-
Messaġġ tal-Arċisqof fil-Quddiesa tal-pussess ta’ Patri Manwel Abela OFM Cap bħala l-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, San Ġwann
-
13 ta’ Ottubru 2013
Ħuti, fil-Vanġelu tal-lum (Lq 17, 11-19) għandna r-rakkont tal-fejqan ta’ għaxar morda bil-lebbra bil-Malti konna ngħidulhom imġiddmin. Dil-marda kienet xi ħaġa tal-mistħija għaliex dak iż-żmien kienu joħorġuhom barra mill-pajjiż u jħalluhom ġo post għalihom biex żgur ma jikkontaminawx lill-oħrajn.
Dawn l-għaxra marru għand Ġesù u qalulu: “Mgħallem, ikollok ħniena minna”. Jiġifieri l-għaxra li kien hemm u li marru għand Ġesù kellhom fiduċja f’Ġesù, kieku ma kienux jgħidulu biex hu jfejjaqhom. U Ġesù fejjaqhom. Wieħed biss, Samaritan reġa lura għand Ġesù. U Ġesù jiddispjaċih. Jiena ma naħsibx li Ġesù iddispjaċih għaliex ma qalulux grazzi. Fejn qatt Ġesù ppretenda li xi ħadd jgħidlu grazzi? Kull ma ta, tah bil-ġenerożità. Imma Ġesù ddispjaċih għaliex lil dak li ġie għandu, is-Samaritan, seta’ Ġesù jagħtih lilu nnifsu, waqt li lid-disgħa l-oħrajn ma setghax jaghmel dan. Dawn ikkuntentaw rwieħhom biss biex huma jieħdu l-fejqan, il-fejqan f’din id-dinja biss. Din hija d-differenza. Mela l-għaxra flimkien kellhom forma ta’ fiduċja fil-Mulej, diġa kellhom speċi ta’ fidi, imma mbagħad Ġesù lil dak li ġie lura u nippretendi li sar dixxiplu tal-Mulej Ġesù, il-Mulej qallu: “mur il-fidi tiegħek salvatek”. Ġesù qed jerġa jitkellem fuq il-fidi imma l-fidi differenti ta’ dawk li marru għand Ġesù biex jieħdu xi ħaġa u jieqfu. Dak is-Samaritan xtaq li jkollu iktar u Ġesù dak li tah, li jkun jista’ jimxi warajh.
Jiena naħseb, għażiż kappillan, li parti kbira mill-pastorali tiegħek trid tkun li taħdem fost l-aħwa biex, igħaddu minn dik il-fidi sempliċi bħal ta’ dawk id-disgħa, għall-fidi aktar matura, li tfisser timxi mill-qrib wara Ġesù, bħal tas-sammaritan. Naħseb il-pastorali tiegħek trid timxi fuq dawn il-passi.
San Pawl fit-tieni lezzjoni tal-lum (2 Tim 2,8-13) qalilna xi tfisser is-salvazzjoni. Tfisser li aħna mmutu ma’ Kristu u nerġgħu nirxuxtaw ma’ Kristu. Il-ħajja tagħna nisranija l-ħin kollu tgħaddi min sitwazzjoni ghall-ohra. Minn hawn u ftit ieħor il-kappillan u xi wħud minna se nagħmlu purċissjoni u se nieqfu f’xi postijiet. Se nieqfu ħdejn il-battisteru jiġifieri fejn isiru l-magħmudijiet. Fl-ewwel lezzjoni (2 Slat 5,14-17), smajna li Nagħman niżel fl-ilma u dik ġa hija xbieha tal-ilma li permezz tiegħu aħna nindafu mid-dnub tan-nisel. U allura se niġu quddiem il-battisteru u l-kappilan ibierek il-battisteru.
Nimxu ftit ieħor u mmorru fejn hemm il-konfessinarju għax fis-sagrament tal-Qrar immutu għad-dnub flimkien ma’ Ġesù; biex nerġgħu nqumu għall-ħajja tal-grazzja. Il-kappillan jieqaf ukoll quddiem il-konfessinarju biex juri li se jieħu fuqu dan il-misteru, din il-missjoni kbira li kull min jiġi mtaqqal mid-dnub, jgħaqqdu flimkien ma’ Sidna Ġesù Kristu biex iqum u jibqa’ miexi wara l-Mulej Ġesù.
Il-kappillan ser imur ukoll quddiem it-tabernaklu, u quddiem l-Ewkaristija se jinċensaha. għaliex? Għaliex l-Ewkaristija, kif qalilna l-Papa Ġwanni Pawlu II f’waħda mill-ittri tiegħu, hija t-tiġdid tal-misteru tal-Għid, jiġifieri dak li għamel Ġesù bil-misteru tal-Għid, miet u rxoxta, u l-grazzja li ħarġet dak inhar tiġi fuqna propju fl-Ewkaristija. Il-grazzja b’hekk tinfirex, bl-Ewkaristija. Ġesù miet darba, imma peres li kien l-Iben t’Alla dik il-qawwa li ħarġet mill-misteru tal-Għid tkompli tinfirex mad-dinja kollha u ż-żminijiet kollha.
Fit-tieni lezzjoni, San Pawl, li qiegħed fil-ktajjen, jgħid dik il-kelma qawwija: “imma l-kelma t’Alla mhijiex marbuta”. Allavolja fil-ktajjen, il-kelma t’Alla baqa’ jagħtiha. Il-kappillan fl-aħħar ta’ din il-purċissjoni, se jitla’ hemm fuq, fuq l-Ambone, u jgħidilna: “Il-Mulej magħkom” u jgħidilna li hu se jkompli jagħtikom il-kelma li tana Sidna Ġesù Kristu. Jien ngħid mhux il-kelma biss jagħtikom, imma jagħtikom ukoll, dik il-missjoni biex, flimkien mieghu dik il-kelma mhux tirċevuha biss imma tagħtuha lil ħaddieħor. Hekk il-Kelma ma tkunx marbuta, il-Kelma ma nagħluqhiex fiha nnifisha. imma nħalliha tixxerred għax hija ta’ ġid għall-oħrajn.
Għalhekk, ħuti, din hija l-missjoni mogħtija mill-Knisja, li llum il-kappillan il-ġdid Patri Manwel se jieħu f’idejħ. Aħna lkoll, min-naħa tagħna rridu nagħmlu bħall dak is-Samaritan tal-Vanġelu (ara Lq 17,15), u ngħajtu bil-ferħ għaliex sibna l-Mulej u qed nagħmlu l-mixja wara l-Mulej biex nagħtuh l-glorja li tixraqlu għas-salvazzjoni tagħna.