KonKatidral ta’ San Ġwann

8 ta’ Settembru 2012

Eċċellenza President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Ħuti,

Aħna, fi gżiritna, qegħdin niċċelebraw żewġ ġrajjiet li salvaw lil Malta minn żewġ ħakmiet. L-ewwel waħda fl-1565 minn idejn l-Imperu Ottoman; l-oħra fl-1942, mill-ħakma tal-Faxxiżmu u n-Naziżmu. Meta naħsbu fuqhom nifirħu u niffesteġġjawhom. U hekk ġustament fi sfond tal-mixja tal-istorja għandu jsir. Biss meta tħares lejhom mill-kampijiet tal-gwerra u tal-ibliet ta’ dak iż-żmien, bilfors naslu biex ngħidu: “X’ħela ta’ nies, xi tbatija biex inkunu nistgħu ntennu din il-kelma Victoria, Rebħa”. Kemm min rebaħ, u kemm min tilef ħalla warajh ħafna miż-żgħażagħ tiegħu, kif ukoll ħafna ċivili mejtin, minbarra l-ħerba li tkun irriżultat mill-gwerra.

Dan kollu jġegħelna nagħmlu l-mistoqsija: “Għaliex dan it-telf kollu fil-bniedem, fl-umanità?” Xi jġagħlu jagħmel din il-vjolenza kollha?” Nistgħu nagħtu ħafna raġunijiet: ambizzjonijiet ta’ poter, difiża ta’ nazzjon, piki ta’ nazzjonijiet. Il-fatt hu li hemm xi ħaġa fl-umanità, fil-bniedem, li ġġagħlu jidħol għall-vjolenza u għall-gwerer.

L-interpretazzjoni fl-Antik Testment

Fil-Ktieb tal-Ġenesi fl-ewwel kapitli jiġi rrakkontat il-ħolqien. Kif jiġi ppreżentat hemmhekk, hija viżjoni li twassallek il-ħsieb li kollox ġie maħluq fil-paċi, bla ebda vjolenza. L-ewwel dnub tal-bniedem jiġi ppreżentat bħal li ġie minn barra fih, minn serp, li daħaq bih. Għax emmnu iktar il-ħażen mill-kliem li qalilhom Alla l-Imberek biex jibqgħu jiġu mmexxijin minnu, daħal il-ħażen fid-dinja. Ladarba l-bniedem kellu esperjenza tal-ħażen, il-ħażen daħal fih: issa l-ġlieda qiegħda ġewwa fih. Issa l-possibbiltà għall-ħażen qiegħda fil-bniedem stess. Il-ġlieda għat-tajjeb, qabel ma hija ġlieda bejn il-bnedmin, hija ġlieda fil-bniedem innifsu.

Tant hu veru li l-ewwel att ta’ vjolenza sar minn Kajjin li kellu ġewwa fih konflitt intern, ta’ għira, li minħabba fiha qatel lil ħuh. Dan ir-rakkont huwa maħsub biex jurina li issa għalkemm il-bniedem baqa’ fondamentalment tajjeb għax kompla jaħalqu Alla, il-ħażen  qiegħed ġewwa l-bniedem, mhux barra minnu. Huwa l-intern, dak li hemm fil-bniedem li jrid jitfejjaq. Ħafna mill-ġrajjiet fil-kumplament tal-Antik Testment huma magħmula minn ġrajjiet ta’ gwerra li għadda minnhom il-Poplu Lhudi.

Il-Ġdid Testment mhuwiex mimli hekk għaliex il-Poplu Lhudi kien taħt il-ħakma tar-Rumani. L-ikbar għemil ta’ vjolenza u, għalina li nemmnu, l-iktar inġust, kien it-tislib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Imma anki dan il-ġest ta’ tislib, reġa’ tilef il-parti tiegħu tal-ħażen proprju minn  f’xi wħud li kienu hemm, li marru lil hinn mill-krudeltà li kienet tidher hemm. Is-Salib reġa’ tilef il-parti interna, inġusta tiegħu u din id-darba l-ġust mhux bl-armi reġa’ ħa l-ġustizzja tiegħu.

Sidna Ġesù  Kristu baqa’ jsofri l-għemil estern ta’ vjolenza sakemm qatluh – minn barra ma nbidel xejn, iżda internament minn att vjolenti ta’ dawk li kienu qegħdin isallbuh inbidel f’att ta’ maħfra u ta’ interċessjoni quddiem Alla. Mill-vjolenza Ġesù ħareġ il-maħfra, it-tajjeb, li tagħha huwa kapaċi l-bniedem.

Quddiem is-Salib għallinqas żewġ bnedmin reġgħu ħadu d-dinjità tagħhom għax għarfu l-vjolenza minn dak li hu tajjeb, u setgħu jinfirdu minnha. Il-ħalliel it-tajjeb għaraf li taħt dik il-vjolenza kien hemm id-dinjità ta’ raġel tajjeb, it-tjubija li qed tiġi vvjolentata. Iċ-ċenturjun, li kien qiegħed ħdejn is-Salib,  mar pass ieħor u ra li dak li kien qiegħed jissallab kien verament Bin Alla. Għallanqas f’dawn l-okkażjonijiet, il-bniedem quddiem is-Salib, kemm il-ħalliel it-tajjeb, kif ukoll iċ-ċenturjun għarfu li dak li kien qiegħed jissallab kien l-Iben ta’ Alla u reġgħu kisbu d-dinjità li jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u għalhekk il-vjolenza ma saritx fini għaliha nfisha, ma rnexxilhiex teqred it-tajjeb  u r-raġunar għat-tajjeb li hemm fil-bniedem.

Ħolma ta’ Paċi

Fil-Antik Testment, għalkemm għandna ħafna rakkonti ta’ ġlied, jibqa’ l-fatt li l-ħsieb aħħari kien ta’ viżjoni li għad tegħleb dak kollu li hu vjolenza. Kien hemm  viżjoni aħħarija ta’ meta Alla jakkwista s-saltna tiegħu, u terġa’ tinbena kif ħalaqha hu: hija l-profezija ta’ dinja oħra li għad trid tiġi meta tgħaddi din id-dinja, iżda hija wkoll tama, ċertezza, li l-paċi fl-aħħar se tibda, se tirbaħ.

Għalkemm l-Antik Testment huwa mimli bil-ġlied u l-qtil, il-ħolma l-kbira tal-Poplu baqgħet il-paċi. Jixraq li ntennu l-viżjoni ta’ paċi li Alla ta lill-poplu tiegħu permezz ta’ Iżaija:

“Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp, u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa.”(11, 6-8 ). It-tfal tal-Poplu kienu jisimgħu jinqraw lilhom dawn ir-rakkonti, u jaħsbu u jittamaw fihom anki fi żminijiet ta’ gwerer. It-tama tagħhom, iktar mir-rebħa, kienet fil-paċi li għad trid tiġi.

Konklużjoni

Hemm bżonn li nżidu iktar il-kultura tal-paċi. It-tfal tagħna fuq il-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni jaraw viżjonijiet ta’ paċi jew ta’ rebħa ta’ min hu l-iktar b’saħħtu? Sidna Ġesù Kristu, wara li rebaħ għaliex qam mill-mewt ma kienx ifakkar lid-dixxipli tiegħu fir-rebħa li ntrebħet iżda fil-paċi li nkisbet – “Is-Sliem għalikom”  (Ġw 20,26).

Aħna wkoll irridu nżidu iktar il-kultura tal-paċi mhux il-kultura tal-arti tal-gwerra,  vera jew virtwali. In-Nisrani ma jistax ma jagħmilx il-parti tiegħu biex iġib il-Paċi fuq din l-art. Irid jgħixha fuq il-livelli kollha – fil-familja, fl-edukazzjoni tat-tfal, fuq il-postijiet tax-xogħol. Kull bniedem irid ikollu l-ħolma tal-paċi:  qatt ma jista’ jinsieha. Irid jixtieqha, u jaħdem għaliha f’kull ċirkustanza li jkun.

Jixraq li nagħlaq din l-omelija, billi ngħaqqdu t-talb tagħna ma’ dak it-talb li ngħad fuq il-kampijiet tal-gwerra u ġewwa x-xelters għall-Paċi bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.

+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta