-
-
Is-Sibt 5 ta’ Settembru 2015, l-Arcisqof Charles J. Scicluna wassal messaġġ waqt Lejla Kommemorattiva f’Misraħ l-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta, fl-okkazjoni tal-450 anniversarju tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta.
Il-Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Inġbarna quddiem il-monument inawgurat minn missirijietna fl-1927, opra tal-arti qawwija u stupenda tal-iskultur Malti Antonio Sciortino (1879 – 1947).
Il-figura ċentrali tinkarna l-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-abitanti ta’ din il-gżira li jiddefendu lilhom infushom kontra minn ħebb għalihom biex jagħmilhom ilsiera. It-tarka tar-raġel b’saħħtu u bil-ħarsa tal-qilla, iżżewweġ l-emblema tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann ma’ dik ta’ Malta. Iż-żewġ figuri laterali huma allegoriji: inti u tħares fuq ix-xellug tiegħek tal-Fidi Kattolika, u fuq il-lemin tiegħek ta’ Minerva, jew Ateni, li tfisser l-għerf uman u r-raġuni. Antonio Sciortino ried ifisser li t-taqbida ħarxa li seħħet fuq l-Għolja Xiberras u mad-dawra tal-Port il-Kbir, tal-Birgu u tal-Port ta’ Marsamxett, 450 sena ilu, kienet taqbida biex fuq din il-gżira fiċ-ċentru tal-Mediterran insalvaw il-fidi u r-raġuni, il-qima ħielsa lejn Alla ħaj u veru, u ċ-Ċivilizzazzjoni Oċċidentali. Iż-żewġ allegoriji huma allegoriji tal-libertà, il-libertà li tqim lil Alla tiegħek u l-libertà li tikkoltiva l-ħsieb. Il-battalja tal-Assedju l-Kbir tal-1565 kienet għalhekk taqbida kontra l-oskurantiżmu – għadu tal-libertà.
Din it-taqbida hija attwali u neċessarja. Kemm huma ta’ għerf il-kliem li lissen l-Imperatur Manwel II Paleologos f’Ankara fl-1391 waqt Djalogu ma’ Teologu Persjan Mislem: “Alla ma jkunx kuntent bid-dmija – u meta ma naġixxux b’mod raġonevoli (σὺν λόγω) inkunu qed immorru kontra n-natura ta’ Alla. Il-fidi titwieled mir-ruħ, mhux mill-ġisem. Min irid iressaq lil xi ħadd għall-fidi, irid ikollu l-kapaċità li jitkellem u jirraġuna tajjeb, bla ebda vjolenza u theddid… Biex tikkonvinċi ruħ raġonevoli, m’hemmx bżonn ta’ id b’saħħitha jew xi xorta ta’ armi, jew xi metodi oħra li jheddu lil persuna bil-mewt…”[1]
Il-Papa Benedittu XVI, fid-diskors lill-Università ta’ Regensburg nhar it-12 ta’ Settembru 2006, offra l-kummentarju tiegħu għall-kliem tal-Imperatur Manwel: “F’dawn iż-żminijiet, qed niġu affaċċjati b’dilemma inevitabbli meta niġu biex nifhmu lil Alla u l-prattika konkreta tar-reliġjon. Il-konvinzjoni li azzjonijiet mhux raġonevoli jikkontradixxu n-natura ta’ Alla, hi biss idea Griega, jew hi dejjem intrinsikament vera? Nemmen li hawn nistgħu naraw l-armonija profonda bejn dak li hu Grieg fil-veru sens tal-kelma u kif il-Bibbja tfehimna l-fidi f’Alla”.[2]
Iż-żewġ personaġġi li Antonio Sciortino poġġa lateralment fil-monument li qegħdin quddiemu jesprimu dan il-bżonn radikali, li l-fidi Biblika u s-sens Grieg ta’ tfittxija jiltaqgħu u jitlaqqgħu. It-tgħanniqa fil-bronż bejn il-fidi u r-raġuni tesprimi wkoll l-idea fundamentali li l-fidi mingħajr raġuni u li r-raġuni mingħajr fidi, iwasslu għal estremiżmi intransiġenti u oskurantisti, għal faqar traġiku tal-esperjenza umana.
Kif qal tant tajjeb il-Papa Benedittu XVI: “Waqt li nifirħu bil-possibilitajiet ġodda għall-umanità, naraw ukoll il-perikli li jinħolqu minn dawn il-possibilitajiet u għandna nistaqsu lilna nfusna kif nistgħu negħlbuhom. Jirnexxielna biss jekk ir-raġuni u l-fidi jingħaqdu flimkien fi triq ġdida. […] Hekk biss inkunu kapaċi għal dak id-djalogu ġenwin bejn il-kulturi u reliġjonijiet li llum hu tant bżonnjuż li jsir b’urġenza. Fid-dinja tal-Punent jitqies li huma r-raġuni pożittiva u l-forom filosofiċi bbażati fuqha biss, li huma validi universalment. Iżda l-kulturi tad-dinja li huma profondament reliġjużi jqisu din l-esklużjoni tad-divin mill-universalità tar-raġuni, bħala attakk fuq l-aktar twemmin profond tagħhom. Ir-raġuni li ma tismax lid-divin u li tirrelega r-reliġjon fi sfera ta’ sottokulturi, mhix kapaċi li tidħol fid-djalogu tal-kulturi.”[3]
Quddiem il-monument li jfakkar il-qlubija ta’ dawk li tqabdu biex jieqfu għall-Assedju l-Kbir, għandhom jidwu f’widnejna kliem il-Papa Franġisku f’Sarajevo fis-6 ta’ Ġunju 2015.
“Il-paċi hi l-ħolma ta’ Alla, hi l-pjan ta’ Alla għall-bniedem, għall-istorja, mal-ħolqien kollu. U dan hu pjan li dejjem isib l-oppożizzjoni min-naħa tal-bniedem u min-naħa tal-ħażin. Anki fi żmienna x-xewqa għall-paċi u t-tħabrik biex din tinbena jridu jħabbtuha mal-fatt li fid-dinja għaddejjin bosta kunflitti bl-armi. Qisha xi tielet gwerra dinjija li qed tiġi miġġielda biċċa biċċa; u, fil-kuntest tal-komunikazzjoni globali, inħossu li teżisti klima ta’ gwerra.
Hemm min din il-klima donnu jrid joħloqha u jkebbisha apposta, b’mod partikolari dawk li jfittxu l-iskontru bejn id-diversi kulturi u ċivilitajiet, u anki dawk li joqogħdu jispekulaw fuq il-gwerer biex ibigħu l-armamenti. Imma l-gwerra tfisser tfal, nisa u anzjani fil-kampijiet tar-refuġjati; tfisser immigrazzjoni imposta; tfisser djar, toroq, fabbriki meqruda; tfisser fuq kollox tant ħajjiet imfarrka. Intom dan tafuh sew, għax għaddejtu minnu propju hawn: kemm tbatija, kemm qerda, kemm uġigħ ta’ qalb! Illum, għeżież ħuti, qed togħla għal darba oħra minn din il-belt il-karba tal-poplu ta’ Alla u tal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba: qatt iżjed il-gwerra!
Qalb din il-klima ta’ gwerra, bħal raġġ ta’ xemx li jinfed is-sħabijiet, tidwi l-kelma ta’ Ġesù fil-Vanġeli: “Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9). Hi sejħa dejjem attwali, li tgħodd għal kull ġenerazzjoni. Ma jgħidx “Henjin dawk li jippriedkaw il-paċi”: kulħadd kapaċi jipproklamaha, anki b’mod ipokrita jew saħanistra qarrieq. Le. Jgħid: “Henjin dawk li jġibu l-paċi”, jiġifieri dawk li jagħmluha. Tagħmel il-paċi hi sengħa: ħidma li titlob passjoni, sabar, esperjenza, perseveranza. Henjin dawk li jiżirgħu l-paċi bl-għemejjel tagħhom ta’ kuljum, bi mġibiet u ġesti ta’ qadi, ta’ fraternità, ta’ djalogu, ta’ ħniena…. Dawn, iva, “jissejħu wlied Alla”, għax Alla jiżra’ l-paċi, dejjem, kullimkien; fil-milja taż-żminijiet hu żera’ fid-dinja lil Ibnu biex aħna niksbu s-sliem! Biex nibnu l-paċi hemm bżonn ta’ ħidma li nwettqu ta’ kuljum, pass wara pass, bla ma qatt negħjew.”[4]
Lill-Awtoritajiet Ċivili tal-Bożnija Ħerzegovina, il-Papa Franġisku qal dan il-kliem tassew profetiku: “Biex neħduha kontra l-krudeltà bla qalb ta’ min irid li kull differenza jdawwarha fi skuża biex iwettaq vjolenza dejjem aktar brutali, ilkoll għandna bżonn nagħrfu l-valuri fundamentali tal-umanità komuni, valuri li f’isimhom nistgħu u għandna nikkollaboraw, nibnu u niddjalogaw, naħfru u nikbru, biex il-kollettiv tal-ilħna diversi jiffurmaw għanja nobbli u armonika, minflok ikunu għajat fanatiku ta’ mibegħda.
In-nies tal-politika, li huma responsabbli, huma msejħin għal dan ix-xogħol nobbli li jkunu l-ewwel qaddejja tal-komunitajiet tagħhom b’ħidma li tħares, l-ewwel u qabel kollox, id-drittijiet fundamentali tal-persuna umana li fosthom tispikka l-libertà reliġjuża. B’hekk ikun possibbli li b’impenn konkret, tinbena soċjetà aktar paċifika u ġusta u, bl-għajnuna ta’ kull min ikollu leħen, jingħata bidu għas-soluzzjoni tal-ħafna problemi tal-ħajja ta’ kuljum tal-poplu.
Biex dan isir huwa indispensabbli li ċ-ċittadini kollha jitqiesu l-istess quddiem il-liġi u fit-tqegħid fis-seħħ tagħha, hi x’inhi l-appartenenza etnika, reliġjuża u ġeografika tagħhom: b’hekk ilkoll mingħajr distinzjoni, iħossu li jistgħu jagħtu kontribut attiv skont l-ispeċifità tagħhom, lejn il-ġid komuni.”[5]
Fl-1934, fil-poeżija “Lil Malta: Ta’ Llum u ta’ Għada”, il Poeta Nazzjonali Dun Karm ilmenta b’dan il-kliem qisu ġebel: “Kont il-warda tad-dinja u sirt bħal miżbla […] isma’ minni, tersaqx bit-tifħir f’fommok, bir-rand f’idejk quddiem il-Monument; jiena ngħidulek: Gidba sar tifħirek, u gidba l-Monument”.
Tgħid veru sar gidba dan il-Monument?
Tgħid veru sar gibda it-tifħir li ta’ kull sena jsir hawnekk?
Malta, Malta, tqaċċatx l-għeruq imbierka tas-siġra ħelwa tiegħek!
Stkenn taħt id-dell tagħha, trejjaq mill-frott tagħha,
Gawdi l-benna tagħha ma’ kull bniedem fis-sliem.
U l-Mulej iħarsek u jkun dejjem miegħek:
Hawn u kullimkien, issa u għal dejjem. Ammen.
✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
[1] “Manuel II Paléologue, Entretiens avec un Musulman. 7e Controverse”, Sources Chrétiennes n. 115, Paris 1966, Controversy VII, 3 b–c: Khoury, pp. 144-145, kif misjub fi: http://w2.vatican.va/content/benedict-xvi/en/speeches/2006/september/documents/hf_ben-xvi_spe_20060912_university-regensburg.html[2] http://w2.vatican.va/content/benedict-xvi/en/speeches/2006/september/documents/hf_ben-xvi_spe_20060912_university-regensburg.html[3] http://w2.vatican.va/content/benedict-xvi/en/speeches/2006/september/documents/hf_ben-xvi_spe_20060912_university-regensburg.html[4] http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Omelija_Sarajevo_06062015.htm[5] http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Wasla_Sarajevo_06062015.htm -
Ritratti: Photocity, Valletta.
www.photocitymalta.com