17 ta’ Marzu, 2011

Ħuti,

Smajna r-rakkont li għalina l-Insara huwa ta’ valur enormi għax huwa l-qofol tal-missjoni ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.

Tliet ħsibijiet qosra dwar xi jfisser Ħadd il-Palm biex imbagħad ikollna l-ispirtu tajjeb biex niċċelebraw dawn it-tlett  ijiem.

1.     Ġesu’ l-Iben t’Alla, kien ukoll imwiegħed bħala bin David li kien sultan. Ġesu’ kien iben mastrudaxxa. Min jaf David kemm kien ikollu zwiemel biex jidħol Ġerusalemm u Ġesu’ daħal fuq felu ta’ ħmar. Ġesu’ ried li l-qawwa tiegħu tidher f’dik l-umilta kollha, fiċ-ċokon bħal ma għexha. Min hawn u ftit ieħor narawh fuq is-salib. M’hemm l-ebda mod kif wera’ d-djufija tiegħu tal-qawwa  ta’ l-imħabba tiegħu milli fuq is-salib. U aħna rridu nkunu xhieda mhux tal-qawwa umana imma tal-qawwa spiritwali li kien hemm fil-Mulej Ġesu’.

2.     Meta Ġesu’ kien dieħel Ġerusalemm kien hemm ħafna nies li  bdew ifaħħruh u jgħollu l-palm. Ħadd minnhom ma għex il-veru sinifikat ta’ Ġesu’ li kien dieħel Ġerusalemm ħlief l-appostli. Fil-Vanġelu tal-bieraħ smajna li ġew jgħidu lil Ġesu’ li l-Farizej kienu qed ifittxu kif joqtluh.  Imma Ġesu’ xorta bil-qawwa kollha, jidħol biex ikompli jipprietka lil Alla l-Imbierek anke f’Ġerusalemm. U l-appostli, allavolja imbezzgħin, qalu bejniethom: ejjew immorru miegħu anke jekk se mmutu miegħu. Ħafna nies – u ġieli jiġri lilna wkoll-  nieħdu biss il-glorja ta’ Ġesu’ jew il-glorja ta’ dak li aħna nagħmlu anke fil-Knisja. Nixtieq li aħna nieħdu fuq spallejna s-salib tal-missjoni tal-Knisja kif għamlu l-appostli. Ma nistgħux ngħixu l-fidi tagħna komda qiesna bħal dawk jagħjtu ‘Osanna’ imma ma ħadux parti mill-missjoni sħiha ta’ Ġesu’.

Ġesu’ kien diżappuntat imma l-iktar meta qatluh.  Min jaf kemm qal ġewwa qalbu: “imma jien ġejt nagħtihom kelma sabiħa, tjubija biss”. Hu u dieħel Ġerusalemm min  jaf kemm qal: “il-kelma li se nirbah biss waslet għandhom; il-messaġġ kollu tiegħi  ma wasalx għandhom? Jien mhux għalhekk ġejt?” Aħna bħal bnedmin kultant nagħżlu mill-messaġġ ta’ Ġesu’’. Dan jgħoġobni, naċċettah, dan  ma jogħoġobnix. Irrid nipprova ninbidel. Aħna ma nistgħux niddisappuntawh lil Ġesu’’. Irridu neħduh sħih.

Għalhekk b’dawn it-tlett ħsibijiet ejjew nersqu lejn dawn it-tlett ijiem li għandna tal-Għid li huma qawwijin.  Naraw is-sejħa tagħna bħala nsara, anke liz-zgħazagħ qed ngħid, u naraw aħniex qed ngħixu t-totalita ta’ dak li Ġesu’’ ġie jgħallimna anke f’dawn it-tlett ijiem.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta