal fid-dinja permezz ta’ Marija: Alla jsebbah id-dinja permezz tal-bnedmin. nki l- Il-Kelma ta’ Ġesu’ hija ta’ valur etern għaliex hija l-Kelma ta’ Alla allavolja ngħadet fiż-żmien għaliex Hu sar bniedem.
Fil-ħajja tan-nisrani
In-nisrani għandu viżjoni tal-bniedem li hija magħquda mal-eternita’. Il-bniedem ħareġ mill-eternita’ ta’ Alla u huwa maħsub għall-eternita’. Allura kull mument tal-ħajja tal-bniedem, ta’ kull bniedem, huwa miżrugħ u jrid jikber f’din l-eternita’. Kull mument tal-ħajja tal-bniedem għandha proprju dan il-valur. Kif jista’ Alla l-Ħallieq iħalli mument – fil-bidu jew fl-aħħar tal-ħajja tiegħu – li mhux immarkat minn dan il-valur etern, hekk li l-bniedem jista’ jiddisponi minnu? Għalhekk in-nisrani fil-waqt li jkun qiegħed jaċċetta l-abort (u li jitqiegħed fil-periklu permezz tal-iffriżar tal-embrijuni) jew l-ewtanasja, jjkun qiegħed jidħol f’kuntradizzjoni mal-att tal-Ħallieq. Imaġina li l-umanita’ ta’ Ġesu’ ma kellhiex din il-kontinwita’ mit-tnissil sal-mewt! Nifhem li mhux kulħadd jifhem dan, iżda għan-nisrani hija verita’ li ma jistax ibiddel.
Din il-kontinwita’ tal-preżenza tad-dinjita’ eterna ma tistax tkun soġġetta għal ebda kunsiderazzjoni oħra fuq il-persuna umana. Kull nuqqas ta’ rispett lejn bniedem, hu min hu, hija nuqqas ta’ rispett lejn il-Ħallieq. Il-missjoni ta’ Kristu kienet proprju biex jagħti d-dinjita’ lil dawk li hu diffiċli li tingħatalhom: il-fqar, il-lebbrużi, dawk li jbatu bil-preġudizzji tan-nies fuqhom.
Alla wettaq il-pjan Alla tiegħu fuq il-bnedmin permezz tal’Iva’ ta’ Sidtna Marija. Bl-istess mod, Alla jħaddem il-pjan tiegħu fuq l-umanita’ permezz tal-bnedmin stess. u r-rieda tajba tagħhom. Id-dinjita’ tal-persuna trid tingħex fil-kuntest tal-possibbilta’ li wieħed jagħti s-sehem tiegħu u jagħti minnu nnifsu ħalli ħaddieħor jikseb id-dinjita’ tiegħu.
Huwa importanti li ebda ġenerazzjoni ma titlef ir-rwol tagħha f’din il-kuntest ta’ kontinwita’ anki mal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan jgħodd kemm fis-sehem ekoloġiku, kif ukoll fis-sens uman, soċjali u finanzjarju. Smajt wieħed sinjur franċiż fuq ir-Radju jgħid li mhux sew li nħallu l-ġenerazzjonijiet futuri jħallsu l-ħela tagħna. Is-soċjeta’ għandha din il-missjoni li teduka lill-bnedmin f’dan il-kuntest u din il-missjoni. U l-Knisja għandha sehem x’tagħti lis-soċjeta’ meta dan kollu tinkwadrah fil-Fidi. Irridu naraw ftit kif l-edukazzjoni trid twassal għal hemm, u kif il-familji jkunu mezzi ta’ trasmissjoni ta’ dawn il-valuri. Inkella nintrebħu mill-individwaliżmu li żgur ma jwassalx għal umanita’ aħjar.
Ma jistax ikun li Alla tana t-tagħlim tiegħu permezz ta’ Ġesu’ magħluq biss fil-kuntest tal-umanita’ tiegħu. Il-kuntest tat-tagħlim ta’ Ġesu’ hu li dan irid iwassal lill-bniedem ukoll biex imiss ir-realta’ tal-pjan ta’ Alla li trid twasslu għall-eternita’ : “Tassew ngħidilkom li se ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox” (Mt 5,18). F’dan il-kuntest ma jistax ikun hemm relativiżmu morali jew etiku għax dan iwassal biss għall-individwaliżmu fil-ħajja soċjali, ekonomika u globali. Donnu anki id-dinja tal-punent qiegħda bil-mod il-mod tinduna b’dan in-nuqqas. Is-solidarjeta’ fl-umanita’ li jitlob minnha l-insara l-Vanġelu jagħmilna f’pożizzjoni tajba biex negħlbu l-individwaliżmu bla rażan, li ebda soċjeta’ denja tal-bniedem ma tista’ tinbena fuqha. Jalla kull wieħed minna jieħu din il-missjoni b’impenn sħiħ.
Konklużjoni
Ħuti, qiegħed ngħid dan mhux biex nonqos lil min għandu veduta differenti minn dik tal-Knisja, imma biex nifhmu u ma nistagħġbux b’xulxin meta naslu għal konklużjonijiet differenti.
Is-sejħa tiegħi llum hija li nibdew nifhmu l-kontribut tan-nisrani lis-soċjeta’, mhux mill-problemi eżistenzjali biss, iżda mill-esperjenza spiritwali tiegħu. Din tlaqqgħu mal-valur veru tal-ħajja li hija tkomplija fl-eternita’, mal- ħajja ta’ hawnhekk li hija bbażata fuq l-element antropoloġiku tal-bniedem fid-dinjita’ eterna tiegħu, li allura titlob impenn, u fit-tkomplija tal-pjan ta’ Alla li dak li jaf Hu tahulna għall-ġid tagħna.
Fil-każi tal-Assedji dan kollu għadda mill-esperjenza tal-fidi f’ Sidtna Marija. Anki fi żmienna iċ-ċelebrazzjoni ma tistax tkun data biss, iżda interpretazzjoni tar-realta’ kollha li qegħdin ngħixu fiha f’dan id-dawl tal-Vanġelu. Jalla l-fidi tal-insara fil-Kelma tal-Mulej tgħinna biex naħdmu lkoll ħa jkollna dinja u pajjiżna aħjar.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta