Aħna, l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, flimkien ma’ tant nies f’pajjiżna li jemmnu fil‑valur u d‑dinjità tal‑ħajja lilhinn mit‑twemmin li jħaddnu, irridu nesprimu t‑tħassib tagħna għall‑Protest Ġudizzjali li tressaq fil‑Qrati tagħna mill‑Fondazzjoni għad‑Drittijiet tal‑Mara, biex f’pajjiżna tiġi legalizzata l‑pillola morning‑after.
Napprezzaw li qabilna diġà esprimew dan it‑tħassib Għaqdiet u Organizzazzjonijiet u tant u tant oħrajn li fostna għadhom jemmnu li d‑dinjità tal‑ħajja umana għandha tkun imħarsa u rispettata sa mill‑konċepiment.
Nagħmluha ċara li aħna napprezzaw il‑ħidma favur id‑drittijiet tal‑mara fis‑soċjetà tagħna biex ikunu rispettati u promossi bla heda r‑rwol u d‑dinjità tal‑mara. Fl‑istess waqt, aħna favur id‑drittijiet tal‑persuna fil‑ġuf li għalkemm ma għandhiex qawwa ssemma’ leħinha, id‑dritt tagħha għal ħajja għandu jiġi mħares bil‑qawwa kollha. Għalhekk, aħna naffermaw b’saħħa li l‑legalizzazzjoni ta’ din il‑pillola, li hija f’ħafna każi abortiva, m’għandhiex tkun kwistjoni marbuta mad‑drittijiet tal‑mara jew sempliċement mas‑saħħa riproduttiva tagħha.
Fejn hemm bidu ta’ ħajja umana ġdida, hemm kwistjonijiet ferm iktar serji u delikati li jekk ninjorawhom inkunu biss qed nimminaw l‑iktar valuri sagri li s‑soċjetà u l‑konvivenza bejnietna jagħmluhom iktar denji tal‑bniedem.
Hu s‑sens qawwi ta’ umanità u l‑fermezza li neħtieġu biex nibqgħu nipproteġu fil‑kultura tagħna bħala poplu l‑valur u d‑dinjità ta’ kull ħajja umana sa mill‑konċepiment li għandhom jgħaqqduna flimkien quddiem kwistjoni bħal din.
Il‑kwistjoni għalina tibqa’ l‑fibra morali tas‑soċjetà tagħna: mingħajrha nkunu nżarmaw mhux biss dak li rċevejna, imma anke nispiċċaw m’għandna xejn x’ngħaddu lil ta’ warajna.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario Grech
Arċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex