-
Messaġġ ta’ l-Arċisqof fl’okkazzjoni tal-Ħamsin Anniversarju mill-ftuħ tal-Knisja Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun u l-Ftuħ tas-Sena Soċjali
-
3 ta’ Ottubru 2013
Ħuti, bħalma għidna fil-bidu, u intom ilkoll tafu, f’din il-Knisja qegħdin niċċelebraw il-ħamsin sena tagħha. U f’dawn il-ħamsin sena minn jaf kemm kien hemm membri, parruċċani li taw is-sehem tagħhom ħalli din il-Knisja tibqa’ ħajja. Rridu ngħidu li, wara ħames snin, l-Isqof ta’ dak iż-żmien għamilha parroċċa. X’jiġifieri parroċċa? Parroċċa jiġifieri komunità nisranija li għandha territorju x’tevanġelizza. L-Isqof ta’ dak iż-żmien qal: ‘ħuduli ħsieb din l-parti ta’ Malta, u taħha din il-parti tal-Ħamrun biex tiġi evanġelizzata mill-komunità li tiltaqa’ hawnhekk.
Illum huwa l-bidu wkoll tas-sena soċjali, għalhekk tajjeb li nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni. Imma is-sena soċjali tagħna x’għandha x’taqsam ma’ dak li huwa l-pjan tas-salvazzjoni? Ħa nippruvaw nispjegawha. Wara d-dnub tal-bniedem (qed nitkellem fuq il-Ktieb tal-Ġenesi) il-bniedem staħa u staħba. Jekk staħa u staħba, Alla ma setax ikellmu direttament. Allura fiż-żmien x’kellu jagħmel il-Mulej, għax il-Mulej xorta ried li aħna nisimgħu l-kelma tiegħu? Sab bniedem wieħed jismu Abraham u permezz tiegħu għamel poplu. Abraham kien dak li sema’ l-kelma t’Alla u jżommha f’qalbu. Abraham kien dak li għażel il-Mulej biex il-kelma tiegħu tibqa’ tixtered tul iż-żminijiet kollha.
Imbagħad meta ġie Sidna Ġesu Kristu, żied ma’ dak li għamel Abraham meta qal lill-Appostli: “Morru fid-dinja kollha xandru l-bxara t-tajba lill-ħolqien kollu” (Mt 28, 19). Mela l-istorja tas-salvazzjoni qiegħda madwar dawn iż-żewġ affarijiet: l-ewwel li aħna nisimgħu l-Kelma u t-tieni li aħna nxerrdu l-Kelma. Dawn it-tnejn ma jinfirdux għaliex fil-magħmudija s-saċerdot jagħmlilna sinjal fuq widnejna biex aħna nisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmlilna sinjal fuq fommna biex aħna nxandru l-Kelma t’Alla. U hawnhekk tidħol allura s-sena soċjali. Hawnhekk tidħol l-istorja ta’ din il-komunità, ta’ din il-parroċċa fl-istorja totali tal-umanità.
Naħseb li jekk aħna nemmnu li l-affarijiet ma jsirux b’kumbinazzjoni, Alla l-Imbierek illum fiż-żewġ lezzjonijiet, tana dawl fuq kif għandha tkun din is-sena soċjali. Fl-ewwel lezzjoni mill-ktieb ta’ Neħemija (Neħ 8,1-4a,5-6,7-12), kien hemm il-qassis il-kbir li kien jismu Esdrali flimkien ma’ Neħemija sab il-Ktieb tal-Liġi, jiġifieri l-Ktieb mqaddes, il-Kelma t’Alla. X’għamel Esdra? Esdra ġabar in-nies kollha quddiemu, u mis-sebħ sa’ nofs inhar qagħad jaqralhom il-Kelma t’Alla mil-Kotba Mqaddsa. U dan il-poplu stagħġeb b’dak li sema’ fil-Kotba Mqaddsa.
Din hi l-ewwel tagħlima li rridu nieħdu. X’kien ifisser dan l-istagħġib tal-poplu t’Alla? Kien ifisser diversi affarijiet. Kien ifisser l-ewwelnett attenzjoni. Mela l-ewwelnett kien ifisser stagħġib quddiem il-Kelma t’Alla. It-tieni l-istagħġib kien ifisser rispett. In-nies kollha niżlu għarkubbtejhom, wiċċhom fl-art quddiem il-Kelma t’ Alla? Araw din il-Kelma t’Alla, li issa tinkludi wkoll it-testment il-Ġdid, kemm hija ta’ qawwa. Hija l-preżenza t’Alla fil-Kelma tiegħu! Kultant ma noqgħodux attenti. It-tielet kien hemm il-Leviti u l-Leviti marru fuq il-poplu t’Alla ilkoll jgħallmuhom biex ifissrulhom il-Kelma t’Alla. U fl-aħħar nett il-ferħ. Dan il-poplu kien kollu ferħan għax issa fehem il-Liġi tal-Mulej, il-Kotba Mqaddsa.
Mela dan huwa l-ewwel messaġġ li għandu l-Mulej għalina. F’din is-sena soċjali agħtu ħafna kas tal-Kelma tal-Mulej. Nibża’, ħuti, li aħna ċertu affarijiet oħra nagħmluhom u sewwa nagħmlu, imma nibża’ li meta niġu hawnhekk ma tantx nagħtu kas tal-Kelma t’Alla. Noħorġu, u kieku xi ħadd jistaqsina x’kien il-Vanġelu, ma niftakarx x’kien. X’differenza dawk li rajna aħna fi żmien Esdra, wiċċhom fl-art kuntenti għaliex kien hemm ċans li jifhmu aktar l-Kelma t’Alla. Ħa ngħid din: kemm hija diżappuntanti meta jkun hemm xi parroċċa tagħmel xi kors fuq il-Kelma t’Alla u jiġu l-ftit. Kif se nifhem il-Kelma t’Alla jekk ma nitgħallimx? Ara fi żmien Esdra kemm ferħu n-nies għaliex kien hemm il-Leviti qed jgħallmuhom il-Kelma t’Alla! Allura nixtieq li l-ewwel pass ta’ din is-sena soċjali ikun propju dwar l-importanza tal-Kelma t’Alla f’ħajjitna, u ninsistu fuqha.
Fil-Vanġelu (Lq 10, 1-12) rajna lil Sidna Ġesu li qed jibgħat lil dawn it-72. Fl-aħħar f’Pentekoste, bagħat lit-tnax l-appostlu, imma tant kellu ħerqa Sidna Ġesu Kristu biex imur kullimkien u biex iħejjulu t-triq, li hu qabel iż-żmien għażel 72 oħra biex imorru qablu. U dawn marru tnejn, tnejn imma marru. Hawnhekk naraw il-ħeġġa kbira li għandu l-Mulej li lilna li nemmnu, hu jkun jista jibgħatna biex inxandru l-Kelma tiegħu. M’hemmx għalfejn jibgħatna bħalma bagħat lil dawk. Tkunx f’ħanut u tgħid kelma tajba? Ikunx hemm ħabibek li qiegħed bogħod mill-Knisja u int kapaċi tgħidlu l-kelma? U allura t-tieni aspett importanti ħafna li nemmen li f’din is-sena soċjali huwa importanti li nagħtuh kas huwa: kif se nagħmlu biex dak li Ġesu qal lil dawk it-72 aħna nkunu nistgħu ngħixuh anke llum?
Ħalli nfakkarkom xi smajna fuq dawk it-72. Smajna l-ewwelnett dak li qalilhom Ġesu fuq il-providenza. Mar fl-estrem. Qallhom: ‘Tieħdu xejn magħkom, ħudu dak li jagħtukom’. Imma fiha nfisha il-Mulej qiegħed jgħidilna: il-providenza qiegħda dejjem magħkom, afdaw fil-providenza, qatt ma intom weħidkom għax hemm il-Mulej li qiegħed jimxi flimkien magħkom.
U qalilhom Ġesu x’iridu jagħmlu dawn it-72. Hu qalilhom tlett affarijiet. L-ewwel waħda: ‘itolbu għax m’hawnx biżżejjed ħaddiema għall-ħsad’, qalilhom. It-tieni, Il-Mulej qalilhom: ‘kull fejn tmorru ibagħtu s-sliem’. Kemm hi sabiha li kull membru tagħna kull fejn ikun, l-oħrajn iħossu s-sliem li ġie fosthom għaliex ikun hemm min qiegħed iħobbhom f’isem il-Mulej Ġesu. U t-tielet ħaġa li kien hemm fil-Vanġelu tal-lum, kienet li Sidna Ġesu qalilhom ukoll biex fejn isibu l-morda, huma jfejquhom. Jiġifieri qed jgħidilhom: jekk trid twassal il-kelma t’Alla ma tistax tħalli fil-ġenb ‘il dawk li huma morda u ‘l dawk li qegħdin ibatu. Dan se tkun s-sinjal li dawn ġejjin minn Sidna Ġesu Kristu.
Qabel nagħlaq nixtieq nerġa ntenni x-xewqa tiegħi. Jalla din is-sena l-affarijiet l-oħra jkomplu sejrin għax kollha tajbin. Imma j’Alla din is-sena hawnhekk f’din il-parroċċa jkun hemm attenzjoni speċjali għall-Kelma t’Alla u attenzjoni speċjali għal dawk li ma jiġux hawnhekk fil-knisja, biex aħna nressquhom lejn Ġesù. Hekk inkunu qegħdin inkomplu kemm is-silta ta’ Neħemija kemm ukoll dak li għamel Ġesu fil-Vanġelu tal-lum.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta