TALB U SOLIDARJETA’
Bħala Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex irridu ningħaqdu ma’ bosta persuni, familji u mexxejja reliġjużi u ċivili fid-dinja kollha u f’pajjiżna biex pubblikament nuru l-preokkupazzjoni tagħna għas-sitwazzjoni gravi kif żvolġiet f’xi pajjiżi Għarab.
Nifhmu li skont ir-raġuni u skont it-tagħlim soċjali tal-Knisja, ma jistax ikollok paċi u progress mingħajr ġustizzja.
Għalhekk inħeġġu lill-Insara Maltin biex inressqu t-talb tagħna lill-Mulej, Missier tajjeb ta’ kulħadd, biex jagħti l-għerf meħtieġ lil kull min hu b’xi mod responsabbli, ħalli tieqaf kull xorta ta’ vjolenza u nġustizzja biex isaltnu l-vera paċi u sliem.
Nirrikmandaw li:
- Fil-quddies kollu, sakemm is-sitwazzjoni titjieb, tiżdied invokazzjoni għal dan il-għan;
- L-Adorazzjoni Ewkaristika li ssir matul din il-ġimgħa, issir b’din l-intenzjoni;
- Bħala poplu ta’ Alla, kif dejjem għamilna, inkunu lesti noffru s-solidarjeta` konkreta kif inkunu mitluba, lil dawn ħutna fil-bżonn.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
+ Annetto Depasquale
Vigarju Ġenerali