-
Messaġġ tal-Arċisqof fil-Quddiesa tal-pussess ta’ Patri Dominic Mangani OFM Cap bħala l-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa Marija Reġina, il-Marsa
-
29 ta’ Settembru 2013
Ħuti ħafna drabi, meta aħna nsemmu parroċċa aħna nsemmu lilna, komunità parrokkjali, li nippruvaw nagħmlu mill-aħjar biex inkunu qrib Alla. Fil-lezzjonijiet tal-lum il-Mulej jgħidilna li ma nistgħux nieqfu fil-komunità parrokkjali, ghax aħna msejħin għall-ħajja ta’ dejjem. U allura, biex ngħidu hekk, il-parroċċa tkun verament suċċess, iktar ma jkollha nies li wara li jgħixu l-ħajja tagħhom hawnhekk fuq din l-art, ikunu jistgħu jaslu għand il-Missier fis-sema. U l-parroċċa, ir-rwol tagħha hi li tmexxi lil din il-komunità lejn il-glorja tal-Mulej.
Fit-tieni lezzjoni (1Tim 6,11-16) smajna lil San Pawl jgħidilna li aħna rridu naħdmu sakemm jerġa jiġi Ġesù fit-tieni miġja tiegħu u jsibna lesti, lilna lkoll, biex nidħlu fis-saltna ta’ dejjem. Imma mbagħad San Pawl lil Timotju jgħidlu wkoll kelma: “jiena tqabbad it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja u ħarist il-fidi”. Li tersaq lejn il-Mulej, ħuti, u li takkwista l-ħajja ta’ dejjem mhijiex xi ħaġa li aħna nistgħu neħduha b’ħallikieku xejn. San Pawl, hu li kien San Pawl, jgħid: “Jiena tqabbad it-taqbida t-tajba u żammejt il-fidi”. U allura kull wieħed u waħda minna hawnhekk irridu nagħmlu din il-ġlieda kontra dak kollu li jista’ jfarrakna. Jista’ jkun il-ħażen, jista’ jkun, ippermettuli, il-għażż fil-ħajja tagħna lejn il-Mulej, dak kollu li jista’ jfixkel lilna milli aħna nersqu u nagħmlu t-taqbida t-tajba bħalma għamilha San Pawl missierna.
Illum qed nippreżentalkom il-kappillan il-ġdid tagħna, u għalhekk ngħidlu: ‘għażiż kappillan, inti trid tmexxi lil din il-parroċċa fdata f’idejk, biex ilkoll flimkien nagħtu s-saħħa lil xulxin ħalli nkunu nistgħu nersqu lejn Alla l-Imbierek. Int se tkun l-ewwel, minn ta’ quddiem, f’din il-ġlieda li hemm bejn it-tajjeb u l-ħażin f’kull wieħed u waħda minna u fina lkoll bħala komunità parrokkjali.’
San Pawl jgħidilna: “imma tibżgħux għaliex Sidna Ġesù Kristu takom is-setgħa u s-saħħa biex intom tkunu werrieta ta’ din is-Saltna ta’ dejjem”. Waħda mill-affarijiet li se nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, hija purċissjoni simbolika li fiha il-kappillan se jurina dak li jistenna li jagħmel hu, b’mod speċjali l-għemejjel qaddisa li huwa jagħmel. X’inhuma l-armi li għandna aħna biex negħelbu l-ħażin? L-ewwel kelma li jgħid San Pawl hija li aħna lkoll aħna werrieta tas-Saltna ta’ Alla permezz tal-Magħmudija. Mela ġo fina, bil-Magħmudija, diġa aħna bnedmin ġodda, diġa jekk nużawhom, għandna l-grazzji kollha li neħtieġu biex aħna nkunu nistgħu mmorru fil-glorja tal-ġenna, permezz tal-Magħmudija. U min hawn u ftit ieħor, il-kappillan se jieqaf fejn il-Battisteru fejn nagħtu l-Magħmudija, u jbierek il-Battisteru permezz tal-inċens.
Fil-Vanġelu (Lq 16,19-31) tal-lum, tiftakru x’kien: jissemmew il-fqir u l-għani. Dak li kien għani sfortunatament ma ħasibx għall-ħajja ta’ dejjem u intilef; dak li kien fqir fil-fatt daħal fil-ħajja ta’ dejjem. Jiena ħsibt fi tliet affarijiet oħrajn li jistgħu jgħinuna biex inkunu nafu kif se nimxu lejn Alla.
L-ewwel ħaġa li rajna fil-Vanġelu tal-lum hija l-ikla. Dan ir-raġel sinjur kien jagħmel ikla, jimpurtah biss mill-materjalità ta’ l-ikla. Kien ikun hemm il-fqir, lanqas kien iħares lejh u minn għalih li qed jagħmel ikla li tkun verament denja. Għażiż kappillan, inti se tieqaf quddiem it-tabernaklu biex turina l-ħidma tiegħek li inti trid tagħmel fl-ikla tal-Mulej li hija l-Ewkaristija. U skont il-kelma ta’ Ġesù, mhijiex biss li aħna nitqarbnu, imma it-tqarbin tagħna irid jimbuttana biex aħna nagħtu kas tal-fqar. Din hija l-ħidma tal-kappillan b’mod speċjali, il-kappillan irid ifakkarna li l-Ewkaristija tibda hawn imma ma tingħalaqx hawn. L-Ewkaristija tibda hawn imma mbagħad trid tinfirex permezz tal-kelma sabiha li ngħidu lill-oħrajn, permezz tal-kura li aħna nagħtu lill-fqar li jkunu qegħdin madwarna. Din hija l-Ewkaristija li l-kappillan irid jaqsam magħkom.
Il-kappillan se jmur fil-konfessinarju. Hu jidħol hemmhekk biex ifakkarna fil-qawwa li tah il-Mulej biex ikun jista’ jaħfer id-dnubiet. Imma llum fil-Vanġelu għandna xi ħaġa li nixtiqkom tirriflettu fuqha. Is-sinjur intilef għal dejjem u Abraham qallu: “Hemm baħħ bejnietna li ma jistax jimtela”. Aħna rridu nakkwistaw il-ġenna hawnhekk mhux wara li aħna mmutu; hawnhekk irridu nakkwistaw il-ġenna. U Sidna Ġesù Kristu fil-parrobbola li Abraham isejjaħlu ibni lill-għani li intilef – jiena llum ħasditni din il-kelma b’mod sabiħ – allavolja dan huwa mitluf, Abraham ikompli jsejjaħlu ‘ibni’. Jiġifieri anke min jintilef, mhux għax Alla ma jħobbux, imma għaliex hu ma jkunx aċċetta l-grazzji li kien tah il-Mulej. Għalhekk ġie Ġesù. Il-kappillan qiegħed hawn biex idewwaqna l-ħlewwa ta’ l-imħabba t’Alla fil-qrar. Hemmhekk l-iktar li jidher il-Mulej. Jiena midneb, ġejt hawnhekk imtaqqal, qerrejt, ħriġt minn hawn ħieles għaliex dak li għamilt li ma jaqbilx ma’ Alla, issa ġie maħfur lili. U din hija l-ħlewwa tal-maħfra.
Il-kappillan, minn hawn u ftit ieħor se jitla’ fuq l-ambone imbagħad jgħidilna: “Il-Mulej magħkom” biex jurina li hu ministru tal-kelma t’Alla. U tiftakru x’rajna fl-Vanġelu tal-lum! dak is-sinjur meta kien quddiem Abraham qallu: “isma’ għandi ’l ħuti, ibgħat lil xi ħadd jgħidilhom biex ma jitfixklux, biex ma jmorrux jibdew ibatu bħali”. U Alla l-Imbierek, permezz ta’ Abraham qallu dan il-kliem: “għandhom lil Mose u ’l profeti, ħalli jisimgħu lilhom”. Jiġifieri qallu li jekk ħutek iħarsu u jimxu u jaqraw il-kotba mqaddsa hemmhekk se jsibu kollox biex huma jistgħu jeħilsu minn dak kollox li jista’ jfixkilhom.
Għalhekk l-aħħar ħaġa li ngħid lill-kappillan: kemm hu sabih li inti f’idejk se jkollok il-qawwa tal-kelma t’Alla biex tagħtiha lil dawn ħutek ħalli lkoll flimkien inkunu nafu t-triq tal-Missier. Ħuti, l-kelma t’Alla hija triq. Min ma jafx il-kelma t’Alla ma jafx it-triq. Irridu nagħtu kas tal-kelma t’Alla meta niġu hawnhekk fil-quddiesa.
Għażiż kappillan, dan huwa dak li llum jiena qed ngħidlek biex tagħmel bħala kappillan quddiem din il-komunità parrokkjali. Ma nistax ma nsemmix ukoll fuq Sidtna Marija jiena u nħares lejha f’din il-knisja. Immaġinaha fl-ewwel komunità ta’ S. Ġwann l-Evanġelista, għaliex Ġesù qalilha biex tmur miegħu. Immaġina xi preżenza sabiħa kienet Marija għall-insara kollha. Jalla bil-protezzjoni ta’ Sidtna Marija, Sultana, ma’ Sidtna Marija li hija wkoll qaddejja tagħna int ikollok l-istess spirtu li kellha Marija biex lil dawn l-aħwa kollha twassalhom lejn Alla l-Imbierek.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta