Għadna kemm għaddejna mir-Referendum Konsultattiv dwar id-dħul tad-Divorzju f’pajjiżna. Aħna qed nippubblikaw din in-nota qabel ma sirna nafu r-riżultat tar-referendum. Xtaqna li din ir-riflessjoni tagħna tkun indipendenti mir-riżultat. Din id-darba, dan ir-riżultat tar-Referendum mhux il-għan li rridu nilħqu, iżda l-punt ta’ tluq ta’ sforz kbir u nvestiment tal-Knisja u tal-pajjiż tagħna favur iż-żwieġ u l-familja.
Dak li għaddejna minnu f’dawn il-ġimgħat kien mument fil-proċess demokratiku, li fih rajna ġustament idejat differenti fuq dak li wieħed jaħseb li hu l-aħjar għall-familja f’pajjiżna. Dawn l-idejat ġew espressi minn gruppi differenti u minn persuni differenti, inkluż is-sehem tal-Knisja, u mbagħad ġew espressi fil-vot ħieles ta’ kull wieħed u waħda.
Lil dawk kollha li ħadu sehem attiv fuq iż-żewġ naħat, nixtiequ nuruhom is-sogħba tagħna jekk xi ħadd ħassu mweġġgħa b’xi kelma jew azzjoni mill-membri tal-Knisja, kif ukoll naċċertaw lil kulħadd li aħna naħfru bla kundizzjoni lil dawk kollha li ħassejnihom li weġġgħuna. Kull wieħed u waħda minna rridu issa naraw, anki fuq bażi personali, fejn konna għajn ta’ tbatija għall-oħrajn.
Aħna jidhrilna li f’dawn il-ġranet ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni għal dak li lkoll konna qegħdin ngħidu: li hemm bżonn li lkoll flimkien ninvestu iktar fiż-żwieġ u l-familja għaliex ilkoll naqblu li dan ifisser l-aħjar ambjent għall-ġid tal-koppja fiha nfisha, tat-tfal, u fl-aħħar mill-aħħar, tas-soċjeta’ kollha. Irridu nsarrfu dawn ix-xewqat sbieħ tagħna f’idejat, f’għemejjel konkreti li bihom ngħinu liż-żgħażagħ tagħna jidħlu għaż-żwieġ b’impenn ikbar, u nsostnuhom fil-mixja tagħhom fil-ħajja miżżewġa.
Il-Knisja dejjem tat is-sehem tagħha biex tagħmel dan għal dawk li jkunu jixtiequ jidħlu għaż-żwieġ bħala sagrament. Aħna nwegħdu li nagħmlu riflessjoni profonda biex naraw kif intejbu l-ħidma tagħna, biex il-familja nisranija tkun verament forza qawwija ta’ mħabba u stabilita’ fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjeta’ tagħna. Irridu nikkordinaw l-isforzi kollha tal-Knisja biex nakkumpanjaw lill-miżżewġin fil-missjoni sabiħa iżda tqila tagħhom.
Aħna nappellaw ukoll lis-soċjeta’ tagħna kollha, lil dawk kollha li kienu fuq naħat differenti tar-referendum, biex jipproponu u jgħinu jwettqu proposti konkreti kif dan jista’ jseħħ. Irridu naraw li l-ambjent tagħna, fl-aspetti kollha tiegħu, jgħin lill-miżżewġin u lill-familja: dan jgħodd anki għal dawk li jiżżewġu fil-Knisja għaliex iż-żgħażagħ kollha jiġu mill-istess ambjent. B’mod speċjali nħossu li huwa dmir tas-soċjeta’ li tgħin lil dawk li jiżżewġu biż-żwieġ ċivili fi tħejjija għar-risponsabbiltajiet tal-għażla tagħhom.
B’imħabba u rispett lejn kulħadd, aħna nwegħdu li bħala Knisja nagħtu s-sehem tagħna, u nitolbu biex dan iseħħ.
+ PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
+ ANNETTO DEPASQUALE
Isqof Titulari ta’ Aradi