-
Messaġġ tal-Arċisqof fil-Ġimgħa l-Kbira
-
Konkatidral ta’ San Ġwann
18 ta’ April 2014Aħna smajna il-kant tal-Passjoni tal-Mulej. Fir-rakkont Ġesu kien iċ-ċentru, imma rridu niftakru li fiċ-ċentru ta’ din il-ġrajja hemm il-bniedem: il-bniedem fil-bidu, u l-bniedem, jiena u intom, li qegħdin ngħixu illum.
Ir-raġuni hija ċara. Kieku l-bniedem ma dinibx Ġesu ma kienx jgħaddi minn dan kollu għax ma kienx ikollu bżonn. Imma għaliex il-bniedem dineb, Alla kellu jibgħat lil Ibnu biex aħna nkunu salvi. U t-tieni raġuni li l-bniedem huwa fiċ-ċentru, hija li aħna rridu nagħmlu mistoqsija f’dawn il-ġranet biex il-passjoni ngħixuha fina mhux barra minna. U din il-mistoqsija hija: imma għaliex Alla għamel dan kollu għal bniedem? Imma x’inhi l-imħabba tiegħu għal bniedem? U jien min jien li Alla jibgħat lil Ibnu biex jien inkun nista nsalva? X’inhi din l-imħabba kbira ta’ Alla? Hija misteru.
U għalhekk tajjeb li meta nisimgħu dan ir-rakkont ikollna żewġ sentimenti differenti. L-ewwel sentiment huwa li aħna nħarsu lura lejn dnubietna u nagħarfu li d-dnubiet tagħna, id-dnubiet tal-umanita kienu r-raġuni għaliex Ġesu għadda minn dan kollu. Kemm hu sabih li aħna nħossu d-dnub tagħna mhux biex nibqgħu fid-dnub imma biex induqu l-ħniena ta’ Alla l-Imbierek. Mingħajr kuxjenza tad-dnub wieħed jibda jnaqqas il-valur ta’ dak li għadna kemm smajna llum.
It-tieni sentiment huwa, meta nħarsu lejn is-salib ta’ Ġesu, forsi anke issa fil-purċissjonijiet, ejjew ma nibqgħux il-figura ta’ Ġesu, imma ngħidlu: Ġesu, dan għamiltu għalija, imma x’imħabba hi din, imma kemm niswa jien u allura kemm irrid inħobbok jien ladarba int għamilt dan kollu g]alija? U dan huwa s-sentiment li jrid imissna illum: ngħarfu li fiċ-ċentru ta’ din il-ġrajja li għadna kemm smajna hemm jien u int.
U xi jfisser dan it-tislib li aħna rajna llum f’dan ir-rakkont? Hemm ħafna modi kif aħna nifhmuh imma jien nixtieq nipproponi xi ħaġa li għalija tagħmel ħafna sens. Alla l-Imbierek ħalaq id-dinja, imma hemm tlett affarijiet li ma ħalaqhomx hu imma ġew mid-dnub tal-bniedem. Dawn huma: id-dnub, it-tbatija u l-mewt. Dawn m’għamilhomx Alla l-Imbierek. Dawn għamluhom il-bnedmin bid-dnub tagħhom. Fuq is-salib, Sidna Ġesu Kristu għadda minn dawn it-tlett affarijiet m’għamilhom Alla biex jagħmilhom għajn ta’ salvazzjoni għal kull wieħed u waħda minna. Ejjew niftakru daqsxejn fuq is-salib Ġesu kif għena nħarsu lejn dawn l-affarijiet b’mod differenti.L-ewwelnett, ovvjament, li Alla m’għamilx id-dnub. Aħna qtilnih, u Ġesu fuq is-salib jgħid dak il-kliem: jinterċedi għal dawk li kienu qegħdin isalbuh: “Missier aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23, 34). Hija talba ta’ interċessjoni, u hawnhekk Sidna Ġesu Kristu qed idur lejn Alla l-Missier biex jgħidlu jaħfer lil dawk li kienu qegħdin isalbuh. Dan hu l-misteru kbir: aħna qtilna lil Ibnu! U hu minnufih ja]frilna. Hekk, Gesu li ma kellu ebda dnub, għadda mill-effetti tad-dnub tagħna li ġarr sa fuq is-salib, li hu għamlu għajn ta’ maħfra għal kull wieħed u waħda minna. Mela d-dnub sar okkażjoni ta’ bidla, id-dnub sar okkażjoni biex nersqu lejn Alla. Jiena ngħid, alla ħares ma kienx hemm dan ir-rakkont li fih smajna ‘l Ġesu jaħfrilhom għax kieku konna niqbgħu nagħmlu l-mistoqsija: imma veru li Alla ħafrilna? U issa nafu li veru ħafrilna, u jekk ħafrilna dak id-dnub lest li jaħfer kull dnub li nagħmlu.
It-tieni ħaġa li m’għamilx Alla l-Imbierek kienet it-tbatija. Tafu li skont il-Ġenesi t-tbatija ġiet wara d-dnub. U Sidna Ġesu Kristu għadda mit-tbatija, għadda mit-tbatija bħalma ngħaddu aħna. U x’għamel b’din it-tbatija? Mhux gerger, allavolja kien hemm mument biex jurina li hu kien bniedem meta qal lill-Missier: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mt27, 46). Imma mbagħad Sidna Ġesu Kristu qal dik il-kelma: “kollox mitmum”. Dar lejn Alla l-Imbierek, lejn Missieru, u qallu Mulej, “Missier, dak li inti bagħtni nagħmel jien għamiltu, kollu, kien hemm bżonn nidħol Ġerusalem, dħalt Ġerusalem, u lili salbuni, imma għamilt dak kollu li ridt inti”. U allura f’Sidna Ġesu Kristu t-tbatija ma kienetx għal xejn. It-tbatija kienet biex jagħmel ir-rieda ta’ Alla l-Imbierek. U din hija t-tieni riflessjoni li aħna nagħmlu llum. It-tbatija tagħna rridu noffruha lil Alla l-Imbierek fil-mixja tagħna f’din id-dinja, u hekk t-tbatija tagħna tkun għalina għajn ta’ grazzja.
It-tielet ħaġa li m’għamilx Alla l-Imbierek fil-ħolqien hija l-mewt. Il-mewt ġiet bħala effett tad-dnub tal-bniedem U aħna naraw lil Sidna Ġesu Kristu qiegħed fuq is-salib u fil-mument li hu kien qiegħed propju jmut, jgħid dak il-kliem lil Alla: “F’idejk, Missier, jien nerħi ruħi” (Lq 23, 46). Araw ftit, mewt li toħloq vojt, f’daqqa waħda ssir mixja lejn Alla l-Missier, bħalma kienet il-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Gesu jista’ jgħidilna: jiena għaddejt minnha naf x’jiġifieri l-mewt. Meta jkun il-mument tagħkom li tgħaddu minnha ftakru li jiena għaddejt u ntfajt f’idejn Alla l-Missier. Għalina l-mewt mihiex tmiem ta’ xi ħaġa imma hija bidu ta’ ħajja oħra għax Kristu għadda minnha u aħna rridu ngħaddu flimkien ma’ Kristu propju minn din it-tbatija tal-mewt. Din hija għalija r-raġuni kbira għaliex Ġesu miet għalina fuq is-salib biex jagħtina din it-tagħlima kbira ħafna għalina biex ngħixu.
Nagħlaq b’żewġ affarijiet. L-ewwel waħda: Meta tkunu qed taraw l-purċissjoni ftakru f’żewġ protagonisti ta’ dan kollu. L-ewwel wieħed hu Pietru. Pietru għex dan kollu jaf li ma setax jirranġa d-dnub tiegħu li ċaħad lill-Mulej tlett darbiet u Pietru beda jibki għax kien jaf li d-dnub tiegħu se jpoġġi lil Sidna Ġesu Kristu f’ċaħda. Imma minflok ma baqgħat ċaħda Sidna Ġesu Kristu tah rigal lil Pietru, ħafirlu u qallu li permeżż ta’ dawk it-tliet ċaħdiet, huwa iktar mar qrib tal-Mulej. Ejjew ma nibżgħux mid-dnub tagħna ejjew nistqarruh id-dnub tagħna, ejjew inpoġġuh f’idejn Alla l-Imbierek u f’idejn Sidna Ġesu Kristu.
U t-tieni persuni li tajjeb li ma ninsewhiex f’dan ir-rakkont hija Sidtna Marija. Sidtna Marija kienet ħdejn is-salib ta’ Ġesu għal żewġ raġunijiet. Kienet hemm bħala ommu, Min jaf x’faraġ ħa Sidna Ġesu Kristu b’ommu ħdejh. Imma mhux hekk biss. Nixtieqkom tiftakru li l-Madonna kienet hemmhekk bħala dixxiplu tal-Mulej Ġesu. Jiġifieri hi kellha tgħix is-salib ta’ Binha bħalma għexu Ġesu inkella ma kienetx tkun dixxiplu, kienet tkun omm imma mhux dixxiplu. Immaġinaw lill-Madonna tisma lil Binha jgħid: “aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” u l-Madonna tingħaqad miegħu f’dak il-mument: aħfrilhom dawk li qegħdin isalbu lil Ibni, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.U t-tieni ħaġa meta tisma lil Binha joffri lilu nnifsu lil Alla l-Missier, hi tgħid ukoll: Missier, f’idejk jien nerħi lil Ibni. Immaġinaw xi qdusija ħarġet mill-Madonna f’dak il-mument tant importanti! Għalhekk ejjew aħna wkoll nimxu fit-triq tas-salib ma’ Sidna Gesu Kristu mingħajr biża, biex inkun nistgħu ningħaqdu m’Alla.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta