Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Membri tal-Familja tal-Perit Mintoff,

Il-gazzetti u l-mezzi l-oħra ta’ informazzjoni ta’ nhar it-Tlieta kienu mimlijin bl-istess aħbar. Miet il-Perit Duminku Mintoff. U ġustament taw din l-importanza lil din l-aħbar, għaliex hu, għal iktar minn ħamsin sena, kien protagonist ewlieni tal-ħajja soċjali u politika f’Malta. Min jaf kemm għad irid jinkiteb iktar fuq il-ħajja u l-kisbiet tiegħu.

Biss, aħna l-Insara nagħmlu waqfa fi Knisja biex nidħlu f’dimensjoni oħra tal-ħajja umana. Aħna nidħlu f’dimensjoni iktar wiesgħa ta’ eternità.

Aħna nemmnu li Alla ħalaq kull bniedem xbieha tiegħu, jiġifieri b’wirt ta’ eternità, u dan huwa l-mument – meta l-ħajja fuq din l-art tispiċċa – li jiġi għandna dan il-wirt. Din ir-relazzjoni hija intimament magħquda mal-persuna, u ħadd ma jista’ jiġġudikaha ħlief Alla biss. Għalhekk il-Knisja tgħid li hi ġiet imwaqqfa biex issalva: huwa Alla li jiġġudika. Nieqfu fi Knisja biex ma ngħaddux minn post tal-mewt għal post ta’ dfin, iżda fit-triq niltaqgħu ma’ dak li hu l-ħajja fih innifsu: Sidna Ġesù Kristu.

Fil-Knisja aħna qegħdin niltaqgħu l-ewwel ma’ Kristu Rxoxt. Aħna nemmnu li Sidna Ġesù Kristu għadda mill-mewt, fil-każ tiegħu tas-Salib – bħalma għadda issa ħuna il-Perit Mintoff mill-mewt – biex bil-passaġġ divin tiegħu jagħmel li l-ħajja tagħna wkoll tkun passaġġ: minn ħajja li tintemm fit-trab, għal ħajja li tibqa’ għal dejjem quddiem il-Mulej.

U niġu fil-Knisja biex nibdew relazzjoni ġdida ma’ dawk li marru qabilna: relazzjoni li tgħaddi mit-talb permezz ta’ Ġesù. Aħna naraw lill-ġisem imut, iżda nemmnu li hemm l-ispirtu – dik ix-xrara ta’ mħabba li Alla qiegħed f’kull wieħed u waħda minna li tibqa’ ħajja għand Alla l-Imbierek fl-eternità.

Biss, għan-Nisrani, dawn iż-żewġ realtajiet jiltaqgħu flimkien. Fl-aħħar mill-aħħar hemm l-eternità tistenniena, u aħna rridu naħdmu għaliha. Iżda l-bini ta’ dinja aħjar, meta jkun għall-ġid tal-bnedmin ukoll, ikun ġieħ li aħna nkunu qed nagħtu lil dak li ħalaq id-dinja u taha lill-bniedem biex jiżviluppaha għall-ġid tiegħu.

Fil-Vanġelu tal-lum intgħażlet silta minn San Mattew li tixbaħ dik tal-Beatitudnijiet. F’din is-silta, Ġesù kien qiegħed fuq għolja mdawwar min-nies u beda jippritkalhom. Fosthom semma tmien Barkiet, kif smajna fil-Vanġelu. Huma kollha attitudnijiet li rridu ngħixuhom fuq din l-art u li Ġesù jgħaqqadhom mal-kisba tas-Saltna tas-Smewwiet. Jiena hawnhekk xtaqt insemmi waħda biss minn dawn l-attitudnijiiet Insara li forsi l-iktar li tispikka fil-ħajja tal-Perit Mintoff. Din hija l-ħniena lejn il-fqar u l-ħaddiema. Il-ħniena hija l-virtù li biha wieħed jagħraf id-differenza bejnu u bejn persuna oħra li qiegħda tbati, u ma tħallix l-affarijiet kif inhuma iżda tipprova taħdem, skont il-pożizzjoni tagħha, ħalli tnaqqas dan il-bogħod bejn min għandu bżonn l-għajnuna u min fil-pożizzjoni tiegħu kapaċi jagħmel kundizzjonijiet aħjar lil min ikun qiegħed ibati.

L-Omelija ta’ Funeral qatt m’għandha tkun  eloġju ta’ persuna, għaliex issa dik il-ħajja u l-istorja tagħha qegħdin f’idejn il-Mulej: hu li jiġġudikaha… Hemm postijiet oħra fejn jixraq isiru eloġji.

Biss, nistgħu nsemmu sinjali li wieħed jista’ jieħu tagħlima Nisranija minnhom. Jien nixteq insemmi tnejn li huma marbutin mal-ħajja tiegħu. L-interpretazzjoni tal-kmand ta’ Ġesù li nħobbu lill-proxxmu tagħna, l-aktar lill-fqar, huwa għaqqdu mal-ħajja politika tiegħu u għalkemm mhux kulħadd jista’ jaqbel mal-metodi tiegħu, ilkoll nistgħu ngħidu li din il-liġi ta’ Ġesù għaqqadha mal-pjan politiku tiegħu: biex iġib kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema u lill-fqar. Dan jgħaqqad ħafna ma’ dik il-Barka li semmejna u li tgħid: “Ħenjin dawk li jħennu għaliex huma jsibu ħniena.”

It-tieni sinjal huwa l-imħabba tiegħu lejn art twelidu. Din kienet ġagħlitu biex f’taħditiet ma’ pajjiżi ħafna ikbar minn tagħna, huwa jiġġieled għall-aħjar trattativi għall-ġid ta’ pajjiżna. Hija virtù li tħobb lil pajjiżek, mhux bħala xi ħaġa kontra xi ħadd, iżda bħala mħabba għall-ġid taċ-ċittadini ta’ ġensek. U l-Perit Mintoff tkellem ma’ pajjiżi ħafna ikbar minna biex nakkwistaw l-aħjar kundizzjonijiet. Dawn huma l-virtujiet l-iktar li spikkaw fil-ħajja tiegħu u li nemmnu li huma wkoll virtujiet quddiem Alla.

Wasal il-mument li aħna ninfirdu anki mill-ġisem tiegħu. Iżda aħna l-Insara nemmnu li aħna ma nkunux qegħdin inroddu l-ġisem ta’ wieħed mgħammed f’idejn il-qabar, iżda f’idejn Alla l-Missier li ħalaqna, u mexa magħna f’ħajjitna.

Waqt li nagħti l-għomor b’mod speċjali  lill-familjari tiegħu, u l-iktar lil uliedu, nixtieq li nagħlaq billi għidu flimkien dik it-talba li aħna l-Insara ngħidu f’dan il-mument: Agħtih Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem u d-dawl ta’ dejjem jgħaddi lilu, ħalli jistrieħ fis-sliem. Ammen.


+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta