Kappella ta’ Ġesu Nazzarenu, iż-Żejtun

14 ta’ Ottubru 2012

Ħamsin sena ilu Sr Monica quddiem Alla l-Imbierek għamlet il-wegħdiet tagħha. Ħa nfakkarkom bejn wieħed u ieħor, x’inhuma l-wegħdiet. Kienet professjoni perpetwa,  jiġifieri dak iż-żmien lill-Mulej qaltlu: jiena ħajti se nagħtihielek; indum ngħix kemm indum ngħix, ħajti mhux se tibqa tiegħi, imma se tkun tiegħek. Għalhekk hija perpetwa biex il-Mulej ikun jista’ jiddisponi minnha.

U kompliet b’din il-formola tal-professjoni u offriet b’mod speċjali t-tlett voti tas-safa, tal-faqar u tal-ubbidjenza. Tas-safa’ jiġifieri l-imħabba kollha li l-Mulej poġġa ġewwa fina, hi reġgħet tatha lil Alla biex ikun jista’ jużaha għal dawk li m’għandhomx imħabba, b’mod speċjali fil-kariżma tagħkom, speċjalment mat-tfal. Fil-faqar hija qalet li l-ebda ħwejjeġ ta’ din id-dinja m’huma se jfixkluha milli taqdi lil Alla kullimkien, fejn hu jkun irid li hija taqdih.  L-affarijiet materjali jsiru xejn. U permezz tal-vot tal-ubbidjenza hija lil Alla l-Imbierek qaltlu: jiena se nifrah, Mulej, mhux għaliex niftaħar li għamilt xi ħaġa jien imma niftaħar għaliex kull ma għamilt, għamiltu b’ubbidjenza, għaliex kull ma għamilt għamiltu għaliex dawk, li f’dak iż-żmien kienu fuqi,  superjuri tiegħi, bagħtuni xi mkien ieħor u jiena tlaqt biex nagħmel ir-rieda tiegħek. Dawn huma t-tlett voti li għamlet ħamsin sena ilu.

Ma’ dawk il-voti hija ingħaqdet ma’ komunita’ ta’ Ġesu Nazzarenu biex din il-mixja ta’ fidi li kellha tagħmel permezz ta’ dawn il-voti hija ma tagħmilhiex weħidha imma tagħmilha f’imħabba lejn l-aħwa li hija tgħix magħhom. Dak li aħna,  kieku kollna ħamsin sena ilu hawnhekk,  konna nisimgħu.  Imma nixtieq li aħna nifhmu li l-ikbar ħaġa li jgħix ir-reliġjuż mhuwiex dak li jihder, ix-xoghħol li jidher, imma l-akbar  ħaġa li jkollu r-reliġjuż huwa li jimbidel propju minn ġo fih.  Dawk il-voti jsiru t-triq ta’ kull reliġjuż jew reliġjuża għal perfezzjoni.

Ħa nfakkarkom daqsxejn fil-lezzjonijiet tal-lum li ġew magħżulin, x’inhi din it-triq tal-perfezzjoni; tgħodd għal kulħadd aħseb u ara għalina r-reliġjużi.  U jgħid hekk fl-ewwel lezzjoni żgħira: li Alla l-Imbierek imlieni bil-għaqal, tani l-għerf. Min jidħol fil-ħajja reliġjuża, l-għerf ta’ din id-dinja irid jimbidel fl-għerf ta’ Alla l-Imbierek, jiġifieri jibda jirraġuna bħal Alla l-Imbierek. Ġara xi ħaġa u jipprova jgħid: Ġesu kif kien jirraġunaha din ix-xi ħaġa? Ħa nipprova nkun bħalu. Dan huwa l-għaqal li l-Mulej jagħti lil dawk li jimxi warajh.

Fil-Vanġelu tal-lum għandna: “jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” Hawnhekk qed nifhmu li b’dak id-don li huma jkunu taw, issa s-salib ma jibqax tagħhom biss; huma jridu jġorru s-salib ta’ Ġesu, flimkien miegħu, għas-salvazzjoni tad-dinja. Din id-darba is-salib mhuwiex dak li kultant aħna ngħidu: x’salib għandi! Imma huwa s-salib ta’ Sidna Ġesu Kristu li jiena meta dħalt reliġjuż, għidtlu: Mulej jiena nġorru miegħek; jekk nara lil xi ħadd imtaqqal, lest li nidħol jien biex ngħinu; jekk nara lil xi ħadd li qiegħed ibati, lest li nidħol jien biex ngħinu għaliex jien irrid inkun miegħek, inġorr is-salib tal-bnedmin ta’ din id-dinja.

It-tielet mixja li jridu jagħmlu dawk li huma reliġjużi għandna l-kelma li smajna: offru ġisimkom bħala vittma ħajja, qaddisa u b’qima spiritwali. Fill-ħajja t’hawnhekk aħna naraw lis-sorijiet jaħdmu ħafna mat-tfal u ħidma oħra, imma hawnhekk qiegħed jgħid: meta inti toffri lilek innifsek bħala vittma, l-aktar ħaġa li jkun hemm ġewwa fik li trid tikber hija propju l-ħajja spiritwali. Illum nagħtih biċċa, għada nagħtih biċċa oħra; illum tajtu xi maħfra lil xi ħadd li naqasni u għada tajtu xi att ta’ karita, ta’ mħabba lejn xi ħaddieħor. Kull darba nagħtih xi ħaġa iktar biex iktar nikber fl-imħabba tiegħu.

U l-aħħar kelma li jgħid hija: ħobbu lil xulxin bħala aħwa, jgħidha S. Pawl. Meta nidħol f’komunita, mhijiex faċli komunita’ ħuti. Nixtieqkom li tifhmu. Fiż-żwieġ mhux faċli li tgħix  ma’ persuna oħra u tagħmel ħajja sabiha,  imma lanqas il-ħajja reliġjuża għaliex trid tgħix ma’ diversi persuni, m’għażilthomx inti, qegħdin miegħek u ma jinbidlux.  Ħajtek kollha trid tgħix flimkien ma’ dawk il-persuni u tipprova żżomm il-paċi. Imma hawn S. Pawl qalilna: ħobbu lil xulxin bħal aħwa. Din hija t-tieni.

Mela l-ewwel il-professjoni reliġjuża, it-tieni il-ħajja tal-qdusija li trid toħroġ minn dik il-professjoni reliġjuża, u t-tielet: id-don li għandhom dawk li jagħmlu din il-professjoni huwa l-ħajja tal-fundatriċi. Ġużeppina Curmi. U dan għaliex? Issa naqralkom xi siltiet tagħha. Taf x’laqatni meta qrajt il-ħajja tagħha?  Ma kienx kbir il-ktieb. Taf x’laqatni? Waqt li aħna – għax jien reliġjuż ukoll – aħna il-ħajja tagħna nagħmluha formola diġa qiegħda hemmhekk:  jiena nwieġħed lilek  li diġa qiegħda hemmhekk, il-ħajja ta’ l-fundatriċi bniehielha Alla l-Imbierek, pass wara l-ieħor.  Hi qatt ma għamlet  din il-professjoni, qatt ma għamlet din  il-formola,  qatt ma qratha, imma pass wara l-ieħor beda juriha, imexxiha x’inhi l-ħajja reliġjuża li riedha tħaddan hi u oħrajn warajha.

Ħalli nibda nsemmilkom xi episodji mill-ħajja tagħha.  L-ewwel sabet l-ispiritwalita’ tagħha meta kienet Lourdes. Kellha tletin sena, kienet qiegħda ġewwa Lourdes u hemmhekk kellha esperjenza spiritwali ħafna, mhux biss tal-Madonna imma l-ewwel togħma li kellha ta’ Ġesu Nazzarenu!  Minn hemmhekk hija ħadet l-imħabba kbira lejn Ġesu Nazzarenu.  Diġa l-ewwel pass. Mela ta’ timbru, biex ngħidu hekk, int ma tistax tfittex lil xi ħadd ieħor issa, għax jien tajtek lil min, lil Ġesu Nazzarenu u fuq il-passi tiegħu trid timxi.

Sena wara, ta’ wieħed u tletin sena, sabet, Alla l-Imbierek ta l-ħidma tagħha, it-tieni post, il-ħidma tagħha. U x’kienet il-ħidma tagħha? Tafu x’kienet. Kienet li tieħu ħsieb it-tfal, il-bniet, li kienu fqar u jiena ngħid hawnhekk skopriet x’inhi l-kastita’, is-safa’.  F’dan il-ktieb kien hemm miktub li, milli jidher, kellha xi ħsieb li tiżżewweġ. F’dak il-mument Alla l-Imbierek ta, minflok tiżżewweġ, l-imħabba tagħha tagħtiha lil dawk it-tfal ħalli jkunu jistgħu jitrabbew imdawrin mill-imħabba.

Nibqgħu mexjin, imbagħad Alla l-Imbierek juriha li l-qdusija tagħha mhux biss għaliha. Il-fundaturi għandhom problema kbira għaliex it-triq li huma jridu jagħmlu ma tgħoddtx biss għalihom. Ara l-qaddisin l-oħrajn, dawk għexu l-ħajja għalihom!. Il-fundaturi kollha, S. Franġisk u l-oħrajn, dawk it-triq li jridu jagħmlu trid tkun mappa għal dawk li se jidħlu. Trid tkun mappa għalhekk – ippermettuli lis-sorijiet se ngħid – aqrawha l-ħajja tagħha għax hi għamlitha l-ewwel. Alla l-Imbierek fiha l-ewwel li għamilha allura aqrawha ħalli tkun il-mappa tagħkom.

U allura ta’ tlieta u tletin sena semgħet vuċi li tgħid hekk: Waqqaf sorijiet ta’ Ġesu Nazzarenu li għandhom iġibu fuq sidirhom ix-xbieha ta’ Ġesu Nazzarenu.  Dik kienet is-sejħa tagħha biex hija tkun fundatriċi. U allura bdew jingħaqdu xi tfajliet magħha biex imbagħad jikbru iktar. Fil-fatt il-jum tal-fundazzjoni huwa t-tlieta u għoxrin ta’ Ottubru ta’ l-elf disgħa mija u tlettax. U skopriet il-faqar.  Mhux bħalna b’vot tal-faqar, imma Alla l-Imbierek lil Ġużeppina għallimha x’jiġifieri l-faqar mill-faqar li rat madwarha. Min qarha l-ħajja tagħha jaf, ġieli ma kellhiex biex titma lil dawk it-tfal, jeħduha minn post għall-ieħor biex issibilhom post fejn ikunu jistgħu joqogħdu, min jagħtiha dar u wara ftit kien jerġa jgħidilha għandi bżonnha, imbagħad terġa tmur ġo dar oħra u hemmhekk daqet, permezz tal-faqar tagħha, il-providenza għax il-providenza daħlet ġewwa ħajjitha.

L-aħħar ħaġa u nieqfu. Fl-aħħar mument ta’ ħajjitha l-Arċisqof tahom iċ-ċans li huma jkunu verament Istitut fit-tletin ta’ Ottubru ta’ l-elf disgħa mija wieħed u tletin. U l-kelma tagħha kienet – ftakru f’ta’ Ġesu fuq is-salib – issa nista’ mmut għax għandi il-kelma tiegħek, ta’ l-Isqof.  Din hija l-ubbidjenza.  Baqgħet tistenna sakemm  l-Isqof qal iva, sakemm waqfet dan l-Isitut. Tiftakru Ġesu fuq is-salib: kollox mitmum? Mulej, tajtni missjoni u għamiltha. U hawnhekk Ġużeppina qed tgħid l-istess kelma: dak li bagħttni nagħmel, Mulej, għamiltu, issa tista’ teħodni. U mietet, fil-ftat, ftit wara.

Mela, nerġgħu  nifirħu lil Sr Monica, nitolbu lil Mulej ikompli jagħtiha saħħa u ħeġġa ħalli tkompli taqdi l-missjoni tagħha għal ħafna snin u jagħti wkoll barka fuq il-Kongregazzjoni kollha.

✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta