Kappella ta’ Kristu Re, Mrieħel

25/06/11

Ħuti,

Snin ilu kont Pirjol, u niftakar li konna bdejna Ladies’ Circle u kien hemm xi ħadd u qalli:  “Isma’ għaliex ma nibdewx ukoll grupp tar-romol?”  Għaliex ovvjament f’kull ċirkostanza tal-ħajja l-iktar persuna li tista’ tifhmek hija l-persuna li tgħaddi mill-istess esperjenza.  U din il-persuna qaltli:  “Jekk inlaqqgħu dawn ir-romol ikunu t’appoġġ għal xulxin. Meta jmut xi ħadd, aħna nkunu nistgħu nifhmu u naqsmu magħhom dak li jkunu għaddejjin minnu”.

Jiena niftakar li meta ġejna għall-ewwel quddiesa, jien bdejt ngħid:  “Imma x’se ngħidilhom eżatt f’din il-quddiesa?”  U ħsibt li nippreżenta lil Madonna bħala armla li għandha tkun il-mudell tagħna.  Bħala omm u bħala mara miżżewġa kont ipprietkajt fuq Sidtna Marija, imma qatt ma ġieni f’moħħi li l-Madonna tant hija don kbir li anke fir-realta ta’ min ikun romol il-Madonna tista’ tkun dawl.

Aħna m’għandna xejn miktub kif Sidtna Marija għexet it-telfa ta’ Ġużeppi.  Nafu li għexitha għaliex meta Ġesu kellu tnax il-sena jissemma’ Ġużeppi meta Ġesu ntilef fit-tempju; ta’ tletin sena meta jitkompla r-rakkont tal-ħajja tiegħu, ma jissemmiex aktar Ġużeppi.  Jiġifieri bejn it-tnax u t-tletin sena ta’ Sidna Ġesu Kristu il-Madonna tilfet lil Ġużeppi u Ġesu tilef lil missieru u n-nanniet.

Għalhekk irrid naqsam magħkom il-mod kif jidher li Sidtna Marija għexet il-mewt ta’ Binha, li hija telfa kbira għaliex min jitlef lil ibnu jew bintu, għall-ġenituri hija telfa iebsa ħafna. U naraw ftit xi dwal li aħna għandna kif Sidtna Marija għexet din it-telfa u naraw jistax ikun ta’ dawl għalina kif ngħixu dan l-avveniment li huwa ta’ tbatija.

L-ewwel ħsieb: aħna nafu fuq it-tfulija ta’ Sidna Ġesu Kristu mhux għax kien hemm xi appostli li kienu miegħu meta kien għadu żgħir imma għaliex il-Madonna rrakkuntat lil dawk l-ewwel insara l-esperjenza tagħha u l-ħajja tagħha mal-Mulej Ġesu. Sidtna Marija kienet tara dawk il-memorji sbieh li kellha ma’ Binha Ġesu, tiftakar fihom u meta tkun f’atmosfera tajba, terġa tirrepetihom.  U dan naħseb kien mument importanti.  It-telfa hija qawwija imma tajjeb li ma nħalluhiex ittellifna milli niftakru f’dawk il-memorji sbieh li kellna mal-persuna li tlifna u nerġgħu ngħixuhom.  Għax dawk huma doni.   Meta wieħed għandu l-grazzja li jħares lura u jara episodji sbieh, jagħraf li dawk huma doni li jiena għext ma’ dik il-persuna li jiena nkun tlift f’dak il-mument.  Mela l-ewwel mod li tgħallimna l-Madonna: ejjew il-memorji tagħna ma nħalluhomx imutu.  Ejjew ma nħallux il-memorji tagħna ma jibqgħux jikkunslawna, jiġifieri l-mument tal-mewt m’għandniex ningħalqu ġewwa fih imma l-ħajja tal-persuna li kienet magħna hija don sħih, kull mument li aħna għexna ma’ din il-persuna.

It-tieni ħaġa li aħna naraw f’Sidna Ġesu Kristu fuq il-Madonna. Tiftakru meta Sidtna Marija fil-bidunett ta’ meta ġie l-Anġlu Gabrijel?  Hu qalilha, ħa ngħidha kif inħossha:  “Marija, tagħtini l-permess  biex, permezz tiegħek jitwieled l-Iben t’Alla ħalli jkun jista’ jsalva l-bnedmin?”  U l-Madonna qaltlu lil Gabrijel: “Jiena l-qaddejja tal-Mulej” u aċċettat din is-sejħa.  Imma din kienet biss parti mis-sejħa; kellha sejħa oħra.  Ftit wara, Sidtna Marija ma’ S. Ġużepp, marret fit-tempju u hemmhekk kien hemm wieħed jismu Xmun li, imnebbah mill-Ispirtu, lil Madonna qalilha dan il-kliem li lkoll nafuh għax inġibuh fil-kuntest tad-Duluri: “Sejf għad jinfidlek qalbek”.  U minn dakinhar il-Madonna kellha t-tieni sejħa tagħha.  X’kienet?  “Jiena, Marija nixtieqek taċċetta s-sejħa li meta Ibni jkun qiegħed ibati, inti tkun qiegħda ħdejh”.  U din kienet it-tieni sejħa ta’ Marija.  Ma tistagħġbux li f’Ħamis ix-Xirka Marija ma tidhirx, u ħdejn is-salib il-Madonna tidher?   Il-Madonna għamlet ħajjitha mhux għax trid lil Binha jbati – ma tarax, mhux bħal kull omm – imma nemmen fix-xewqa kbira li kienet titlob: “Mulej agħmel li meta Ibni jkun qiegħed ibati, jiena nkun qiegħda ħdejh”.  U  l-Mulej tahilha din ix-xewqa u fuq is-salib Ġesu jħares u hemmhekk jara lil Madonna, lil Ommu biex tikkunslah. Min jaf x’konsolazzjoni enormi!

Ejjew quddiem Alla l-Imbierek ngħidulu: “Mulej grazzi li tajtni ċ-ċans li ntaffi t-tbatijiet ta’ dik il-persuna li marret qabli”. Naħseb li meta nkun ħdejn xi persuna qed tbati, l-persuna donna takkwista s-saħħa, minkejja li int ħdejn dik il-persuna ma tistax tagħmel li tixtieq biex tneħħi t-tbatijiet kollha.  Imma li ttaffi t-tbatijiet hija memorja sabiha.

It-tielet ħaġa li għamlet Sidtna Marija hi li emmnet fil-kliem li kien qal Sidna Ġesu Kristu li l-mewt mhijiex l-aħħar kelma. Il-Madonna emmnet li wara l-mewt l-aħħar kelma hija l-eternita li aħna għandna biex inkunu nistgħu ngawdu lil Alla għal dejjem. U għaliex nafu ħuti?  Daqsxejn ta’ ħsieb sabih.  Għaliex aħna nafu li l-Madonna emmnet li Ġesu qam mill-mewt?  Għaliex il-Ħadd fil-għodu, l-oħrajn marru biex jiltaqgħu mal-ġisem mejjet tal-Mulej, marru jidilku l-ġisem skont id-drawwiet ta’ dak iż-żmien.  Il-Madonna dakinhar fil-għodu ma marritx u għaliex ma marritx?  Għaliex nemmen li hi kienet diġa taf li Ġesu qam.  Diġa bdiet relazzjoni ġdida ma’ Binha li issa qam, mhux iktar is-salib, imma Ġesu li rxoxta.

Ħuti, ejjew inħallu l-fidi tagħna tgħinna, ejjew nemmnu li l-aħħar kelma hi li hemm qawmien u nibdew relazzjoni ġdida. U allura il-Madonna x’għamlet?  Tiftakru fil-Vanġelu tal-lum?  Marret fil-komunita nisranija fejn hemmhekk kienu jitkellmu u l-Madonna bdiet tgħixha magħhom din it-telfa ta’ Binha Ġesu fid-dawl li hija mbagħad ukoll bdiet timxi t-triq flimkien mal komunita.  Aħna wkoll fl-aħħar mill-aħħar imsejħin biex xi darba, bil grazzja tal-Mulej, inkunu għandu u nerġgħu ningħaqdu lkoll flimkien.

Ħuti, dan hu li xtaqt naqsam magħkom.  Ikun hemm anke mumenti ta’ luttu. Ejjew ngħixuhom b’modi ta’ psikoloġija, ta’ solidarjeta bejnietna; dawk kollha huma importanti.   Imma forsi illum aħna ġejna hawnhekk biex aħna ma nħallux għaddejja l-parti spiritwali tal-fidi tagħna li anke f’dan il-mument tista’ tkun ta’ qawwa kbira biex ngħixu din it-tbatija.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta