Katidral tal-Imdina
26 ta’ Jannar 2013
Ħuti, il-Papa Benedittu XVI nieda din is-sena bħala s-sena tal-fidi. Hu ħajjar lilna lkoll biex aħna nagħmlu mixja ta’ fidi. Illum aħna qegħdin niċċelebraw il-konverżjoni ta’ missierna S. Pawl u jiena għidt: ejjew niftakru fil-mixja li għamel S. Pawl biex jasal li ikun l-appostlu tal-ġnus. Araw ftit f’din ir-riflessjoni li se nagħmlu liema huma dawk il-punti tal-mixja li aħna għandna bżonn li nwelldu mill-ġdid fil-qalb tagħna.
S. Pawl kien l-ewwelnett bniedem li lil Alla dejjem ħadu bis-serjetà. Tant ħa lil Alla bis-serjetà li ħaseb li jkun qiegħed jaqdi lil Alla billi huwa jmur jippersegwita lill-insara. Hu jiftaħar u jgħid : “iktar minn dawk ta’ mpari jiena kont nħeġġeġ għall-kelma t’Alla” (Gal 1,14). U allura l-punt tat-tluq ta’ S. Pawl missierna ma kienx li hu kellu jiskopri lil Alla; ‘l Alla kien jafu diġa, u l’Alla, skont l-Antik Testment, kien diġa qiegħed ġo qalbu. Ghalehkk l-mixja tieghu kellha tkun minn Alla tal-Antik Testment għal Alla fi Kristu tal-Ġdid Testment.
Fir-rakkont li smajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Atti 23,3-16) aħna rajna lil Pawlu f’dil mixja li hu għamel, l-ewwel ħaġa li għamillu l-Mulej huwa li laqqgħu miegħu. Il-mixja tal-fidi ma tistax tkun f’xi ħaġa li talqilna t-triq li nitkellmu ma’ Alla l-Imbierek, Sidna Ġesù Kristu. Ovvjament fil-każ ta’ Pawlu li kellu jkun l-appostlu tal-ġnus, din l-esperjenza kienet qawwija ħafna. Tant hu veru li l-quddiem meta kien hemm xi wħud li kienu jiddubitaw jekk Pawlu hux appostlu għaliex ma kienx għex ma’ Kristu, Pawlu jgħidilhom: imma jiena ltqajt ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku u hu għallimni kollox. Meta ra dan id-dawl u waqa’ mal-art, ġraw żewġ affarijiet. L-ewwel ħaġa li jirrakonta hija li hu f’din it-triq, f’din il-mixja, kellu jibda mill-bidu biex ikun jista’ jkun jaf min hu dan il-Mulej li fit-triq mar jitkellem miegħu. Hu għamel dawn iż-żewġ mistoqsijiet li aħna ma nistgħux ngħaddu mingħajrom il-jiem kollha ta’ ħajjitna. Mhux għaliex il-Mulej imbidel, imma għaliex aħna ninbidlu u għalhekk dawn iż-żewġ mistoqsijiet irridu nagħmluhom ta’ spiss, wasalna fejn wasalna fil-fidi tagħna.
L-ewwel mistoqsija kienet ovvja: “Min int Mulej?” U Sidna Ġesù Kristu wiegeb lil Pawlu: Jien dak li int qed tippersegwita. U allura l-ewwel riflessjoni hija: Ġesù jidentifika lilu nnifsu mal-komunità nisranija; ‘ladarba qiegħed tagħmel il-ħsara lill-insara, qed tagħmlilha lili’.
U t-tieni mistoqsija li għamel S. Pawl: “Xi tridni nagħmel, Muej?” U Sidna Ġesù Kristu qallu x’għandu jagħmel, li jmur għand Ħananija u hemmhekk jiltaqa’ propju ma’ dak li kellu jwassallu l-messaġġ u jagħtih il-Magħmudija, Ħannanija. U allura l-fidi tagħna ma tista’ tieqaf qatt; il-mixja tal-fidi tagħna trid dejjem tistaqsi l-mistoqsija u għaliex iċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħna jinbidlu allura l-mistoqsija u t-tweġiba jkunu dejjem ġodda. Jiena meta kont żgħażugħ għamilt din il-mistoqsija u t-tweġiba t’Alla kienet mod; meta issa kbirt nagħmel l-istess mistoqsijiet lil Alla l-Imbierek u se jweġibni b’mod differenti għaliex jiena issa differenti minn meta kont għadni żgħażugħ. Fil-mixja tagħna lejn il-Mulej irridu naraw ftit jekk aħna aħniex nagħmlu dawn iż-żewġ mistoqsijiet li għamel S. Pawl.
U dak il-ħin ġrat t-tieni ħaġa għaliex S. Pawl sar għama, ma bedhiex jara. U dan huwa pass importanti fil-mixja tagħna, dik l-għama ta’ S. Pawl kienet tfisser l-umiltà, l-umiljazzjoni. Imaġinawh lil S. Pawl b’dik il-qawwa kollha tiegħu f’daqqa waħda irid min iżommu minn idejh ħalli jkun jista’ jwasslu. Forsi kienet l-ewwel darba fil-ħajja tiegħu li S. Pawl kellu jiġi mmexxi bl-għajnuna ta’ l-oħrajn. Araw x’umiljazzjoni, kif il-Mulej ġabu fix-xejn biex ineħħi dak li hu uman fih. Lil S. Pawl kien qawwi Alla l-Imbierek jagħtih id-dgħufija, biex is-saħħa ma tiġix minnu imma s-saħħa tiġi minn Sidna Ġesù Kristu.
Imbagħad fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna rajna S. Pawl x’għamel. S. Pawl, l-ewwel ħaġa li għamel kien waħdu, mar fl’Arabja, dam tlett snin u f’dawn it-tlett snin, min jaf kemm tgħallem. Għalhekk l-ittri tiegħu huma tant qawwijin, min jaf x’itgħallem minn għand Sidna Ġesù Kristu stess, personalment, fl-Arabja. U hemmhekk wara ftit snin huwa reġa rritorna lejn Ġerusalemm, u jgħidha: ma kellux bzonn lil ħadd biex jgħallmu, għax Kristu għallmu. Imma huwa mar jiltaqa’ ma’ Pietru, Kefa, u hawnhekk kellu l-laqgħa tiegħu mal-komunita nisranija, mal-Knisja ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dak kien l-mument li fih hu offra, biex ngħid hekk, is-servizzi tiegħu, offrih lil-Knisja ħalli issa lil Kristu jaqdih permezz tal-Knisja.
U l-vjaġġi ta’ S. Pawl, nafu lkoll li ma għamilhomx għax ried hu, iżda kienet il-komunita nisranija, il-Knisja, li bagħtitu jagħmel dawk il-vjaġġi missjunarji. U allura l-punt fejn wasal S. Pawl għaliex il-Mulej kien għażlu, kien propju dan: Sidna Ġesù Kristu, rajniha fil-Vanġelu, ried li huma jmorru ghand il-ġnus kollha u jipprietkaw l-Isem tiegħu. U S. Pawl kien mibgħut propju minn Sidna Ġesù Kristu, permezz tal-Knisja, biex imur fid-dinja kollha. Meta l-ħidma t’Alla issir il-bxara it-tajba ġo fina, aħna nwassluha lill-oħrajn. Ħuti, jekk aħna qatt ma ppruvajna, mhux li nkunu missjunarji, imma qatt ma ppruvajna nagħtu l-kelma lil xi ħadd, x’aktarx li l-kelma tkun ghada ma saritx il-bxara t-tajba li timbuttani biex jien nkun nixtieq naqsam ma’ l-oħrajn.
Din kienet il-mixja li għamel S. Pawl propju fil-fidi tiegħu biex imbagħad jaqsam l-fidi. Jalla, ħuti, f’din is-sena tal-fidi aħna nieħdu lil S. Pawl bħala dak li jmexxina kif jgħid f’waħda mill-ittri: aħna nippruvaw nixbħu lilu għax huwa xxiebaħ ma’ Kristu.