Dar tal-Kleru, B’Kara
1 ta’ Ġunju 2013
Ħuti, kif għidna fil-bidu aħna llum bħala Knisja qegħdin niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu. U f’dan il-misteru tal-Ewkaristija aħna bħala bnedmin li jemmnu naraw l-imħabba kbira ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Għaliex l-Ewkaristija, ħuti? L-Ewkaristija mhi xejn ħlief il-kontinwazzjoni tal-miraklu ta’ Ġesù. Hu ġie fostna u fl-inkarnazzjoni u mela l-umanità bid-divinità għaliex sar wieħed minna. U allura aħna li qegħdin hawnhekk nistgħu nifhmu li Sidna Ġesù Kristu kompla dan il-misteru fl-Ewkaristija. Illum fl-Ewkaristija se jagħti din il-grazzja tad-divinità lil kull wieħed u waħda minna. Id-differenza kbira hija waħda: waqt li hu għamel dak li kellu jagħmel bil-grazzja ta’ Alla l-Missier fl-Ewkaristija, irridu nkunu aħna li fl-Ewkaristija nagħtuh – ippermettuli – il-permess li jidħol ġewwa fina. Allura l-grazzja tal-umanità kollha issir il-grazzja tiegħi u tiegħek. L-Ewkaristija ssir id-don partikolari tad-divinità ta’ Kristu: l-Ewkaristija hi Kristu reali li jidħol ġewwa fija.
It-tieni, fl-Ewkaristija jsir dak li Sidna Ġesù Kristu wettaq fuq is-salib. Meta kien fuq is-salib Sidna Ġesù Kristu ġab is-salvazzjoni għall-umanità kollha. Dak li għamel hu, jiżboq, huwa ikbar minn kull żmien, imur lil hinn minn kull żmien u allura huwa diġa ppreparat għal kull bniedem. Imma fl-Ewkaristija dik il-grazzja ta’ fuq is-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu issir tiegħi u biex issir tiegħi irrid inkun jien li nilqagħha u jien li ħejjejt lili nnifsi għaliha biex il-grazzja li hi tal-umanità kollha fuq is-salib ta’ Kristu, issa ssir il-grazzja tiegħi personali. Ġo fija tidħol il-grazzja li Sidna Ġesù Kristu qalgħalna minn fuq is-salib. U din hija l-festa li aħna qegħdin niċċelebraw illum.(3.13)
Imma aħna llum ġejna biex niċċelebraw xi ħaġa oħra. Illum ġejna biex niċċelebraw it-tweġiba tal-bnedmin lil Ġesù. U llum Sr Glorianne qed tagħtina ċ-ċans biex nagħmlu din ir-riflessjoni: imma allura għal dan kollu li tana l-Mulej Ġesù fl-Ewkaristija x’għandha tkun it-tweġiba tagħna l-bnedmin? Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Ġen 14,18-20), rajna li kien hemm Abram li mar quddiem dan is-sultan misterjuż Melkisedek li ħareġ bil-ħobż u bl-inbid. Għalhekk nużawha din is-silta għaliex hija xi ħaġa li tirrifletti dak li mbagħad għamel Ġesù fl-aħħar ċena. U hemmhekk dan is-sultan igħid hekk: “Imbierek Abram u mbierek Alla l-għoli li tah din il-grazzja”. Sr Glorianne, meta inti għidtlu iva lill-Mulej bħalma qallu Abram min jaf x’xita ta’ grazzji niżlet mis-sema bil-barka tiegħu biex hu jgħinek tgħix propju din is-sejħa li huwa tak. Nixtieqkom li tirriflettu, araw dak il-mument: persuna qed tingħata totalment lil Alla bħal Abram, min jaf x’xita ta’ grazzji u x’ferħ ikun hemm quddiem il-Mulej bħalma kien hemm f’Abram. U din hija l-ewwel raġuni għaliex lil Mulej għandna ngħidulu grazzi mhux biss għaliex sejjaħlek imma għaliex tak il-grazzja li dik is-sejħa tkun tista’ tgħixha u inti għidtlu iva. Dan li qegħdin niċċelebraw ħamsa u għoxrin sena wara li seħħ.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum (1Kor 11, 23-26) aħna rajna lil S. Pawl jirrakonta x’ġara fl-aħħar ċena fejn rajna kif Sidna Ġesù Kristu għamel għall-ewwel darba l-Ewkaristija u spiċċa b’hekk S. Pawl: “Kull darba li tagħmlu dan, agħmluh b’tifkira tiegħi, tifkira tal-mewt tiegħi”. U hawnhekk għandna żewġ tifsiriet li xtaqt li, permezz ta’ Sr Glorianne, illum inħossuhom ġewwa fina. L-ewwelnett għaliex kull darba li nirċievu ‘l Mulej Ġesù aħna rridu nwieġbu bi kwalità ta’ mewt biex tkun bħal tiegħu. X’qed nifhem b’mewt? B’mewt qed nifhem li kull darba li nersaq lejn l-Ewkaristija, tikber il-grazzja u jmut dak kollu li mhux grazzja. Dak tfisser il-mewt, niċċelebraw il-mewt! U allura meta jkollok lil xi ħadd li jiġi msejjah mill-Mulej u jwieġeb mhux biss b’mewt żgħira imma jwieġeb bil-mewt sħiha: Mulej, jien tiegħek, dak li kien tiegħi issa m’għadux tiegħi. Dak li kien tieghi mitt għalih biex tkun tista’ tużah int b’mod speċjali permezz tat-tlett wegħdiet. Il-wegħdiet li inti għamilt huma: li tagħti lill-Mulej l-imħabba tiegħek, allura l-kastita, li tagħti lill-Mulej dak li jista’ jkun il-ġid tiegħek, li huwa l-faqar, u li tagħti lill-Mulej irid ir-rieda tiegħek permezz tal-ubbidjenza. Dawn kollha jitmewtu mhux biex jibqgħu mejtin imma biex minnhom toħroġ il-grazzja ta’ dak li ried jagħmel Sidna Ġesù Kristu meta sejjah lil Sr Glorianne.
Ma dan nistgħu naqdu ukoll il-kariżma tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu. Naħseb li l-kariżmi kollha, b’xi mod jew ieħor, jirriflettu lil Mulej Ġesù. Jien ikolli ngħid li l-kariżma tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu tirrifletti dak il-mument meta Ġesù kien sejjer ġewwa Ġerusalem u kien jaf li se joqtluh, waqaf għand dawk l-aħwa ta’ Betanja u kien hemm Marija li ħaslitlu riġlejh. Meta jkun hemm xi ħadd igerger – Ġuda beda jgerger – Sidna Ġesù Kristu qallu: ‘għaliex qed tgerger? Din qed tippreparani biex jien inkun nista’ nieħu l-mewt tiegħi’ (ara Ġw12, 7). U allura nistgħu ngħidu li l-kariżma tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu tirifletti dawk li magħhom il-Mulej ikun qasam il-grazzja tiegħu li hija grazzja kbira tas-saċerdozju ministerjali. Il-qaddejja taċ-ċenaklu għażlu l-kariżma tagħhom li huma iħejju, bħalma tħejja Sidna Ġesù Kristu, iħejju lil dawk l-aħwa li rċevew din il-grazzja biex huma jiltaqgħu mal-Mulej għal eternità. Din hija l-kariżma tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu li ħadnet Sr Glorianne 25 sena ilu.
L-aħħar ħaġa li xtaqt li naqsam magħkom huwa l-Vanġelu tal-lum (Lq 9, 11-17), kemm hu Vanġelu sabih! Għandek ħafna nies kollha mifrudin minn xulxin, ma jafux lil xulxin, f’daqqa waħda jkun hemm il-Mulej u jgħaqqadhom flimkien permezz tat-tkattir tal-ħobż. Dawk li ma kienux jafu lil xulxin, dawk li ma kien hemm xejn li jgħaqqadhom flimkien, issa hemm Ġesù li jagħmilhom ħaġa waħda bit-tkattir tal-ħobż. Setgħu jgħidu: ‘jien ukoll ħadt il-ħobż tal-Mulej, int ukoll ħadt il-ħobż tal-Mulej, mela aħna aħwa’. U allura naslu għat-tielet ħaġa: biex dan kollu kellu jseħħ Sr Glorianne daħlet f’komunità. Komunità hija grupp ta’ persuni li jgħaqqadhom biss il-Mulej u li fihom l-Ewkaristija issir dak li jagħmilhom ġisem wieħed li hija l-komunjoni tal-Mulej Ġesù mal-umanità, fihom issir il-komunjoni ta’ bejniethom. Il-komunità kollha tkun qed tgħix l-istess skop fil-ħajja tagħhom. Sr Glorianne, 25 sena ilu, mhux biss obdiet għas-sejħa tal-Mulej biex hija tagħti lilha nfisha, imma tagħti lilha nfisha f’idejn komunità li qed tgħix l-istess kariżma. Dan kollu qegħdin niċċelebraw aħna ‘llum.
Għalekk Sr Glorianne, f’ismek irrid nirringrazzjah lil Mulej għal dak li huwa tak għax hija grazzja kbira li tingħata lilu, it-tieni flimkien miegħek f’isem il-Knisja nirringrazzjak għaliex int għidt iva għas-sejħa li tak il-Mulej 25 sena ilu.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta