• Insellem lill-poplu ta’ Alla fid-Djoċesi għażiża ta’ Malta, fil-bidu ta’ dan l-Avvent tal-2014. Huwa ta’ privileġġ għalija li bħala Amministratur Appostoliku ta’ Malta sakemm jinħatar Arċisqof ġdid, nindirizzakom fil-bidu ta’ dan iż-żmien importanti li jippreparana għall-festa kbira tal-Milied, it-twelid tal-Bambin Ġesù. Nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet li ġejjin minn qalbi, f’dan il-mument partikolari li għaddejjin minnu.

    L-ewwelnett, nixtieq mill-ġdid ningħaqad ma’ eluf minnkom li esprimejtu l-gratitudni tagħkom f’dawn l-aħħar jiem, għad-don kbir li Alla tana fil-persuna tal-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona O.P. Nhar il-Ħadd 23 ta’ Novembru, filgħaxija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, kelli l-opportunità li f’isimkom ilkoll nirringrazzja pubblikament lill-għażiż Arċisqof Emeritu tax-xhieda sabiħa li tana tal-ferħ tal-Evanġelju u tal-ħlewwa u l-umiltà li hemm fil-qalb ta’ Alla. Aħna nixtiequ li l-preżenza ta’ Monsinjur Cremona tibqa’ tinħass fostna bħala xhieda ta’ kemm it-tjubija taf tkun dawl fid-dlam ta’ din id-dinja.

    Diversi minnkom qaluli bl-għafsa ta’ qalb li jħossu kull meta jkun hemm każi ta’ dgħufija tagħna s-saċerdoti. L-għafsa ta’ qalb tagħhom hija l-għafsa ta’ qalb il-Knisja. Intom tafu tapprezzaw li aħna s-saċerdoti bnedmin tad-demm u l-laħam, li kultant nogħtru fil-pellegrinaġġ tagħna. Id-dnubiet tagħna jkunu dnubiet kbar meta jagħmlu ħsara lil ħaddieħor. Dnubietna joħolqu sofferenza kbira, jumiljaw lilna lkoll u jkunu wkoll okkażjonijiet ta’ tfixkil għal ħafna minnkom. Irrid nagħmlilkom il-qalb u fl-istess ħin nagħti kelma ta’ kuraġġ, mhux biss lil ħuti s-saċerdoti, imma lilkom ilkoll għeżież Insara, poplu ta’ Alla.

    Aħna impenjati li mhux biss niġġieldu l-fenomenu tal-abbuż sesswali tal-innoċenti, iżda wkoll li nevitaw sitwazzjonijiet simili. Għalhekk, biex inkomplu ntejbu l-inizjattiva tal-Knisja f’dan il-qasam, qegħdin inwasslu fi tmiemu proċess ta’ erba’ snin li matulhom irrevedejna l-proċeduri f’każijiet ta’ abbuż sesswali. Nixtieq inħabbar li qed titwaqqaf Kummissjoni għall-Ħarsien mill-Abbuż Sesswali (Safeguarding Commission), b’nies ġodda u proċeduri ġodda, fejn l-enfasi se tkun li aħna nibnu komunità u ambjent fejn ilkoll nagħmlu ħilitna biex ma jsirux abbużi, u jekk isiru, jiġu investigati u ġġudikati fl-iqsar żmien possibbli, skont il-liġi tal-Pajjiż u skont il-liġi tal-Knisja. Il-proċeduri ġodda jwettqu l-impenn tal-Knisja li toffri l-għajnuna psikoloġika u spiritwali li jkunu jeħtieġu l-vittmi. Għandi bżonn il-koperazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom biex fejn hemm l-abbuż, mhux biss jiġi rrappurtat u mwaqqaf, imma anke fejn hemm sitwazzjonijiet ta’ periklu, wieħed jitkellem dwarhom mill-ewwel biex jinstab rimedju.
     
    Bl-umiltà kollha nitlob maħfra għal dak kollu li seta’ weġġa’ lil uħud minn ħutna, u nimpenja ruħi li nagħti s-sehem tiegħi biex aħna l-Isqfijiet u s-Superjuri Reliġjużi fil-Gżejjer Maltin, nagħmlu ħilitna biex inħarsu l-merħla tagħna kif nistgħu u kemm nistgħu, kif inhu d-dover tagħna.

    Jiena ma nixtieqx nieqaf biss fuq mumenti ta’ swied il-qalb u ta’ dlam, għaliex fil-Milied naqsmu wkoll esperjenzi sbieħ bejnietna. Anke fid-dlam tax-xitwa, fejn il-lejl ikun itwal, nixegħlu l-bozoz tal-Milied biex idawlu l-ambjent ta’ madwarna. Bl-istess mod, għandna fidi f’Ġesù tarbija li huwa d-dawl tad-dinja, u li ġej fid-dlam biex ikun raġġ qawwi ta’ tama għal kull wieħed u waħda minna, speċjalment għal dawk li qed jgħixu żmien diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb.

    Kif nagħmlu kull sena, aħna nixegħlu s-siġra tal-Milied, nixegħlu d-dawl mal-bambini fit-toroq u fid-djar tagħna, biex niftakru li Ġesù Bambin huwa dawl li jisboq kull dlam. Fil-Milied aħna nersqu lejn Ġesù bħala d-Dawl tal-ħajja. Ejjew mela, matul dan l-Avvent, nersqu lejh fis-sagramenti – fil-qrar, fit-tqarbin, u fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Ejjew b’mod speċjali naraw lil Ġesù f’ħutna li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna, biex permezz tal-karità, Ġesù jkun dawl għalihom ukoll. Jien minn issa nirringrazzja lill-poplu Malti tal-ġenerożità li juri f’dawn iż-żminijiet qaddisa.

    Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Milied ma niċċelebrawhx waħedna, imma niċċelebrawh ukoll f’solidarjetà mal-oħrajn. L-isbaħ tiżjin li jista’ jkun hemm fit-toroq u fis-soċjetà tagħna huwa s-sens qawwi ta’ solidarjetà u kompassjoni li aħna nuru lejn il-proxxmu tagħna.

    Nieħu din l-okkażjoni biex nitlobkom it-talb tagħkom, hekk kif il-Knisja f’Malta qed tistenna li fix-xhur li ġejjin ikollha Arċisqof ġdid. Nimpenja ruħi f’dawn ix-xhur, li nkun magħkom u għalikom, bħalma wegħedtkom sentejn ilu meta sirt Isqof Awżiljarju ta’ Malta. Filwaqt li magħkom nirringrazzja ’l Alla għall-għajnuna li dejjem ħadt, u l-eżempju sabiħ li dejjem rajt fl-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, magħkom ukoll nitlob li jkollna ragħaj skont il-qalb ta’ Alla.

    F’dan l-Avvent, se niċċelebraw il-miġja tal-Mulej li ġej bħala Salvatur biex jeħlisna minn dnubietna. Ġej ukoll bħala Emmanuel, ‘Alla magħna’, ir-rigal ta’ Alla għalina li huwa preżenza ħajja fostna. Ejjew niċċelebraw il-Milied billi aħna wkoll inkunu preżenza sabiħa għal xulxin. Nitlobkom għalhekk biex f’dawn il-ġranet ma ninsewx lill-morda, lill-anzjani u lil dawk li għandhom bżonn il-preżenza u l-ħin tagħna bħala l-ikbar rigal. Nistidinkom tkunu l-preżenza ta’ Alla għal xulxin, li hija preżenza ta’ mħabba, ta’ maħfra, ta’ ħniena, u preżenza ta’ kompassjoni u solidarjetà. Mill-qalb nagħtikom il-Barka Pastorali tiegħi.
     
    Illum, 24 ta’ Novembru 2014, Tifkira Liturġika ta’ San Andrija Dung-Lac, Saċerdot u Sħabu, Martri tal-Vietnam (It-Tieni Anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali tiegħi).

     
     Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta