-
Katidral, l-Imdina
21 ta’ Settembru 2014Il-parabbola li smajna fil-Vanġelu tal-lum (Mt 20, 1-16) nistgħu nispjegawha li Kristu kien qed jagħti tagħlima lill-Lhud: mhux billi l-pagani ġew wara, se jieħdu inqas, jew intom għax ġejtu mill-Antik Testment se tieħdu iktar. Alla jħobb lil kulħadd u hu ħanin ma’ kulħadd.
F’dan il-Vanġelu naħseb li għandna żewġ tagħlimiet li huma ħafna importanti. L-ewwel waħda hija li dan is-sid mar hu jfittex lil dawk li kienu qegħdin bla xogħol. Aħna rridu nfittxu! Illum il-kappillan flimkien mas-saċerdoti tiegħu, u flimkien mal-lajċi impenjati, iridu jmorru huma jfittxu lil dawk li huma bogħod bħalma għamel dak is-sid. Il-Papa Franġisku ilu jgħidilna li l-Knisja trid tinfetah għal dawk li huma barra biex turihom il-fidi tagħna u aħna nkunu nistgħu naqsmuha magħhom.
It-tieni riflessjoni li għamilt fil-Vanġelu tal-lum hija li dan is-sid ma qatax qalbu, mar f’siegħa, reġa’ mar f’siegħa oħra; ma qalx: ‘u issa xbajt’ imma baqa’ sal-aħħar jittama li jsib il-ħaddiema. U sabhom. U din hija t-tieni ħaġa li hija importanti għall-kappillan. Fil-vokabularju tal-kappillan ma jistax ikun hemm li qtajt qalbi. Il-kappillan irid jibqa’ jittama fil-Mulej li ma jaqta’ qalbu minn ħadd.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Fil 1, 20-24,27) aħna rajna silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin. U San Pawl igħid: “ħaġa waħda ngħidilkom biex intom iġġibu ruħkom kif jixraq lilll-Evanġelju ta’ Kristu”. Ħuti, il-missjoni tagħna lkoll u tal-kappillan mhijiex li hu jġib in-nies fil-knisja u jieqaf hemm, imma jrid ilaqqgħom ma’ Kristu biex huma jkunu jafu min hu Kristu. Kulma għandna hawnhekk, kull ħaġa esterna fil-knisja hija xi ħaġa li tesprimi r-reliġjon tagħna, is-sens reliġjuz tagħna u dan hu kollu tajjeb imma r-reliġjon trid tkun espressjoni tal-fidi. X’tagħmel jekk inti tiġi hawnhekk, tara dawn l-affarijiet materjali kollha, imma f’qalbek m’għandek xejn? Jiġifieri għalina mhuwiex biżżejjed li aħna nlaqqgħuhom mal-knisja imma permezz tal-knisja aħna rridu nlaqqgħu lil dawn l-aħwa tagħna ma’ Kristu.
F’daż-żmien qegħdin nagħmlu anke l-Lectio Divina, qegħdin nippruvaw nagħmluha. Ħa ngħid xi ħaġa negattiva. Għadna – ippermettuli l-kelma – għażżenin wisq biex aħna jkollna kurżità biex insiru nafu lil Ġesu. Jiġifieri l-arċipriet se jkollu jaħdem ħafna biex fl-aħħar iħajjar lil-insara kollha jiġu biex isiru jafu lil Sidna Ġesu Kristu għax dak huwa l-ħajja tagħna. Indunajtu kif tkellem San Pawl: “il-ħajja tiegħi hija Kristu”, wasal sal-aħħar San Pawl! Imma jenħtieġ li jien, parti importanti fil-ħajja tiegħi tkun Kristu: li jien niltaqa’ miegħu, nitolbu u nħoss verament l-imħabba tiegħu.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum aħna kellna silta mill-profeta Isaija (Is 55, 6-9). L-ewwel kelma li rajna kienet: “fittxu lil Mulej sakemm tistgħu ssibuh, sejħulu sakemm huwa qrib”. Din il-Kelma jien ngħaqqadha mal-Ewkaristija. Kemm irridu ngħallmu li l-Ewkaristija hija l-Mulej qrib tagħna. Mur għidilhom lil Isaija u lin-nies tal-Antik Testment li Alla kien se jkun tant viċin tagħna, li aħna nistgħu nersqu lejh, nitolbuh. Naraw kif illum propju fil-ġisem u d-demm tiegħu se nkunu tant qrib tiegħu! L-Ewkaristija hija ċ-ċentru tal-komunita nisranija. Ma jistax ikun hemm komunita mingħajr Ewkaristija li permezz tagħha,inkunu nistgħu nersqu lejn il-Mulej.
Kelma oħra li rajna f’Isaija kienet dik il-kelma qawwija: “Ħa jħalli triqtu l-midneb.” Għaliex min ikun midneb, it-triq tiegħu tkun bogħod minn Kristu. Allura Isaija qed jgħidilhom mela fittxu t-triq tagħkom, ejjew u ersqu lejn Alla. Missjoni oħra tal-Arċipriet u li jqarar Il-qrar x’inhu ħuti? Fil-qrar ma nħarisx biss lejn il-passat, dak jinħafer, imma fil-qrar jiena rrid niġi bil-ħsieb li se nibda triq oħra. Allura l-missjoni tal-Arċipriet hija mhux biss li jaħfer f’isem Kristu, imma li l-persuna li tiġi għandu, jibda jmexxiha fi triq differenti: jagħtiha kelma tajba, juriha fejn tista’ timxi l-quddiem. Il-penitenenza tkun mezz biex hi tibda triq ġdida minn dik li hija kienet qed tgħix qabel bħala midinba.
Alla l-Imbierek jgħid lil Isaija: “għaliex triqati mhumiex triqatkom, u l-fehmiet tiegħi mhumiex il-fehmiet tagħkom”. U din hija importanti għalina. Kemm il-darba, ħuti, aħna nirraġunaw biss bil-fehmiet tagħna. Ninsew li aħna suppost nirraġunaw bil-fehmiet ta’ Alla l-Imbierek. Kemm il-darba aħna naħsbu, nitkellmu u nagħmlu skont dak li huwa purament uman, u ninsew li dawn kollha Alla l-Imbierek għandu mod kif jesprimihom. Qed ngħid dan għax aħna hemm bżonn li nitgħallmu l-kelma t’Alla, ħuti. Kif se nimxi skont Kristu jekk jien ma nafx x’qal Kristu? Jekk jien ma nafx x’għamel Kristu? Jekk jien qatt ma interessajt ruħi li nkun naf lil Kristu fil-fond? Hija parti mill-missjoni tal-Arċipriet li jgħallimkom x’inhi t-triq tal-Mulej, x’inhuma l-fehmiet tiegħu, kif jaħsibha hu, il-Mulej biex aħna nibdew nimxu skont il-kelma tal-Mulej, u mhux skont il-ħsibijiet tagħna biss.
Nawguralek, Monsinjur arċipriet, u jalla l-Mulej jagħtik il-qawwa, kif diġa niżżuħajr ’l Alla għextha ħafna f’ħajtek, u jalla il-Mulej jagħtik il-grazzja li twassal lill-merħla tiegħek kollha biex fihom ikun jidher Sidna Ġesu Kristu.
Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta