Konkatidral, S. Ġwann
31 ta’ Diċembru 2012
Ħuti bħalma għidtilkom fil-bidu, l-ewwel, bħala Nsara, komunita’ Nisranija, aħna se niċċelebraw il-misteru tal-Imqaddsa Verġni Marija Omm Alla.
Hemm żewġ affarijiet li aħna rridu nifhmu biex nidħlu f’dan il-misteru. L-ewwel waħda hija kif inhi Verġni u Omm? F’waħda mill-enċikliċi tal-Papa Ġwanni Pawlu II hemm li r-rabta bejn verġinita` u maternita` tinsab għaliex Sidtna Marija għexithom it-tnejn bl-ubbidjenza lejn Alla l-Missier. Hu li għamilha possibbli li Verġni ssir Omm.
It-tieni misteru li kultant xi nies fostna jitfixklu anke fih, hija l-aħħar kelma li tajniha: Omm Alla. Mhux l-ewwel darba li jiġi xi ħadd jistaqsina: imma kif jista’ jkun? Omm Alla? Persuna li hija umana u tkun omm Alla li huwa infinit u etern? It-tweġiba hija waħda, ħuti, jekk ma naċċettawx, mhux nifhmu, jekk ma naċċettawx dan il-misteru ma nistgħux naċċettaw il-fatt li fil-ġuf ta’ Sidtna Marija kien hemm l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Irridu ngħiduha bilfors, għax inkella twieled il-bniedem biss mingħajr ma twieled dak il-misteru kbir tal-għaqda li hemm f’Sidna Ġesù Kristu li sar bniedem, l-iben t’Alla li sar bniedem.
U allura tajjeb li aħna, llum u għada niftakru f’dawn il-misteri kbar, nistagħġbu bihom u l-istess stagħġib tagħna jkun il-fidi tagħna. Il-fidi tagħna kultant tgħaddi minn affarijiet li aħna, bejn wieħed u ieħor, nistgħu nifhmuhom. Imma hemm veritajiet li ġew rivelati lilna, li aħna ma nistgħux nifhmuhom, inħarsu lejhom u ngħidu: dan huwa veru Mulej; ma nifhimx imma nemmen u għax nemmen, nemmen li huwa veru.
It-tieni ħaġa li, f’din l-aħħar tas-sena u għada l-ewwel tas-sena, aħna ngħixu huwa dan il-kunċett ta’ l-ewwel tas-sena. U naħseb li anke din tiġi f’qalbna u ngħidu: u l-ewwel tas-sena, ħlief forsi jkun hemm ftit iktar ċelebrazzjonijiet, mhux bħal ġranet kollha li aħna għandna matul is-sena? Imma, ħuti, għandha ħsieb li aħna rridu ngħożżuh għax irridu ngħixuh. L-ewwel tas-sena jfisser li hemm il-passat li mbagħad jinbidel fil-preżent biex ilestina għall-futur. U din hija l-ħajja tan-Nisrani li jrid jgħixha. Mhux ngħixuha bħalma jgħixuha bil-parties; ma jimpurtax, għaliex le? Imma aħna rridu ngħixuha b’mod Kristjan.
Il-lezzjonijiet tal-lum jagħtuna daqsxejn ta’ ħjiel kif aħna nistgħu l-ikbar bidla li tista’ sseħ ġewwa fina, jiġifieri li l-umanita nbiddluha dejjem iktar fid-divinita ta’ Sidna Ġesù Kristu ġewwa fina.
Fil-Vanġelu tal-llum (Lq 2,16-21) rajna żewġ bidliet. L-ewwel waħda kienet ta’ Sidtna Marija. Kienet xebba bħall-oħrajn. Alla l-Imbierek bagħat l-anġlu Gabrijel u f’daqqa waħda il-ħajja tagħha ma baqatx biss umana imma saret umana maqgħuda ma’ dak li huwa ta’ Alla l-Imbierek, ma’ Ibnu. U din hija l-bidla l-kbira li saret f’Sidtna Marija. Kemm hu sabih li mbagħad fil-Vanġelu stess naraw dawn ir-ragħajja li ġew jaraw lil Mulej Ġesù tarbija f’maxtura u huma jinbidlu. Immorru bħala ragħajja bil-kurżita`, li la kellhom skola u ma kellhom xejn, ħa jaraw x’hemm u joħorġu minn dik il-grotta differenti. Għaliex issa huma kapaċi jgħidu lill-oħrajn li ġo fihom hemm din l-esperjenza ta’ Alla l-Imbierek.
Din hi l-ewwel riżoluzzjoni, ħuti! Ħaddieħor jagħmel riżoluzzjonijiet oħra imma aħna nagħmlu din ir-riżoluzzjoni li kull darba li niltaqgħu mad-divinita b’mod speċjali fil-kelma tiegħu u fl-Ewkaristija, aħna rridu noħorġu bħalma ħarġu dawk ir-ragħajja, noħorġu mimljin b’dak li hu divin. Hux sabiħ, ħuti, li dak li għandna miktub fil-Vanġelu: anke jekk tagħti tazza ilma lil wieħed li huwa bil-għatx ikollok rigal kbir fis-sema. Ikollok teżor kbir fis-sema. Anke għemil żgħir isir għemil etern li lilna jiswilna l-eternità. Naraw ftit, ħuti, forsi anke l-ġimgħa li għaddiet kemm kien hemm għemejjel, jew ħsibijiet jew kliem ġo fina li kienu ħerġin bħalma ħarġu tar-ragħajja: ‘aħna rajna l-Mulej!’ U hemmhekk inkunu nafu fejn irridu nagħmlu l-ewwel riżoluzzjoni.
It-tieni riżoluzzjoni rajniha fl-ittra ta’ S. Pawl lill-Galatin (4, 4-7). u San Pawl qiegħed jipproponilna li l-mod tagħna kif naraw ’l Alla irid jinbidel. Min jaf forsi, ħuti, anke lilna għallmuna beżgħat mhux skont l-Iskrittura, forsi għallmuna aktar mill-biża’ u l-biża’ mhux jiġifieri il-biża’ tar-rispett ta’ Alla, il-biża’ twerwir! U llum S. Pawl lil Galatin qalilhom: xi twerwir, twerwir? Intom tistgħu ssejħu lil Alla: Abba, Missier! Ħuti, kemm għandna bżonn li fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, insibu mumenti fejn noqogħdu fil-kwiet u ngħidu: Mulej, Int Missieri, għaliex tħobbni daqshekk! U nħossu l-imħabba tiegħu ġewwa fina għax aħna għandna bżonn l-imħabba.
Aktar il-quddiem, jirraġuna S. Pawl li jekk aħna m’aħniex iktar lsiera imma wlied, l-ulied dejjem jirtu minn għand il-Missier. U allura aħna għandna l-wirt li qiegħed jistennina fis-sema. Dan wkoll, ħuti, perez li huwa misteru kbir, sfortunatament, ħalli ngħid barra minn pajjiżna, hemm nies li dan il-ferħ kbir li Alla jrid jagħtina, li aħna għandna wirt etern, ma jemmnuhx u ma jgħixux fid-dawl tiegħu. Min jaf x’hemm jistenniena, meta S. Pawl qiegħed jgħidilna: intom għandkom il-wirt.
Nixtieq nagħlaq, ħuti, b’dik it-talba ta’ Mosè li rajna fl-ewwel lezzjoni (Num 6, 22-27), u għalija hija waħda mill-isbah barkiet li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa. Ħa nerġa naqrahilkom.
“Ibierkek il-Mulej u jħarsek!”. Aħna rridu npoġġu il-ħarsien tagħna f’idejn il-Mulej. Ibierkek u jħarsek.
“Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena!”. Ġebbittha ftit jiena imma meta qiegħed jgħid: jurik il-ħniena, jista’ jkun li f’dak il-mument qed jgħidilhom: il-passat tagħkom mar! Issa ħniena biss għandkom, tgħannieqa ta’ Alla l-Missier, m’għandkom xejn iktar. Ħa nerġa ngħidilkom: jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena.
U t-tielet u l-aħħar barka: “Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem!”. Allura nagħmlu daqsxejn mistoqsija: jien dejjem inħares b’imħabba lejn il-Mulej? Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem! Ġieli rajna persuni li huma ippersegwitati, persuni li huma morda u għaliex ħallew lil Mulej jixħet l-imħabba tiegħu fuqhom, allura setgħu iħarsu bis-sliem anke fit-tiġrib tagħhom.
Ħuti, dawn huma r-riżoluzzjonijiet insara għas-sena li ġejja. Ejjew nippruvaw nagħmluhom.