Resqin lejn l-attivitajiet u ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa u kif għamlet fil-passat il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tixtieq tappella lil dawk il-knejjes u parroċċi kollha li jorganizzaw dawn l-attivitajiet sabiex waqt li jagħmlu dan, jagħtu xhieda ta’ kif in-Nisrani jħares lejn il-Ħolqien b’rispett lejn il-Ħallieq.
F’Ħadd il-Palm, l-użanza tant għażiża tat-tqassim tal-palm jew weraq taż-żebbuġ lill-fidili għandha tkun okkażjoni fejn niftakru fid-daħla trijonfali tal-Imgħallem f’Ġerusalemm. M’hemmx għalfejn nużaw ammonti esaġerati minn dawn il-pjanti.
Is-siġra taż-żebbuġ hija waħda indiġena għal dawn il-gżejjer u hija ta’ importanza ekoloġika u ekonomika. Tilħaq il-maturità tagħha biss wara diversi snin. Tipprovdina biż-żejt bnin tal-frott tagħha. Is-siġar fil-gżejjer tagħna jiffaċċjaw ħafna riskji ambjentali fosthom nuqqas ta’ ilma, żvilupp sfrenat, telf ta’ ħamrija, eċċ. Dawn l-attivitajiet tal-Ġimgħa Mqaddsa ma għandhomx iżidu ma’ dawn ir-riskji u impatti fuq dawn is-siġar. Anzi, tkun okkażjoni eċċellenti sabiex il-Knisja tfakkar ukoll fl-importanza ta’ dawn il-ħlejjaq fil-ħajja tagħna. It-tqaċċit ta’siġar sħaħ sabiex inżejnu l-vari tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandu jkun evitat għalkollox. Dan il-ħala ta’ pjanti mhux xhieda tajba tar-rispett li n-Nisrani għandu juri lejn il-ħolqien. Żgur li nistgħu nsibu mezzi aktar sostenibbli mit-tqaċċit ta’ siġar sħaħ għal dan l-iskop. Nistgħu nużaw ammonti iċken (li jkun riżultat ta’ żabra professjonali), jew ikun ħafna aħjar jekk nużaw siġar imħawlin fi qsari li jistgħu jintużaw minn sena għal oħra.
Jalla f’dawn il-ġranet għeżież, inkomplu nuru l-impenn tan-Nisrani lejn kull ħlejqa li ħalaq Alla biex il-Knisja tagħti xhieda tal-impenn tagħha lejn l-ambjent bl-eżempju.